Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta' Frar 2008 minn Kris Van Neyghem mis-sentenza mogħtija fit-13 ta' Diċembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-73/06, Van Neyghem vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-105/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Kris Van Neyghem (Vissenken, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellant

tiddikjara l-appell preżenti ammissibbli;

tannulla s-sentenza mogħtija fit-13 ta' Diċembru 2007 mit-Tieni Awla tat- Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-73/06;

tilqa' t-talbiet għal annullament u għal kumpens ippreżentati mill-appellant quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tieġħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/A/19/04 li ma jħallihx jipparteċipa fl-eżami orali ta' l-isemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-danni matrerjali u morali allegatament subiti minnu.

In sostenn ta' l-appell tiegħu, l-appellant jinvoka aggravju bbażat fuq iż-żnaturament ta' element ta' prova mressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b'mod partikolari, kopja ta' eżami bil-miktub.

Barra minn hekk, huwa jqajjem aggravju bbażat fuq żball fil-motivazzjoni li kien wettaq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tan-nuqqas manifest ta' evalwazzjoni tal-President tal-Bord fil-paragun bejn in-nota attribwita lir-rikorrenti u l-evalwazzjoni litterali bbażata fuq il-formola ta' evalwazzjoni.

____________