Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Bulgarija) fis-16 ta’ April 2024 – “Kanevi Komers DS” EOOD vs Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

(Kawża C-267/24, Kanevi Komers DS)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad – Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Kanevi Komers DS” EOOD

Konvenut: Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

Domandi preliminari

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità 1 tista’ tiġi applikata direttament mill-Istati Membri jew l-applikazzjoni tagħha teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali?

Għandu jitqies li l-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprovdi li, sabiex l-awtorità kompetenti titqies li ngħatat informazzjoni korretta min-naħa tal-benefiċjarju fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew it-talba tiegħu għal pagament ma humiex korretti jew ma kinux baqgħu korretti wara l-preżentazzjoni jew it-tressiq tagħhom, huwa biżżejjed li l-komunikazzjoni tkun saret f’forma miktuba u tkun waslet għand l-awtorità kompetenti, mingħajr ma jkun previst li din il-komunikazzjoni titwettaq permezz ta’ pjattaforma speċifika?

Ir-restrizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, għad-dritt tal-benefiċjarju li jinforma lill-awtorità kompetenti li l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew it-talba tiegħu għal pagament ma humiex korretti jew ma kinux baqgħu korretti wara l-preżentazzjoni jew it-tressiq tagħhom mingħajr ma jkunu imposti fuqu sanzjonijiet, liema restrizzjonijiet jikkonsistu fil-kundizzjoni li l-“benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament” tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu l-eżistenza ta’ prova li l-awtorità amministrattiva kienet informat lill-benefiċjarju dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq kontroll jew dwar in-nuqqas ta’ konformità kkonstatat fl-applikazzjoni għal għajnuna jew fit-talba għal pagament? F’dan id-dawl, f’sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju ma jkunx ġie informat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq kontroll fuq il-post u fejn din l-awtorità ma tkunx diġà informat lill-benefiċjarju dwar in-nuqqas ta’ konformità kkonstatat fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna jew fit-talba tiegħu għal pagament, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-benefiċjarju jirtira din l-applikazzjoni jew din it-talba qabel ma jiġi informat mill-awtorità amministrattiva, minkejja li l-kontroll ikun diġà twettaq u l-awtorità tkun diġà kkonstatat nuqqas ta’ konformità?

Il-premessa 17 u l-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jippermettu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li “[l]-applikant għal appoġġ ma jistax jirtira l-applikazzjoni ppreżentata u lanqas ma jista’ jirtiraha minn skema jew miżura waħda jew iktar meta: 1. ikun ġie informat li kienu ġew ikkonstatati elementi doppji fl-applikazzjoni, fir-rigward tal-artijiet elenkati darbtejn; 2. ikun ġie informat li ntgħażel sabiex jitwettaq kontroll fuq il-post; 3. kien is-suġġett ta’ kontroll fuq il-post u kien ġie informat bin-nuqqasijiet ta’ konformità kkonstatati fir-rigward taż-żoni u/jew tal-annimali kkonċernati”, kif ukoll il-prassi tal-awtorità nazzjonali li twettaq kontroll fuq il-post (mingħajr ma tinforma lill-benefiċjarju dwar il-kontroll jew dwar l-eżitu tiegħu) u l-prassi tal-awtorità nazzjonali li teżiġi komunikazzjoni bil-miktub tal-irtirar mill-benefiċjarju fil-kuntest ta’ sistema speċifika, u dan bil-għan biss li jiġi ffaċilitat it-trattament amministrattiv tal-applikazzjoni?

It-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tapplika fir-rigward tas-sanzjoni imposta fuq il-bidwi skont l-Artikolu 19a tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 (imħassar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1172 tal-4 ta’ Mejju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità (ĠU 2022, L 183, p. 12), li l-premessa 16 tiegħu tiddikjara li “[f]l-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 jitħassar. Madankollu, dak ir-Regolament jenħtieġ li jkompli japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023, għat-talbiet għall-pagamenti magħmula fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u għas-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tar-regoli dwar is-sistema ta’ kundizzjonalità”) li kien fis-seħħ matul is-sena finanzjarja 2019 u fil-mument li fih ġiet imposta s-sanzjoni permezz tal-ittra ta’ komunikazzjoni dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni u l-pagament ta’ appoġġ finanzjarju taħt l-iskemi u l-miżuri ta’ pagamenti diretti għaż-żoni matul is-sena finanzjarja 2019, li kellha n-numru 01-2600/6992 u d-data tal-5 ta’ Diċembru 2022, u dan f’sitwazzjoni fejn, fil-mument li t-tilwima ġiet eżaminata mill-qorti, il-verżjoni tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023 (disponibbli fuq l-indirizz ), ma kienx fiha d-dispożizzjoni tal-Artikolu 19a?

____________

1     ĠU 2014, L 181, p. 48.