Language of document : ECLI:EU:T:2013:480

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2013 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001– Talba intiża li jinkiseb aċċess għal ċerti siltiet kunfidenzali tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar akkordju — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu ta’ motivazzjoni — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Interess pubbliku ikbar — Kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża T‑380/08,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, M. de Mol u M. de Ree, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2008 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti siltiet kunfidenzali tad-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)],

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, S Soldevila Fragoso (Relatur) u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1        Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni bitum”), dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE]. Verżjoni ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ċerti siltiet li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala kunfidenzjali (iktar ’il quddiem il-“verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum”) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40). Fid-deċiżjoni bitum, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw f’akkordju dwar is-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuh tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u imponiet multi fuq dawn l-impriżi li l-ammont totali tagħhom laħaq EUR 266,717 miljun.

2        Fis-7 ta’ Marzu 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq quddiem il-Kummissjoni talba ta’ aċċess għall-verżjoni kompleta tad-deċiżjoni bitum (iktar ’il quddiem il-“verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum”) skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 3, p. 331).

3        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba inizjali ta’ aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum.

4        Fis-17 ta’ April 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni konfermatorja fis-sens li l-Kummissjoni tirrivedi l-pożizzjoni tagħha (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”). Huwa indika li, billi sofra dannu b’konsegwenza tal-aġir tal-impriżi msemmija fid-deċiżjoni bitum, huwa kellu l-intenzjoni li jitlobhom kumpens quddiem il-qrati nazzjonali. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi osserva li kien utli, f’dan ir-rigward, li tittieħed konoxxenza tal-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum, iżda li kienet tneħħiet mill-verżjoni pubblika ta’ din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika ċerti siltiet tad-deċiżjoni bitum dwar:

–        in-natura u l-iskala tal-ksur (premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni bitum);

–        l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kartell (premessi 48 sa 86 u 350 sa 354 tad-deċiżjoni bitum);

–        ir-rwol ta’ ċerti impriżi bħala istigatriċi jew mexxejja tal-akkordju (premessi 342 sa 347 tad-deċiżjoni bitum);

–        ftehim tal-prezzijiet iffissati fi ħdan l-akkordju (premessi 87 sa 126 tad-deċiżjoni bitum);

–        id-differenzi bejn il-livell tal-prezz tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-pajjiżi konfinali (premessi 150, 174, 314 tad-deċiżjoni bitum);

–        l-interess tal-kostrutturi tat-toroq li jaraw żieda fil-prezzijiet tal-bitum (premessi 149 u 151 tad-deċiżjoni bitum);

–        il-partijiet tas-suq u d-dħul mill-bejgħ dwar il-bejgħ tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-parteċipanti tal-akkordju (premessi 7 sa 29 u 321 tad-deċiżjoni bitum);

–        fl-aħħar nett, l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi li jirrappreżentaw il-parteċipanti fil-laqgħat tal-akkordju (premessi 187, 205, 236, 252, 265, 268, 273, 279, 286, 291, 293 u 298 tad-deċiżjoni bitum).

5        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja.

6        F’dak li jikkonċerna l-informazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 4 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li l-verżjonijiet pubbliċi u kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum kienu identiċi.

7        Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fit-tieni sat-tmien inċiż tal-punt 4, iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li dawn kienu koperti bl-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti mill-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni, rispettivament, tal-interessi kummerċjali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u tal-iskop ta’ attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, hija indikat li, skont l-Artikolu 4(2), fl-aħħar, tal-imsemmi regolament, dawn l-eċċezzjonijiet kellhom jiġu skartati jekk interess pubbliku ikbar kien jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba. Madankollu, hija kkunsidrat li l-applikazzjoni konfermatorja ma kienx fiha argumenti li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali interess, sa fejn dak invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ibbażat fuq l-utilità tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum sabiex jiġi ppreparat rikors għad-danni possibbli kontra l-impriżi kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kien ta’ natura privata u mhux pubblika.

8        Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 4, iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li din kienet koperta wkoll, barra mill-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu.

9        Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, l-informazzjoni msemmija fit-tieni sat-tmien inċiż tal-punt 4, iktar ’il fuq, billi hija koperti għal kollox mill-eċċezzjonijiet imsemmija qabel, żvelar parzjali ta’ din l-informazzjoni, taħt l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx possibbli.

10      F’Awwissu 2009, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum, li kienet tinkludi numru inqas sinjifikattiv ta’ siltiet mhux żvelati (iktar ’il quddiem il-“verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta din il-kawża.

12      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ l-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885), kif ukoll sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża li tat lok għad-digriet tal-25 ta’ Jannar 2011, Basell Polyolefine vs Il‑Kummissjoni (T‑399/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra). Il-proċedura tkompliet fil-25 ta’ Jannar 2011.

13      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata għal din l-awla.

14      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2012.

15      Fit-tmiem tal-imsemmija seduta, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda lill-partijiet li tirrigwarda d-determinazzjoni preċiża tas-suġġett tal-kawża fir-rigward tal-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum.

16      Permezz tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fl-24 ta’ Jannar u fit-8 ta’ Frar 2013, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni wieġbu għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali.

17      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li t-talba tiegħu ta’ aċċess kellha minn issa bħala suġġett is-siltiet kollha li kienu baqgħu kunfidenzjali fil-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. F’dan ir-rigward, dan identifika ċerti siltiet ta’ din id-deċiżjoni dwar:

–        in-natura u l-iskala tal-ksur (noti ta’ qiegħ il- paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum);

–        l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-akkordju (premessi 50, 53 sa 57, 59, 62, 64 sa 66, 69 sa 74, 77, 78, 80, 82 sa 86 u noti ta’ qiegħ il- paġna Nri 130, 132 sa 134, 137 sa 140, 143 sa 148, 150 sa 157, 160 sa 187, 189 sa 192, 194 sa 198, 200 sa 204, 206 sa 212, 215 sa 229, 231 sa 239, 519 sa 521 tad-deċiżjoni bitum);

–        ir-rwol ta’ ċerti impriżi bħala istigatriċi jew mexxejja tal-akkordju (premessi 342 sa 345 u noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 505, 507 sa 513, 515 sa 518 tad-deċiżjoni bitum);

–        ftehim tal-prezzijiet konklużi fi ħdan l-akkordju (premessi 88 sa 98, 102 sa 118, 120 sa 125 u noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 240 sa 251, 253, 254, 256 sa 268, 270, 272 sa 322 tad-deċiżjoni bitum);

–        id-differenzi bejn il-livell tal-prezz tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-pajjiżi konfinali (noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 372 sa 376 tad-deċiżjoni bitum);

–        l-interess tal-kostrutturi tat-toroq li jaraw żieda fil-prezzijiet bitum (noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 341 sa 346 tad-deċiżjoni bitum);

–        il-partijiet tas-suq u d-dħul mill-bejgħ dwar il-bejgħ ta’ bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-parteċipanti tal-akkordju (premessi 8 sa 16, 18 sa 23, 29 u noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 16, 18, 21, 29 sa 32, 35 sa 37, 41, 43 sa 45, 47, 49, 52, 53, 56, 59, 60, 70, 73, 77 sa 81 tad-deċiżjoni bitum);

–        l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi li jirrappreżentaw il-parteċipanti fil-laqgħat tal-akkordju (premessi 187, 236, 252, 265, 268, 273, 279, 286, 291, 293, 298 tad-deċiżjoni bitum);

–        u fl-aħħar nett, “informazzjoni mitluba oħra” (premessi 30, 34, 35, 37, 42, 45, 154, 175 sa 177, 179, 187, 236, 252, 265, 268, 273, 279, 286, 291, 293, 298, 302, 317, 319, 321, 342 sa 347, 372, 378, 380, 382 sa 386, 389 sa 391, 394, 397 u noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 82, 84 sa 87, 89 sa 100, 102 sa 119, 121, 122, 124, 126, 341, 350 sa 352, 379 sa 381, 385, 386, 390 sa 393, 395, 419, 420, 422, 423, 430, 433, 435 sa 437, 441, 447, 450, 453 sa 458, 465 sa 469, 472 sa 474, 480 sa 483, 522, 528, 541, 547, 549 u Anness I tad-deċiżjoni bitum).

18      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi enfasizza li l-“informazzjoni mitluba oħra” kienet ukoll tagħmel parti mit-talba ta’ aċċess tiegħu anki jekk ma kinitx indikata speċifikament fl-applikazzjoni konfermatorja. Fil-fatt, l-applikazzjoni konfermatorja kienet tikkonċerna d-deċiżjoni bitum fl-intier tagħha. Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreċiża li s-suġġett tal-kawża ma kienx maħsub għall-informazzjoni kunfidenzjali miksuba mill-Kummissjoni permezz tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-klemenza”).

19      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet tagħha l-inkonsistenza u ineżattezza fil-pożizzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-informazzjoni li l-applikazzjoni għall-iżvelar tagħha kienet is-suġġett tal-kawża. F’dan ir-rigward, hija sostniet li ma kienx jidher ċar fl-applikazzjonijiet inizjali u konfermatorji li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-aċċess għall-informazzjoni li ma kinitx dik speċifikata f’dawn l-applikazzjonijiet.

20      Konsegwentement, il-partijiet ġew imsejħa biex jipparteċipaw f’seduta ġdida, stabbilita fid-29 ta’ April 2013, li għaliha, madankollu, huma rrinunzjaw. Il-proċedura orali għalhekk ingħalqet fis-17 ta’ April 2013.

21      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna s-siltiet kollha tad-deċiżjoni bitum li għadhom kunfidenzjali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li fihom informazzjoni miksuba permezz tal-Avviż dwar il-klemenza;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

23      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-preżentata tal-kontroreplika, il-Kummissjoni ppubblikat il-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. Din fiha inqas informazzjoni mhux żvelata milli l-verżjoni pubblika li kienet is-suġġett tad-diskussjoni inizjali bejn il-partijiet, quddiem il-Kummissjoni qabel kollox u quddiem il-Qorti Ġenerali sussegwentement, fil-kuntest tan-noti tal-partijiet. Matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali qieset neċessarju li titlob lill-partijiet li jippreċiżaw is-suġġett tal-kawża wara din il-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għal din it-talba fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2013 li fihom identifika s-siltiet li huwa kien qed jitlob minn issa l-iżvelar tagħhom billi jitneħħew mill-applikazzjoni tiegħu s-siltiet li kienu jidhru minn issa fil-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li l-informazzjoni miksuba permezz tal-Avviż dwar il-klemenza kienet eskluża mit-talba ta’ aċċess tiegħu (ara punt 18 iktar ’il fuq).

24      Għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi analizzata skont kjarifiki li tressqu mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2013.

 Fuq il-mertu

25      L-argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi insostenn tar-rikors tiegħu jistgħu jinġabru f’seba’ motivi. L-ewwel u t-tieni motivi huma bbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija fit-tieni sat-tmien inċiż tal-punt 17 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni inkwistjoni”) kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet u li hija ma spjegatx ir-raġuni għalfejn in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum (l-ewwel inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq) ma kinux ġew ikkomunikati. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku ikbar kien jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq, kienet koperta mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-integrità tal-individwu. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għall-informazzjoni inkwistjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx iktar iġġustifikata, fir-rigward tal-perijodu li fih kienet marbuta l-informazzjoni inkwistjoni. Fl-aħħar nett, is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni ma skambjatx din l-informazzjoni mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Osservazzjonijiet preliminari

26      Għandu jiġi rrilevat li istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġi evalwata talba għall-aċċess għal dokumenti li hija żżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punti 113 u 114).

27      Issa, kif ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet fl-istess ħin koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, u permezz tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, ta’ ispezzjonijiet u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, sabiex jintwera li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha fil-konfront ta’ din l-informazzjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jistabbilixxi kemm, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li hija setgħet tirrifjuta l-aċċess tagħhom abbażi ta’ kull waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, kemm, fil-kuntest tat-tielet u l-ħames sas-seba’ motiv, li interess pubbliku ikbar, iż-żmien li għadda jew l-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-Artikolu 10 KE jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità li kienu jiġġustifikaw fi kwalunkwe każ l-iżvelar tagħhom, jew mill-inqas parzjali, jew l-iskambju tagħhom mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

28      Fl-aħħar nett, kif ġie indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija kemm fit-tmien inċiż tal-punt 4, kif ukoll fit-tmien inċiż tal-punt 17 iktar ’il fuq kienu wkoll koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu. Għaldaqstant, sabiex jintwera li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu kemm juri b’mod kumulattiv li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi huma fondati, kif ukoll li juri li wieħed mit-tielet u l-ħames sas-seba’ motivi huwa fondati.

29      L-ewwel nett, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li hija ma spjegatx ir-raġuni għalfejn in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum ma kinux ġew ikkomunikati.

30      Din il-kawża tikkonċerna r-rabtiet bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) li jirregola qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ regolamenti għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant huwa intiż sabiex jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kif ukoll sabiex jippromwovi prassi amministrattiva tajba. It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri ta’ repressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 109).

31      Bil-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jirriżulta mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li, f’każ ta’ kontradizzjoni bejn dan ir-regolament u regola oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jipprevalu, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 1/2003 ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li għalhekk tkun tippermetti applikazzjoni koerenti. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt madankollu huwa suġġett, fid-dawl tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punti 110 u 111).

32      Ċertament, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli minn perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati li jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 120).

33      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt attività ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din l-informazzjoni nġabret mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li l-għan tagħha kien li jinġabru informazzjoni u provi biżżejjed biex jiġu soppressi prattiki konkreti kuntrarji għal din id-dispożizzjoni.

34      Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li tikkonsisti fil-verifika dwar jekk impriża waħda jew diversi impenjawx ruħhom fil-kuntest ta’ aġir kollużiv li jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni tiġbor fil-kuntest ta’ tali proċedura informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi implikati, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma’ dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, f’dan il-każ, marbuta flimkien mill-qrib (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 115).

35      Ċertament, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument ikun jaqa’ taħt attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 116), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-proċeduri fil-qasam ta’ stħarriġ ta’ tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali preżunzjonijiet ġenerali setgħu jirriżultaw, rispettivament, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), u mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31) li jirregolaw speċifikament l-oqsma tal-għajnuna mill-Istat u tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi u li jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti miksuba fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoniijet u ta’ stħarriġ relatati ma’ għajnuna jew ma’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 12 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57, u Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punti 117 u 118).

37      Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali preżunzjonijiet ġenerali huma applikabbli wkoll, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri skont l-Artikolu 81 KE, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola din il-proċedura tipprovdi wkoll għal regoli stretti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 118).

38      Fil-fatt, l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll l-Artikoli 8 u 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), jirregolaw b’mod restrittiv l-użu mill-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-partijiet li għalihom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, possibbilment għal-lanjanti, bla ħsara għall-interess leġittimu tal-impriżi implikati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati, u billi jeżiġu li l-informazzjoni miġbura tintuża biss għall-għanijiet li għalihom hija nġabret, u li l-informazzjoni, li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali, ma tiġix żvelata.

39      F’dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, aċċess iġġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura jew terzi, ikun ta’ natura li jippreġudika l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura, fir-Regolament Nru 1/2003, bejn minn naħa l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 121).

40      Min-naħa l-oħra, li kieku l-persuni minbarra dawk awtorizzati jaċċedu għall-fajl permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura skont l-Artikolu 81 KE kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ tali proċedura abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni tiġi kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 122).

41      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri skont l-Artikoli 81 KE, permezz tal-Avviż dwar il-klemenza, li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’ tiddiswadi applikanti għal klemenza potenzjali li jagħmlu dikjarazzjonijiet abbażi ta’ dan l-avviż. Fil-fatt, huma jistgħu jsibu lilhom infushom f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ impriżi oħra li jkunu pparteċipaw fl-akkordju u li ma kinux ikkooperaw fl-investigazzjoni jew ikkooperaw b’mod inqas intensiv.

42      Konsegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE fil-prinċipju, kien jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi implikati f’tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 123).

43      Fid-dawl tan-natura tal-interessi protetti fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni misluta fil-punt preċedenti tapplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk it-talba għal aċċess tikkonċernax proċedura diġà magħluqa jew proċedura pendenti. Fil-fatt, il‑pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi implikati tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE pendenti. Barra minn hekk, il-perspettiva ta’ tali pubblikazzjoni wara t-tmiem ta’ din il-proċedura jista’ jkollha effetti negattivi fuq id-disponibbiltà ta’ impriżi sabiex jikkollaboraw meta tali proċedura tkun pendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 124).

44      Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dan il-perijodu jekk ikun neċessarju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 125).

45      Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni ġenerali msemmija hawn fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 126).

46      Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti invokati essenzjalment mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest ta’ dawn il-motivi.

47      Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-kunċett ta’ interessi kummerċjali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikopri biss l-interessi kummerċjali legali u leġittimi, liema fatt kien jeskludi l-interessi kummerċjali tal-partiċipanti f’akkordju kif ukoll dak li ma jkunx is-suġġett ta’ kawża għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jżid li fi kwalunkwe każ, f’dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, l-interessi tal-organizzazzjoni tal-akkordju ma kinux jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u, min-naħa l-oħra, ebda riskju reali ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali ma kien jeżisti f’dan il-każ, peress li l-fornituri kollha tal-bitum kienu pparteċipaw fl-akkordju u li l-kompetizzjoni, għal dak li jikkonċerna dan is-suq, ma kinitx reali matul iż-żmien tal-ksur inkwistjoni.

48      Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, kif il-Kummissjoni ssostni ġustament, la r-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdu li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvoka l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ din l-impriża sabiex tirrifjuta l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti dwar il-ksur ikkonċernat.

49      Minflok, il-fatt li l-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 17 sa 22 tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-finijiet li għalihom hija nġabret u li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, membri tal-persunal u l-persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll il-membri tal-persunal u uffiċjali ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li huma kisbu jew skambjaw skont dan ir-regolament u li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali, juri li, fil-prinċipju, l-informazzjoni dwar il-ksur inkwistjoni tista’, jew għandha, tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali.

50      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni tal-impriżi destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa, abbażi tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, limitat mill-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati u ma jestendix għall-informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali. Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jagħti ċertu protezzjoni lill-interessi kummerċjali tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura skont l-Artikolu 81 KE, kif ukoll tal-Artikolu 82 KE, u dan anki fis-sitwazzjoni fejn dan l-interess jista’ jkun parzjalment f’kunflitt mad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn l-impriżi.

51      Sussegwentement, ċertament hemm lok li jiġi rrilevat li, kif sostna r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-interess ta’ impriża, li fuqha l-Kummissjoni imponiet multa għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li d-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija akkużata bih ma jiġux żvelati lill-pubbliku ma jistħoqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess tal-pubbliku li jkun jaf bl-iktar mod iddettaljat possibbli l-motivi ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, tal-interess tal-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema huwa l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jkunu jafu d-dettalji ta’ dan il-ksur sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra impriżi sanzjonati u fid-dawl tal-possibbiltà għal din l-impriża li tissottometti tali deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punt 72).

52      Madankollu, il-Qorti Ġenerali xorta waħda enfasizzat in-neċessità li tiġi osservata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-impriżi kkonċernati inkwantu dawn ma kinux ġew ikkundannati b’mod definittiv u għalhekk ikkunsidrat li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur imwettaq minn impriża kellhom jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali fil-konfront tal-pubbliku u, għaldaqstant, bħala koperti, minħabba n-natura tagħhom, mis-sigriet professjonali (sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 78). Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta tressqet talba ta’ aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, diversi proċeduri ġudizzjarji dwar rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjoni bitum kienu għaddejjin quddiem il-Qorti Ġenerali (kawżi li taw lok għad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2008, Wegenbouwmaatschappij J. Heijmans vs Il‑Kummissjoni, T‑358/06, Ġabra p. II‑110; għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06; Total vs Il‑Kummissjoni, T‑344/06; Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑347/06; Total Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑348/06; Dura Vermeer Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑351/06; Dura Vermeer Infra vs Il‑Kummissjoni, T‑352/06; Vermeer Infrastructuur vs Il‑Kummissjoni, T‑353/06; BAM NBM Wegenbouw u HBG Civiel vs Il‑Kummissjoni, T‑354/06; Koninklijke BAM Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑355/06; Koninklijke Volker Wessels Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑356/06; Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06; Heijmans Infrastructuur vs Il‑Kummissjoni, T‑359/06; Heijmans vs Il‑Kummissjoni, T‑360/06; Ballast Nedam vs Il‑Kummissjoni, T‑361/06; Ballast Nedam Infra vs Il‑Kummissjoni, T‑362/06, u Kuwait Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑370/06), l-impriżi msemmija minn din id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma kkundannati b’mod definittiv.

53      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni kollha dwar id-dettalji ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma hijiex ta’ natura kunfidenzjali fil-konfront tal-pubbliku. Din il-ġurisprudenza għandha tiġi interpretata fir-rigward tal-għanijiet leġittimi tal-Kummissjoni li tikxef u tuża informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur, b’mod konformi mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-interessi tal-pubbliku li jifhmu l-motivi li wasslu lill-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni tagħha. Dawn l-interessi jinkludu dawk tal-operaturi ekonomiċi u tal-possibbli vittmi tal-ksur li jkunu jafu, rispettivament, l-aġir li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala li huwa pprojbit u d-dettalji neċessarji sabiex jintalab kumpens quddiem il-qorti nazzjonali għall-impriżi responsabbli.

54      Issa, f’dan il-każ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jsostnix li l-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lanqas ma jallega li l-operaturi ekonomiċi ma humiex fil-pożizzjoni li jiddeterminaw, mill-qari ta’ din il-verżjoni, l-aġir li l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni bitum implementaw bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li ta lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

55      Inkwantu għall-interessi tal-possibbli vittmi tal-ksur imsemmi mid-deċiżjoni bitum, il-verżjoni pubblika tagħha tippermetti li jiġu identifikati l-impriżi responsabbli, in-natura u t-tul tal-ksur, kif ukoll numru kbir ta’ elementi li jippermettu li jinftiehem l-essenzjali tal-operat tiegħu. Il-qari ta’ din il-verżjoni tippermetti għalhekk lill-persuni li jitqiesu leżi mill-akkordju li jippreżentaw kawża quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li regola li tgħid li kull dokument li jaqa’ taħt proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi kkomunikat lil applikant għar-raġuni biss li dan l-applikant għandu l-intenzjoni li jintroduċi kawża għal kumpens ma hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li minnu jibbenefika l-imsemmi applikant, sa fejn huwa ftit probabbli li l-kawża għal kumpens għandha tibbaża ruħha fuq l-integralità tal-elementi li jidhru fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura. Sussegwentement, din ir-regola tista’ twassal għal ksur ta’ drittijiet oħrajn li d-dritt tal-Unjoni jagħti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali, jew għall-individwi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Fl-aħħar nett, tali aċċess ġeneralizzat ikun ukoll jista’ jikkawża dannu lill-interessi pubbliċi, bħall-effettività tal-politika ta’ repressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, sa fejn dan jista’ jiddisswadi lill-persuni involuti fi ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 27).

57      Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni bitum ma kinitx definittiva matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-ilment tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-eżistenza ta’ ksur ikkonfermat li jiġġustifika, min-naħa tal-impriżi kkonċernati, it-telf ta’ kull interess kummerċjali denju ta’ protezzjoni għal dak li jikkonċerna dan il-ksur.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

59      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li t-talba tiegħu għal aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum ma kinitx tikkonċerna d-dokumenti li fuqhom din kienet ibbażata, iżda biss is-siltiet kunfidenzjali redatti mill-Kummissjoni stess minn dawn id-dokumenti. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-siltiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma informazzjoni pprovduta minn parti speċifika jew inkella l-informazzjoni dwar l-operat tal-akkordju ma għandhiex tibbenefika mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, kif il-Kummissjoni sostniet essenzjalment, il-fatt li t-talba ta’ aċċess tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tikkonċernax id-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha, iżda ċerti siltiet tad-deċiżjoni bitum redatti fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti, ma jeskludix l-applikazzjoni għal dawn is-siltiet tal-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il‑protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkun imċaħħda minn kull effettività jekk l-applikazzjoni tagħha kienet limitata għad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni u ma setgħetx tiġi użata sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-partijiet ta’ dokumenti redatti wara minn din l-istituzzjoni u li fihom l-informazzjoni li ġejja minn dokumenti protetti.

61      Sussegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-informazzjoni dwar l-operat tal-akkordju ma għandhiex tibbenefika mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li din l-allegazzjoni ma sabet l-ebda sostenn u, min-naħa l-oħra, l-iżviluppi li jinsabu fil-punti 48 sa 56 iktar ’il fuq.

62      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

63      Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tapplika biss matul il-perijodu meta l-investigazzjoni tkun fis-seħħ, minkejja li t-talba tagħha ta’ aċċess tkun tressqet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum.

64      Dan l-ilment ma setax jiġi aċċettat, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li twettqu fil-punt 43 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni sostniet ġustament, l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala magħluqa definittivament matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, kif ġie indikat fil-punt 52 iktar ’il fuq, diversi proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali kienu qed iseħħu meta tressqet it-talba ta’ aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, f’termini ta’ tmiem il-proċeduri ġudizzjarji, tkun meħtieġa li tkompli tiżvolġi l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ġdida dwar ksur tal-Artikolu 81 KE imsemmi fid-deċiżjoni bitum.

65      Għalhekk, l-ilment preżenti għandu wkoll jiġi miċħud.

66      Fir-raba’ lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenzjalment, li, meta jiġu applikati għall-informazzjoni inkwistjoni kollha kemm l-eċċezzjoni prevista mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali kif ukoll dik prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod speċifiku n-natura kunfidenzjali ta’ kull waħda mill-informazzjoni differenti inkwistjoni, minkejja li kienu distinti. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni jmissha, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, tindika b’mod preċiż, wara analiżi individwali, in-natura ta’ kull informazzjoni li l-iżvelar tagħha ġie rrifjutat, kif ukoll ir-raġunijiet tar-rifjut.

67      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-informazzjoni inkwistjoni nġabret fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum, liema, kif ġie indikat fil-punt 64 iktar ’il fuq, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala magħluqa definittivament matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-informazzjoni tirrigwarda d-dettalji tal-organizzazzjoni u tal-operat tal-akkordju msemmi fid-deċiżjoni bitum, fuq l-implikazzjoni konkreta tal-impriżi li pparteċipaw f’dan il-ksur fl-Artikolu 81 KE kif ukoll fuq l-implikazzjoni personali tal-impjegati tagħha u, fl-aħħar nett, fuq il-kundizzjonijiet tas-swieq ikkonċernati. Il-qari tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali tirriżulta minn analiżi individwali tagħha. Fil-fatt, l-informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali f’din il-verżjoni kienet ġiet moħbija b’mod f’waqtu fit-test tagħha. Issa, il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum tippermetti li jinftiehmu b’livell ta’ preċiżjoni biżżejjed, il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni li tirrifjuta l-iżvelar tal-informazzjoni moħbija.

68      F’dan il-kuntest, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punti 30 sa 45 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-informazzjoni inkwistjoni kienet koperta mill-preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, fil-prinċipju, jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi implikati f’tali proċedura.

69      Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tibbaża essenzjalment fuq tali preżunzjoni, kif il-partijiet jammettu, għandha, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti.

70      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

71      Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx ir-rifjut tal-aċċess għan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12, marbuta mal-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni bitum, u għaldaqstant mal-informazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 17 iktar ’il fuq.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna ma ġewx żvelati. Madankollu, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, anki jekk l-applikazzjoni konfermatorja kienet tirrigwarda l-premessi 4 sa 6 tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum, li magħhom dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna kienu marbuta, hija ma ssemmietx l-imsemmija noti ta’ qiegħ il-paġna. Issa, meta, fl-applikazzjoni konfermatorja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidra li n-noti ta’ qiegħ il-paġni dwar silta mid-deċiżjoni bitum kienu jkollhom jiġu żvelati, huwa semmiehom espressament. Għaldaqstant, huwa talab speċifikament li jkollu aċċess għan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 340, 341, 343, 344, 345 sa 349, 371 sa 376, 489 u 519 sa 521 tad-deċiżjoni bitum. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tifhem, bil-qari tal-applikazzjoni konfermatorja, li din ma kinitx tirrigwarda n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tinkludi neċessarjament motivazzjoni rigward l-għażla li ma jiġux żvelati dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna.

73      Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud ukoll.

74      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku ikbar jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

75      Mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jirrifjutawx l-aċċess għal dokument, meta l-iżvelar tiegħu huwa ġġustifikat minn interess pubbliku ikbar, anki jekk dan jista’ jippreġudika, bħal f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew il-protezzjoni tal-iskopijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

76      Kif ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni konfermatorja ma kinitx tinkludi argumenti li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali interess pubbliku ikbar, sa fejn l-argument invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’dan ir-rigward, ibbażat fuq l-utilità tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum sabiex tiġi ppreparata kawża għad-danni kontra l-impriżi kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kien ta’ natura privata.

77      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li din il-konklużjoni hija żbaljata. Huwa jsostni li l-azzjonijiet ċivili għandhom rwol importanti fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u jfakkar li ma huwiex parti privata, iżda Stat Membru li, responsabbli milli jamministra t-Teżor Pubbliku Olandiż li jservi l-interessi finanzjarji tal-Istat, jirsisti sabiex jikseb kumpens għat-telf subit. Fl-aħħar nett, il-mezz tal-azzjoni privata għad-danni jkun l-uniku possibbiltà li jiġi offrut lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku intern fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-dmir ta’ kooperazzjoni impost fuqu taħt l-Artikolu 10 KE.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

79      Hemm lok li jiġi rrilevat li kull persuna hija intitolata titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minħabba aġir li jista’ jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punti 24 u 26; tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 59 u 61, u Pfleiderer, punt 56 iktar ’il fuq, punt 28). Fil-fatt, dritt bħal dan isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-ftehim jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan, l-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenzi Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u Pfleiderer, punt 56 iktar ’il fuq, punt 29).

80      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li l-kwistjoni dwar jekk persuna għandhiex bżonn ta’ dokument biex tipprepara rikors għal annullament taqa’ taħt l-eżami ta’ dan ir-rikors u, min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li dan il-bżonn huwa pprovat, din ma titteħidtx inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-bilanċ tal-interessi msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’dak li jikkonċerna talba ta’ aċċess għad-dokument (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 55).

81      Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti hija applikabbli wkoll f’dak li jikkonċerna t-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti u informazzjoni li twettqu abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, liema dokumenti u informazzjoni jistgħu jirriżultaw utli għal azzjoni għad-danni.

82      Fil-fatt, minn naħa, hija l-qorti nazzjonali kompetenti adita b’azzjoni għal danni li tarbitra l-mekkaniżmi tal-produzzjoni tal-provi u tad-dokumenti xierqa, taħt id-dritt applikabbli, sabiex tiġi riżolta l-kawża.

83      F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni l-kooperazzjoni li tqis utli, u inkluż f’dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri skont l-Artikolu 81 KE jew 82 KE, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni li tikkomunikalhom informazzjoni fil-pussess tagħha jew opinjoni dwar kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

84      Min-naħa l-oħra, l-interess ibbażat fuq il-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala interess privat, kif il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-importanza tal-kontribuzzjoni possibbli ta’ azzjoni għad-danni għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-interess pubbliku li jirrikjedi li d-dritt tal-kompetizzjoni jkun applikat għall-akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi kien diġà ġie segwit mill-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni bitum għal dan il-fini.

85      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata minħabba l-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa Stat Membru.

86      Fil-fatt, huwa r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi stess li għażel li jitlob li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, dan ir-regolament jagħti, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet lil kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, mingħajr ma jiġu stabbiliti regoli differenzjati f’dak li jikkonċerna l-aċċess skont in-natura ta’ dawn l-applikanti.

87      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

88      Minn naħa, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq, kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar, rispettivament, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi u l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u, min-naħa l-oħra, it-tliet motivi preċedenti, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrent sostna essenzjalment li l-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet f’dan il-każ kienet ivvizzjata bi żbalji, ġew miċħuda, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq kienet koperta mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-integrità tal-individwu.

 Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għall-informazzjoni inkwistjoni.

89      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, jekk jitqies li ċerti elementi tad-deċiżjoni bitum jaqgħu effettivament taħt eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, il-partijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni għandhom madankollu jiġu żvelati abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk kinux jeżistu xi miżuri inqas severi miċ-ċaħda tat-talba ta’ aċċess. L-użu ta’ parametri li jikkonċernaw il-valur tal-bejgħ u tal-partijiet tas-suq, pereżempju, jippermetti l-iżvelar ta’ parti mill-informazzjoni mitluba.

90      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

91      Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss tad-dokument mitlub tirrigwarda waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jsir fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punti 27 u 28).

92      Mill-kliem innifsu tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad‑dokumenti koperti minn talba ta’ aċċess, billi tillimita rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta’ din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ fejn din l-istituzzjoni tillimita ruħha li taħbi s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, Ġabra p. II‑911, punt 50, u ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kunsill vs Hautala, punt 91 iktar ’il fuq, punt 29).

93      Issa, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li, f’dan il-każ, meta ppubblikat il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum, il-Kummissjoni b’mod speċifiku tat aċċess parzjali għal din id-deċiżjoni, billi rrifjutat l-aċċess iktar tard mitlub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-partijiet biss tad-deċiżjoni bitum li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha li saru iktar ’il fuq, hija kienet tista’ b’raġun tikkunsidra bħala koperti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni, rispettivament, tal-interessi kummerċjali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u tal-iskop tal-attivitajiet tal-ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

94      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jeħtieġx, kuntrarjament għal dak li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni essenzjalment, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li quddiemhom tressqet talba għal aċċess għal dokumenti jbiddlu l-partijiet tad-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa leġittimament irrifjutat, abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, minn parametri meta hija involuta data biċ-ċifri.

95      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx iktar iġġustifikata, fir-rigward tal-perijodu li fih kienet relatata l-informazzjoni inkwistjoni.

96      L-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049 /2001 jipprovdi illi:

“L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

97      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet dejjem iġġustifikata fid-dawl ta’ kemm kienet ilha teżisti l-informazzjoni inkwistjoni, li bħala perijodu kien bejn sitta sa erbatax-il sena u kienet tirrelata ma’ aġir ipprojbit u ma għandhiex iżjed lok, a priori, illum.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u kif ukoll ġie enfasizzat mill-ġurisprudenza (ara punt 44 iktar ’il fuq), l-eċċezzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dak il-perijodu jekk dan ikun neċessarju, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

100    F’dan il-każ, parti mill-informazzjoni inkwistjoni nkisbet mid-dokumenti li jistgħu jiġu ntraċċati lura għall-bidu tas-snin 1990. Madankollu, din l-informazzjoni kollha ilha teżisti għal inqas minn 30 sena u tagħmel parti minn deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata inqas minn sentejn qabel il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 64 iktar ’il fuq, l-investigazzjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala magħluqa definittivament matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jikkontestax b’mod motivat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-swieq ikkonċernati mid-deċiżjoni bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu kkaratterizzati minn stabbiltà kbira. Għaldaqstant, l-informazzjoni, anki relattivament antika, setgħet tikkonserva importanza kummerċjali.

101    Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

102    Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex tkun kuntrarja għad-dritt primarju, lanqas għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Abbażi tal-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandhom dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jilgħab rwol f’dan il-każ, għaliex l-Artikolu 10 KE jħalli li l-possibbiltà tal-iskambju tal-informazzjoni, fejn tali proċess imur inqas ’il bogħod mill-iżvelar, iżda jista’ madankollu jikkonċerna informazzjoni li ma ġietx magħrufa lill-pubbliku.

103    Skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bbaża b’mod espliċitu u esklużiv it-talba tiegħu ta’ aċċess għad-deċiżjoni bitum fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u ma ppreżentax talba għal informazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 10 KE. F’dik li jikkonċerna l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, din twassal biss li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-motiv b’hekk huwa inammissibbli.

104    Jekk wieħed jassumi li dan il-motiv huwa ammissibbli, f’dan il-każ, dan ma jwassalx, skont il-Kummissjoni, għall-informazzjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu bżonn biex jissodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, iżda għall-informazzjoni li dan l-Istat jixtieq jikseb sabiex jipprepara azzjoni privata għad-danni quddiem il-qorti ċivili. L-Artikolu 10 KE, għaldaqstant, ma għandux jawtorizza l-aċċess għal din l-informazzjoni. Jekk it-talba għad-danni fil-livell nazzjonali hija kkunsidrata bħala li tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, f’dan il-każ il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi ggarantita u li din it-talba, għaldaqstant, tista’ tiġi miċħuda.

105    L-Artikolu 10 KE jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn [din l-Unjoni] jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat.”

106    Dan l-artikolu jippreżenta obbligu ta’ kooperazzjoni leali li japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dawn għandhom ifittxu li jistabbilixxu djalogu kostruttiv li jiffaċilita b’mod partikolari l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-trattati.

107    Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ġie indikat fil-punt 86 iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jressaq talba ta’ aċċess għas-siltiet kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001. L-għażla ta’ din il-proċedura torbot kemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni, billi ż-żewġ partijiet huma obbligati li jissottomettu lilhom infushom għar-restrizzjonijiet imposti minn dan ir-regolament. Il-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tevita la l-proċedura u lanqas il-possibbiltajiet ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previsti mill-imsemmi regolament mis-sempliċi fatt li t-talba kienet tressqet minn Stat Membru. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħti ebda status speċjali lil Stat Membru li jitlob l-aċċess, li għaldaqstant għandu jissottometti lilu nnifsu għall-istess limiti previsti mir-Regolament bħall-applikanti l-oħra. L-applikazzjoni awtomatika tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali f’dan il-kuntest twassal li tagħti lill-Istati Membri status speċjali li ma kienx maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni matul l-abbozzar ta’ diversi atti leġiżlattivi inkwistjoni.

108    Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE għaldaqstant għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Kanninen

Soldevila Fragoso

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq is-suġġett tal-kawża

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li hija ma spjegatx ir-raġuni għalfejn in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum ma kinux ġew ikkomunikati.

Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku ikbar jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ inkwantu l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għall-informazzjoni inkwistjoni.

Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx iktar iġġustifikata, fir-rigward tal-perijodu li fih kienet relatata l-informazzjoni inkwistjoni.

Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.