Language of document : ECLI:EU:T:2013:480

Kawża T‑380/08

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001– Talba intiża li jinkiseb aċċess għal ċerti siltiet kunfidenzjali tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar akkordju — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu ta’ motivazzjoni — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Interess pubbliku superjuri — Kooperazzjoni leali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla)
tat-13 ta’ Settembru 2013

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ibbażat fuq diversi eċċezzjonijiet — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Portata — Applikazzjoni għall-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni — Preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-interessi implikati f’tali proċedura permezz tal-iżvelar ta’ ċerti dokumenti li jirriżultaw minn tali fajls

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 27(2) u 28(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikoli 8 u 15)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi — Portata — Terzi li pparteċipa fi ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni — Inklużjoni — Limiti

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 27(2), u 28(1) u (2))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Portata — Kwalunkwe dokument li jista’ jkun bażi ta’ kawża għall-kumpens minħabba ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni — Esklużjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti — Kunċett — Kawża għall-kumpens għad-dannu subit minħabba ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni — Esklużjoni — Natura privata ta’ tali interess inkluż f’każ ta’ azzjoni ċivili min-naħa ta’ Stat Membru

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu li jingħata aċċess parzjali għall-partijiet tad-dokument mhux koperti mill-eċċezzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eżistenza ta’ status partikolari favur Stati Membri — Assenza

(Artikolu 10 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.      Ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u r-Regolament Nru 1/2003 ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li għalhekk tkun tista’ ssir applikazzjoni koerenti. F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fil-prinċipju, kien jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi implikati f’tali proċedura.

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 KE u 82 KE, jirregolaw b’mod restrittiv l-użu tal-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-partijiet li lilhom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, possibbilment għal-lanjanti, bla ħsara għall-interess leġittimu tal-impriżi implikati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati. F’dawn il-kundizzjonijiet, fl-ewwel lok, aċċess iġġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura jew terzi, ikun ta’ natura li jippreġudika l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura, fir-Regolament Nru 1/2003, bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali possibbilment sensittiva u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni b’hekk trażmessa lill-Kummissjoni. Fit-tieni lok, li kieku l-persuni minbarra dawk awtorizzati jaċċedu għall-fajl permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE huma fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ tali proċedura abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni tiġi kkontestata.

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni permezz tal-Avviż dwar il-klemenza, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’ tiddiswadi applikanti għal klemenza potenzjali li jagħmlu dikjarazzjonijiet abbażi ta’ dan l-avviż. Fil-fatt, huma jistgħu jsibu lilhom infushom f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ impriżi oħra li jkunu pparteċipaw fl-akkordju u li ma kinux ikkooperaw fl-investigazzjoni jew ikunu kkooperaw b’mod inqas intensiv.

(ara l-punti 31, 38-42)

3.      La r-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdu li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvoka l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ din l-impriża sabiex tirrifjuta l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti dwar il-ksur ikkonċernat. Minflok, il-fatt li l-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 17 sa 22 tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-finijiet li għalihom hija nġabret u li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, membri tal-persunal u l-persuni l-oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll il-membri tal-persunal u l-uffiċjali ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li huma jkunu ġabru jew skambjaw skont dan ir-regolament u li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali, juri li, fil-prinċipju, l-informazzjoni dwar il-ksur inkwistjoni tista’, jew għandha, titqies li hija kunfidenzjali.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni tal-impriżi destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa, abbażi tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, limitat mill-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati u ma jestendix għall-informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali. Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jagħti ċertu protezzjoni lill-interessi kummerċjali tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, kif ukoll tal-Artikolu 82 KE, u dan anki fis-sitwazzjoni fejn dan l-interess jista’ jkun parzjalment f’kunflitt mad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn l-impriżi.

B’mod partikolari, jekk, ċertament, l-interess ta’ impriża, li fuqha l-Kummissjoni imponiet multa għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li d-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija akkużata bih ma jiġux żvelati lill-pubbliku ma jistħoqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess tal-pubbliku li jkun jaf bl-iktar mod iddettaljat possibbli l-motivi ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, tal-interess tal-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema huwa l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jkunu jafu d-dettalji ta’ dan il-ksur sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra impriżi sanzjonati u fid-dawl tal-possibbiltà li din l-impriża għandha li tissottometti tali deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju, madankollu, huwa rilevanti li tiġi osservata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-impriżi kkonċernati sakemm dawn ma jkunux ġew ikkundannati b’mod definittiv.

(ara l-punti 48-52)

4.      Ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni kollha dwar id-dettalji ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur għandha titqies li ma hijiex ta’ natura kunfidenzjali fil-konfront tal-pubbliku. B’hekk, regola li tgħid li kull dokument li jaqa’ taħt proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi kkomunikat lil applikant għar-raġuni biss li dan l-applikant għandu l-intenzjoni li jintroduċi kawża għal kumpens ma hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li minnu jibbenefika l-imsemmi applikant, peress li huwa ftit probabbli li l-kawża għal kumpens għandha tibbaża ruħha fuq l-integralità tal-elementi li jidhru fil-fajl relatati ma’ din il-proċedura. Sussegwentement, din ir-regola tista’ twassal għall-ksur ta’ drittijiet oħrajn li d-dritt tal-Unjoni jagħti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali, jew għall-individwi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Fl-aħħar nett, tali aċċess iġġeneralizzat jista’ wkoll jippreġudika l-interessi pubbliċi, bħall-effettività tal-politika ta’ repressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, sa fejn dan jista’ jiddiswadi lill-persuni implikati fi ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE milli jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 53, 56)

5.      Il-kwistjoni ta’ jekk persuna għandhiex bżonn dokument biex tipprepara kawża għad-danni għal kumpens tad-dannu li kkawżalha ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni taqa’ taħt l-eżami tar-rikors u, anki jekk wieħed jassumi li dan il-bżonn huwa pprovat, dan ma jitteħidx inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-bilanċ tal-interessi msemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f’dak li jikkonċerna talba ta’ aċċess għad-dokumenti u informazzjoni li jistgħu jirriżultaw utli għar-rikors.

Fil-fatt, minn naħa, hija l-qorti nazzjonali kompetenti adita b’kawża għad-danni li għandha tarbitra l-mekkaniżmi tal-produzzjoni tal-provi u tad-dokumenti xierqa, skont id-dritt applikabbli, sabiex tiġi riżolta l-kawża.

Min-naħa l-oħra, l-interess ibbażat fuq il-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu jitqies li huwa interess privat, minkejja l-importanza tal-kontribuzzjoni possibbli ta’ kawżi għad-danni għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-interess pubbliku li jirrikjedi li d-dritt tal-kompetizzjoni jiġi applikat għal akkordju li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa diġà imfittex mill-Kummissjoni meta hija tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ dawn ir-regoli. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata minħabba l-fatt li l-applikant huwa Stat Membru.

(ara l-punti 80-82, 84, 85)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 91, 92)

7.      Meta Stat Membru għamel l-għażla li jressaq, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, talba ta’ aċċess għas-siltiet kunfidenzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, l-għażla ta’ din il-proċedura torbot kemm dan l-Istat Membru kif ukoll il-Kummissjoni, billi ż-żewġ partijiet huma obbligati li jissottomettu lilhom infushom għar-restrizzjonijiet imposti minn dan ir-regolament. Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tevita la l-proċedura u lanqas il-possibbiltajiet ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previsti mill-imsemmi regolament mis-sempliċi fatt li t-talba hija mressqa minn Stat Membru. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħti ebda status partikolari lil Stat Membru li jitlob l-aċċess, li għaldaqstant għandu jissottometti lilu nnifsu għall-istess limiti previsti mir-Regolament bħall-applikanti l-oħra. L-applikazzjoni awtomatika tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali f’dan il-kuntest twassal li tagħti lill-Istati Membri status partikolari li ma kienx maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

(ara l-punt 107)