Language of document : ECLI:EU:F:2009:158

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009

Kawża F-83/07

Brigitte Zangerl-Posselt

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall‑eżamijiet bil-miktub u orali – Diplomi meħtieġa – Kunċett ta’ edukazzjoni ogħla – Diskriminazzjoni skont l-età”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu B. Zangerl-Posselt titlob l-annullament tad‑deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li rrifjuta li jippermettilha toqgħod għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni EPSO/AST/27/06 organizzata sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fil-lingwa Ġermaniża.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni ogħla

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(3)(a)(ii))

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

1.      Il-kunċett ta’ “diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni ogħla”, użat fl‑avviż tal-kompetizzjoni, huwa meħud mill-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi illi wieħed mir-rekwiżiti minimi ta’ diplomi għall-ħatra bħala uffiċjal tal-grupp AST huwa li jkollok “livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma, li jagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja.”

La r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux definizzjoni tal-kunċett ta’ “edukazzjoni post-sekondarja”, dan neċessarjament jirreferi għal livell ta’ edukazzjoni mogħti wara l-kisba tad-diploma li tiċċertifika t-tlestija taċ-ċiklu kollu tal-edukazzjoni sekondarja. Fil-fatt, minn naħa waħda, l-użu, fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-aġġettiv “ogħla” juri, mingħajr ebda dubju, li l-edukazzjoni inkwistjoni ma għandhiex tiġi konfuża ma’ dik mogħtija fil-kuntest tal-edukazzjoni sekondarja u li tikkorrispondi, għall-kuntrarju, mal-edukazzjoni mogħtija fi stabbilimenti li l‑aċċess għalihom huwa suġġett għat-tlestija taċ-ċiklu kollu tal-edukazzjoni sekondarja, jiġifieri l-ewwel ċiklu u t-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja. Min‑naħa l-oħra, jekk il-kunċett huwa espress fil-verżjonijiet Ġermaniża u dik Ingliża tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala “postsekundäre[r] Bildung ” u “post-secondary education”, dawn, minbarra illi jsemmu litteralment livell ta’ edukazzjoni distint mill-edukazzjoni sekondarja, ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jiġu interpretati b’mod differenti mill-kunċett li jidher fil-verżjoni Franċiża tal-istess artikolu, peress illi l-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, konsegwentement, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji teskludi illi test jiġi kkunsidrat waħdu f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda din tirrikjedi illi dan jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal‑awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan segwit minn dan tal-aħħar, fid-dawl b’mod partikolari tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi kollha tal-Komunità.

Fin-nuqqas ta’ xi dispożizzjoni kuntrarja kemm f’regolament jew f’direttiva applikabbli għall-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, kemm fl-avviż tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit ta’ pussess ta’ diploma universitarja li għalih huwa suġġett l-aċċess għal kompetizzjoni ġenerali għandu neċessarjament jinftiehem fis-sens li tagħti lil din l-espressjoni l-leġiżlazzjoni stess tal-Istat Membru fejn il-kandidat għamel l‑istudji tiegħu, u li għalih huwa jirreferi.

Il-kunċett ta’ “edukazzjoni post-sekondarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar‑Regolamenti tal-Persunal jikkorrispondi għal, fil-Ġermanja, livell ta’ tagħlim mogħti fi stabbilimenti bħal universitajiet, il-Fachhochschulen, il‑Fachschulen/Fachakademien, il-Berufsakademien jew il‑Verwaltungsfachhochschulen, li l-aċċess għalihom huwa, bħala regola, suġġett għal pussess ta’ diploma li turi t-tlestija tat-tieni ċiklu tat-tagħlim sekondarju, jiġifieri l-Hochschulreife, il-Fachhochschulreife jew il-Fachgebunds ene Hochschulreife, fejn l-ewwel waħda minn dawn id-diplomi normalment tissejjaħ “Abitur”u t-tnejn l-oħra “Fachabitur”.

(ara l-punti 48, 49, 51 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; 12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6; 17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 15

Il-Qorti Ġenerali: 29 ta’ Settembru 1999, Neumann u Neumann-Schölles vs Il‑Kummissjoni, T‑68/97, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑1005, punt 79; 9 ta’ Diċembru 1999, Alonso Morales vs Il-Kummissjoni, T‑299/97, ĠabraSP p. I‑A‑249 u II‑1227, punt 60

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Novembru 2007, Pimlott vs Europol, F‑52/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 61

2.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jippermettix illi sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattamenti, differenti jew ugwali skont il-każ, ma jkunux oġġettivament iġġustifikati. L-istess jgħodd għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u jikkostitwixxi, flimkien ma’ dan tal-aħħar, wieħed mid-drittijiet fundamentali tad-dritt Komunitarju li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r‑rispett. Għall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa espress fl-Artikolu 1(e)(1) tar-Regolamenti tal‑Persunal, li jipprovdi b’mod partikolari illi, “kull diskriminazzjoni bbażata fuq [...] l-età, [...] hija pprojbita”. Fl-aħħar nett, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jiġi interpretat ħażin meta l-istituzzjoni kkonċernata tipproċedi b’differenza arbitrarja jew manifestament mhux xierqa meta mqabbla mal-għan tal-leġiżlazzjoni.

Avviż ta’ kompetizzjoni li fih rekwiżit ta’ diploma, jiġifieri li turi “livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma, li jagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja” ma joħloq l-ebda diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq l-età. Anki jekk dan ir-rekwiżit ta’ diploma ikun tali li jaffettwa b’mod sinjifikattiv iktar lill-grupp ta’ persuni ta’ età bejn l-45 u l-50 milli lill-grupp ta’ persuni ta’ età bejn l-20 u l-25 sena, peress li l-għan tal-proċeduri ta’ reklutaġġ, kif espressament stipulat ukoll fl-Artikolu 27 tar‑Regolamenti tal-Persunal, huwa li l-istituzzjoni tiġi żgurata reklutaġġ ta’ uffiċjali li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità.

Konsegwentement, meta jimponi fuq il-kandidati r-rekwiżit ta’ “li jagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja” – rekwiżit meħud mill-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar‑Regolamenti tal-Persunal, li ġew adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fil‑kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu – l-Uffiċċju Ewropew għas‑Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jkun qed isegwi għan leġittimu mingħajr ma jagħmel differenza arbitarja jew manifestament mhux xierqa.

(ara l-punti 71 sa 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 7; 12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C‑442/00, Ġabra p. I‑11915, punt 32; 14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 71

Il-Qorti Ġenerali: 30 ta’ Settembru 1998, Busacca et vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑164/97, ĠabraSP p. I‑A‑565 u II‑1699, punt 49; 11 ta’ Diċembru 2003, Breton vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑323/02, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1587, punt 99

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 62; 19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il-Kunsill, F‑54/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata