Language of document : ECLI:EU:C:2024:20

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Appell – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1073/1999 – Investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda ta’ kontra l-Frodi (OLAF) – Investigazzjoni esterna tal-OLAF – Kawża ‘Eurostat’ – Trażmissjoni mill-OLAF lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ informazzjoni relatata ma’ fatti suġġetti għal proċeduri kriminali qabel tmiem l-investigazzjoni – Tressiq ta’ lment mill-Kummissjoni Ewropea qabel tmiem l-investigazzjoni mill-OLAF– Proċedura kriminali nazzjonali – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata li ma hemmx lok li jitkomplew il-proċeduri – Kunċett ta’ ‘nuqqas ta’ ksur ikkaratterizzat’ minn regola ta’ dritt tal-Unjoni li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi – Danni morali u materjali allegatament imġarrba mir-rikorrenti – Rikors għad-danni”

Fil-Kawża C‑363/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑6 ta’ Ġunju 2022,

Planistat Europe SARL, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Hervé-Patrick Charlot, residenti f’Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn F. Martin Laprade, avocat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Blanc, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Planistat Europe SARL u Hervé-Patrick Charlot jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ April 2022, Planistat Europe u Charlot vs Il‑Kummissjoni, (T‑735/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:220), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż sabiex jinkiseb kumpens, minn naħa, għad-dannu morali li H-P. Charlot ġarrab minħabba t-trażmissjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ informazzjoni relatata ma’ fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali kif ukoll tal-ilment imressaq mill-Kummissjoni Ewropea quddiem dawn l-awtoritajiet u, min-naħa l-oħra, id-dannu materjali li huma sofrew minħabba x-xoljiment tal-kuntratti konklużi bejn Planistat Europe u l-Kummissjoni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

 Regolament (KE) Nru 1073/1999

2        Il-premessi 1, 5, 10 u 13 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, kienu jistabbilixxu:

“(1)      Billi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u lill-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li hija ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet [Ewropew]; [...]

[...]

(5)      Billi r-responsabbiltà ta’ [l-OLAF] kif stabbilit mill-Kummissjoni testendi lil hinn mill-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji biex tinkludi l-attivitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-salvagwardja ta’ l-interessi tal-Komunità kontra mġieba rregolari li tista’ twassal għal proċeduri amministrattivi jew kriminali;

[...]

(10)      “Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda; Billi għal dak il-għan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jistipulaw it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom isiru dawk l-investigazzjonijiet interni; Billi konsegwentement ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu emendati sabiex jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni.

[...]

(13)      Billi huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji, skond il-każ, li jiddeċiedu x’azzjoni għandha tittieħed dwar investigazzjonijiet li jkunu tlestew fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-[OLAF]; Billi madankollu għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta’ l-[OLAF] li jibgħat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru involut l-informazzjoni miġbura mill-[OLAF] waqt l-investigazzjonijiet interni dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali”.

3        Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Investigazzjonijiet amministrattivi”:

“Skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, ‘investigazzjonijiet amministrattivi’ [...] kull spezzjoni, kontroll u miżura oħra meħuda minn impjegati ta’ l-[OLAF] fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, skond Artikoli 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’Artikolu l u li jistabilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta’ l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Dawn l-investigazzjonijiet m’għandhomx jaffettwaw il-poteri ta’ l-Istati Membri li jieħdu proċeduri kriminali.”

4        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni”, kien jipprevedi:

“1.       L-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet relevanti.

2.       L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Din l-informazzjoni m’għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u l-anqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali.

3.      Id-Direttur għandu jagħmel ċert li l-impjegati ta’ l-[OLAF] u l-persuni l-oħra li jkunu qegħdin jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali, partikolarment dawk li hemm provdut dwarhom fid-Direttiva 95/46/KE ta’ l-Parlament Ewropew u ta’ l-Kunsill ta’ l‑24 Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali u l-moviment liberu ta’ dik l-informazzjoni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355].

4.       Id-Direttur ta’ l-[OLAF] u l-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 11 għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu u Artikoli 286 u 287 tat-Trattat jiġu applikati.”

5        L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-rapport ta’ l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet”, kien jipprovdi:

“(1)      Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-[OLAF], dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF] dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2.      Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru involut. Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.

3.      Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.

4.      Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta’ l-[OLAF] fit-terminu ta’ żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.”

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Informazzjoni mibgħuta mill-[OLAF] ”, kienfformulat kif ġej:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 [tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303)], l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.

2.      Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament, id-Direttur ta’ l-[OLAF] għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru involut l-informazzjoni miksuba mill-[OLAF] waqt investigazzjonijiet interni fi kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ l-investigazzjoni, huwa għandu fl-istess ħin jinforma lill-Istat Membru involut.

3.      Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament, l-Uffiċċju jista’ f’kull ħin jibgħat lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija involuti l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjonijiet interni.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Il-fatti li wasslu għall-kawża kienu ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata u, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

8        Matul is-sena 1996, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) ħoloq network ta’ punti ta’ bejgħ ta’ informazzjoni statistika (datashops). Fl-Istati Membri, dawn id-datashops, li ma kellhomx personalità ġuridika, kienu bħala prinċipju integrati fl-istituti nazzjonali tal-istatistika bl-eċċezzjoni tal-Belġju, Spanja u l-Lussemburgu, fejn dawn kienu ġestiti minn kumpanniji kummerċjali. Għal dan il-għan, ġew konklużi ftehimiet tripartitiċi bejn Eurostat, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (OPOCE) u l-entità li tospita d-datashop.

9        Mill‑1996 sal‑1999, Planistat Europe, immexxija minn H‑P. Charlot, ibbenefikat minn kuntratti qafas iffirmati ma’ Eurostat għal diversi servizzi, inkluż b’mod partikolari t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fi ħdan id-datashops.

10      Mill‑1 ta’ Jannar 2000, Planistat Europe ġiet fdata bil-ġestjoni tad-datashops ta’ Brussell (il-Belġju), ta’ Madrid (Spanja) u tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu). Hija kellha tħallas lill-Kummissjoni d-dħul mill-bejgħ kollu mwettaq f’dawn it-tliet datashops.

11      F’Settembru tal‑1999, is-Servizz tal-Awditjar Intern ta’ Eurostat wettaq rapport li kkonstata irregolaritajiet minn Planistat Europe fil-ġestjoni tad-datashops.

12      Fis‑17 ta’ Marzu 2000, id-Direttorat Ġenerali tal-Kontroll Finanzjarju tal-Kummissjoni ttrażmetta l-imsemmi rapport lill-OLAF.

13      Fit‑18 ta’ Marzu 2003, wara investigazzjoni interna (IO/2000/4097) bil-għan li jiġu eżaminati l-modalitajiet ta’ stabbiliment tan-network tad-datashops, iċ-ċirkwiti ta’ fatturazzjoni, l-użu tal-enveloppe finanzjarju u l-eventwali involviment ta’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni esterna OF/2002/0510 fir-rigward tal-Planistat Europe.

14      Fid‑19 ta’ Marzu 2003, l-OLAF ittrażmetta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi informazzjoni dwar fatti li, fil-fehma tiegħu, setgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali fil-kuntest tal-investigazzjoni li kienet għaddejja (iktar ’il quddiem in-“nota tad‑19 ta’ Marzu 2003”). Fuq din il-bażi, fl‑4 ta’ April 2003, il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi (Franza) fetaħ proċeduri quddiem il-juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Istruttorja tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) għal riċettazzjoni u kompliċità fi frodi.

15      Fis‑16 ta’ Mejju 2003, din it-trażmissjoni ssemmiet fl-istampa u kienet is-suġġett ta’ mistoqsijiet bil-miktub indirizzati lill-Kummissjoni minn Membri tal-Parlament Ewropew.

16      Il-Kummissjoni u l-OLAF ħarġu diversi stqarrijiet għall-istampa, li minnhom tnejn biss kienu jsemmu lil Planistat Europe. Fil-fatt, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Lulju 2003 rreferiet għall-ewwel darba għal Planistat Europe, filwaqt li f’dik tat‑23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li xxolji l-kuntratti konklużi ma’ Planistat Europe.

17      Fl‑10 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ressqet ilment kontra X b’kostituzzjoni bħala parti ċivili quddiem il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi minħabba reat ta’ frodi u r-reati l-oħra kollha li setgħu jiġu dedotti mill-fatti msemmija f’dan l-ilment.

18      Fl‑10 ta’ Settembru 2003, Charlot tqiegħed taħt investigazzjoni għal riċettazzjoni u frodi.

19      Fit‑23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni xoljiet il-kuntratti konklużi ma’ Planistat Europe inkwistjoni.

20      Fil‑25 ta’ Settembru 2003, l-OLAF għalaq kemm l-investigazzjoni interna IO/2000/4097 kif ukoll l-investigazzjoni esterna OF/2002/0510.

21      Fid‑9 ta’ Settembru 2013, il-juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Istruttorja tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi), tat digriet li ma jitressqux proċeduri fir-rigward tal-persuni kollha li tqiegħdu taħt investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura kriminali, u li ġie appellat mill-Kummissjoni.

22      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet dan l-appell tal-Kummissjoni filwaqt li kkonfermat id-digriet li ma jitressqux proċeduri.

23      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2016, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni minn din is-sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2014, u b’hekk intemmu l-proċeduri ġudizzjarji.

24      Fl‑10 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti bagħtu ittra ta’ intimazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tħallashom is-somma ta’ EUR 11.6 miljun bħala kumpens għad-danni allegatament imġarrba, b’mod partikolari minħabba l-ilment imressaq minn din tal-aħħar u minħabba l-istqarrijiet għall-istampa ppubblikati dwar is-suġġett.

25      Fil‑15 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għaliex qieset li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma ġewx issodisfatti.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Diċembru 2020, Planistat Europe u H‑V. Charlot ippreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE intiż sabiex jinkiseb kumpens, minn naħa, għad-dannu morali li H‑V. Charlot ġarrab minħabba t-trażmissjoni mill-OLAF lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ informazzjoni dwar fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali kif ukoll minħabba l-ilment imressaq mill-Kummissjoni quddiem dawn l-awtoritajiet qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni tal-OLAF u, min-naħa l-oħra, għad-dannu materjali li huma sofrew minħabba x-xoljiment tal-kuntratti konklużi bejn Planistat Europe u l-Kummissjoni.

27      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti sostnew, li l-OLAF u l-Kummissjoni kienu kisru d-dmir ta’ premura, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll id-drittijiet tad-difiża kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Huma invokaw, essenzjalment, l-eżistenza ta’ żbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni minħabba, minn naħa, l-għoti lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi ta’ informazzjoni dwar fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali kif ukoll, min-naħa l-oħra, li ressqu lment kontra X li wassal għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontrihomu li komplew dawn il-proċeduri b’mod mhux iġġustifikat. Skont ir-rikorrenti, dawn l-iżbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni kellhom rabta kawżali diretta mad-danni morali u materjali li għalihom huma jitolbu kumpens.

28      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors bħala parzjalment inammissibbli minħabba l-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, parzjalment, infondata.

IV.    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29      Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn, minn naħa, iddikjarat li parti mill-azzjoni tal-appellanti hija preskritta u, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni;

–        tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza,

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tirrikonoxxi pubblikament li hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tagħhom, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V.      Fuq l-appell

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “it-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 170(1) ta’ dawn ir-regoli, it-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi, jekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, sabiex jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.

32      Issa, it-tielet kap tat-talbiet tal-appellanti, intiż għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi pubblikament li hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tagħhom, la huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u lanqas sabiex jintlaqgħu t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, sa fejn, kif jirriżulta mis-sentenza appellata u li dan huwa kkonfermat mill-qari tar-rikors fl-ewwel istanza, li jinsab fil-proċess tal-ewwel istanza trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 167(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma kinux ippreżentaw tali kap ta’ talbiet fl-ewwel istanza. Minn dan isegwi li t-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti jikkostitwixxi talba ġdida u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

33      Barra minn hekk, insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu tliet aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, imqajjem b’mod prinċipali, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball meta adottat interpretazzjoni żbaljata tal-fatt li kkawża d-danni invokati. Permess tat-tieni aggravju tagħhom, imqajjem sussidjarjament, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Permess tat-tielet aggravju tagħhom huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball meta qieset li ma kienx neċessarju li teżamina r-realtà tad-danni allegati u l-eżistenza ta’ rabta kawżali.

A.      Fuq l-ewwel aggravju

34      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, maqsum f’żewġ partijiet, li jikkonċernaw, rispettivament, id-dannu morali u d-dannu materjali, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li huma kkritikaw lill-Kummissjoni li kkawżat dannu morali lil H‑V. Charlot minħabba l-involviment tiegħu fil-proċeduri kriminali quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Franċiżi kif ukoll dannu materjali minħabba x-xoljiment tal-kuntratti kollha konklużi ma’ Planistat Europe, żnaturat l-argumenti tagħhom. Dan l-iżnaturament wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex twettaq żball fid-definizzjoni tal-iżbalji li jikkostitwixxu l-fatt li ta lok għad-danni li għalihom huma jitolbu kumpens, li jivvizzja l-analiżi kollha tagħha, b’mod partikolari l-punt 116 tas-sentenza appellata, li għalih il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

35      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball meta ddefinixxiet b’mod żbaljat il-fatt li kkawża d-dannu morali allegat.

36      F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħhom meta kkunsidrat li r-rikors tagħhom kien jirrigwarda biss id-dannu morali allegatament subit minħabba t-trażmissjoni tan-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003 mill-OLAF u mhux dak li jirriżulta mill-“media wiesgħa” ta’ din it-trażmissjoni. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-definizzjoni tal-iżbalji li jikkostitwixxu l-fatt li kkawża d-danni li huma jitolbu kumpens għalihom.

37      F’dan ir-rigward, mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li, skont l-appellanti, l-OLAF u l-Kummissjoni wettqu diversi żbalji li, minn naħa, ipproċedew għal “denunzja kalunnjuża”, permezz tan-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003, li huma indirizzaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u, min-naħa l-oħra, ippreżentaw l-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, akkumpanjat minn midja wiesgħa u minn stqarrija għall-istampa li fiha huma ħallew deliberatament “taħrab” informazzjoni relatata ma’ din in-nota u għamlu kummenti “malafamanti”. Kienu dawn l-iżbalji flimkien li ppreġudikaw l-unur u r-reputazzjoni ta’ H‑V. Charlot, id-diriġent ta’ Planistat Europe.

38      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument tal-appellanti jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw, essenzjalment, l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatt li huma kienu invokaw dannu morali li jirriżulta mill-mezzi ta’ komunikazzjoni tat-trażmissjoni tan-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003 mill-OLAF. Fil-fatt, mill-punt 47 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan id-dannu morali allegat, filwaqt li kkunsidrat li dan kien ta’ natura istantanja u li, għaldaqstant, kien preskritt, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipji ġurisprudenzjali stabbiliti fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li, sa fejn, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żnaturament tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, billi injorat id-dannu morali allegat li jirriżulta mill-mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ din in-nota, din l-ewwel parti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala infondata.

40      Sa fejn l-imsemmija l-ewwel parti għandha tinftiehem bħala li hija bbażata fuq żnaturament tal-argumenti tar-rikorrenti sa fejn il-Qorti Ġenerali injorat li d-dannu allegat kien jirriżulta mit-trażmissjoni flimkien ta’ din l-imsemmija nota u mill-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, C‑478/21 P, EU:C:2023:685, punt 162 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Appell li jillimita ruħu għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, tali appell ikun jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, PL vs Il‑Kummissjoni, C‑537/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:363, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-appellanti jsostnu li l-argument tagħhom żviluppa quddiem il-Qorti Ġenerali ġie ppreżentat, minn din tal-aħħar, b’mod żbaljat fis-sentenza appellata, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-istess appellanti ma jidentifikaw ebda żball ta’ liġi li jirriżulta minn din il-preżentazzjoni allegatament żbaljata u li jivvizzja din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, EU:C:2015:356, punt 59).

43      B’mod partikolari, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-appellanti ma jressqu ebda argument sabiex jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 47 tas-sentenza appellata u mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, u lanqas il-prinċipji ġurisprudenzjali stabbiliti fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza.

44      B’hekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

2.      Fuq ittieni parti talewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

45      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball meta kkonkludiet li l-fatt li kkawża d-dannu materjali allegat kien jirriżulta mix-xoljiment tal-kuntratti konklużi bejn Planistat Europe u l-Kummissjoni matul is-sena 2003, filwaqt li mir-rikors fl-ewwel istanza kien jirriżulta b’mod ċar li dan id-dannu kien jikkonsisti f’telf fil-valur tal-ishma ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’“asfissija” u f’“kważi għajbien ta’ impriża b’saħħitha” li rriżulta mill-aġir malafamanti tal-OLAF u tal-Kummissjoni. L-imsemmi dannu huwa kontinwu, kuntrarjament għad-dannu istantanju li rriżulta mix-xoljiment ta’ dawn il-kuntratti. Il-konferma mill-Cour de cassation, fil‑15 ta’ Ġunju 2016, tad-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tal-qorti istruttorja tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti tal-ewwel istanza ta’ Pariġi), li permezz tiegħu ġiet ikkonfermata l-innoċenza ta’ H‑V. Charlot, tippermetti, a posteriori, li dan l-aġir malafamanti jiġi kklassifikat bħala “illegali”. Għalhekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tanalizza b’mod totalment differenti t-talba tagħhom għal kumpens, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-preskrizzjoni tal-azzjoni tagħhom kontra l-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Għalkemm huwa minnu li, fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti sostnew li d-dannu materjali li huma jallegaw li sofrew kien jikkonsisti f’telf fil-valur tal-ishma ta’ Planistat Europe kif ukoll f’“asfissija” u f’“kważi għajbien ta’ impriża b’saħħitha” li rriżultat mill-aġir malafamanti tal-OLAF u tal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, skont it-termini stess ta’ dan ir-rikors, dan it-telf fil-valur kien jirriżulta, minn naħa, mis-sospensjoni, u sussegwentement mill-kanċellazzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ din il-kumpannija u l-Kummissjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, mix-xoljiment tal-kuntratti konklużi ma’ klijenti oħra. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħhom fuq dan il-punt, b’tali mod li, sa fejn hija bbażata fuq allegat żnaturament tal-argumenti tal-appellanti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratti konklużi bejn l-imsemmija kumpannija u l-Kummissjoni, l-appellanti sempliċement jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punti 58 sa 61 tas-sentenza appellata, li dawn id-danni materjali kienu ta’ natura istantanja, b’tali mod li t-talba għal kumpens għal dan id-dannu kienet preskritta, mingħajr madankollu ma indikaw, bi ksur tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, kif dan ir-raġunament kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li din il-parti tal-appell tagħhom hija għalhekk intiża, permezz ta’ repetizzjoni tal-argumenti mressqa fl-ewwel istanza, sabiex tikseb eżami mill-ġdid tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

49      Fir-rigward tad-dannu materjali li jirriżulta mix-xoljiment tal-kuntratti konklużi ma’ klijenti oħra, għandu jitfakkar li, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, il-mument preċiż li fih seħħ tali dannu.

50      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW. Bank vs CRU, C‑662/19 P, EU:C:2021:846, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Peress li l-appellanti ma jallegaw ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi, l-argument tagħhom għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli fuq dan il-punt.

52      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

53      Konsegwentement, l-ewwel aggravju kollu għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni aggravju

54      It-tieni aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti jsostnu żball ta’ liġi dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel waħda, fuq żball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali, dwar l-illegalità tal-aġir malafamanti tal-OLAF u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-appellanti, it-tieni, fuq żball dwar l-illegalità tal-aġir tal-OLAF, sa fejn dan tal-aħħar, fl-assenza ta’ indizji suffiċjenti, bagħat lill-awtoritajiet Franċiżi informazzjoni dwar fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali, u, it-tielet waħda, fuq żball dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni.

1.      Fuq l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

55      Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-OLAF ma kienx wettaq żball meta bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi informazzjoni dwar fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali.

56      Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-illegalità inkwistjoni kienet il-konsegwenza ta’ ksur, mill-OLAF, tal-obbligu ta’ diliġenza tiegħu u li huwa kellu jivverifika l-informazzjoni li huwa bagħat lill-awtoritajiet nazzjonali.

57      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punti 82 sa 92 tas-sentenza appellata, meta qieset li mill-Artikolu 10, mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 1073/1999 kien jirriżulta li l-OLAF għandu dritt jirreferi l-kwistjoni lill-awtorità ġudizzjarja, inkluż qabel it-tmiem tal-investigazzjoni esterna, jekk iqis li għandu informazzjoni jew elementi li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew jikkostitwixxu provi utli għal tali investigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, li l-OLAF diġà kellu, fid‑19 ta’ Marzu 2003, informazzjoni jew elementi li jippermettu li jitqies li l-fatti inkwistjoni setgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod żbaljat, fil-punti 90 u 91 tal-imsemmija sentenza, li l-OLAF ma kien wettaq ebda nuqqas u, b’mod partikolari, li ma kienx kiser la l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas dak ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli.

58      Skont l-appellanti, billi ttrażmetta informazzjoni falza lill-awtoritajiet Franċiżi, l-OLAF ma ħax prekawzjonijiet biżżejjed, fatt li jikkostitwixxi ksur tad-dmir tiegħu ta’ verifika tad-data u għaldaqstant tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

59      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat.

60      Skont il-Kummissjoni, l-appellanti jfittxu li jiksbu eżami mill-ġdid tal-fatti, mingħajr madankollu ma jallegaw żnaturament tagħhom u mingħajr ma jidentifikaw l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali.

61      Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa mill-appellanti ma humiex fondati. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, fid-data tat-trażmissjoni tan-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003, l-OLAF kellu informazzjoni suffiċjenti sabiex jipproċedi għal din it-trażmissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 87 u 89 tas-sentenza appellata, ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-informazzjoni li tinsab f’din in-nota kienet ir-riżultat ta’ investigazzjoni li bdiet matul is-sena 1999 abbażi ta’ rapport ta’ awditu mwettaq mill-Eurostat u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li l-investigazzjoni ‑ OF/2002/0510 kienet tikkostitwixxi l-parti esterna tal-investigazzjoni interna ‑ IO/2000/4097.

62      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-qrati Franċiżi waslu għal konklużjoni differenti mill-OLAF ma jistax iqiegħed fid-dubju l-investigazzjoni tal-OLAF u ma jippermettix, waħdu, li jintwera li l-OLAF wettaq żball li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-appellanti.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja 

1)      Fuq l-ammissibbiltà

63      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-preżentazzjoni ta’ wħud mill-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju setgħet kienet iktar ċara, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw mhux l-evalwazzjoni, bħala tali, tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, iżda l-konklużjoni ta’ din il-qorti, li l-fatti kkonstatati ma kinux jippermettu li jitqies li l-OLAF kien wettaq nuqqas meta bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi informazzjoni, fi kliem ieħor il-klassifikazzjoni ġuridika, mill-Qorti Ġenerali, ta’ dawn il-fatti. Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell u li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju huwa ammissibbli.

2)      Fuq il-mertu

65      Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn ikkunsidrat li l-OLAF ma kienx kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta informa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi qabel ma ffinalizza r-rapport stabbilit wara l-investigazzjoni esterna.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fost il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hemm ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29).

67      Tali ksur huwa stabbilit meta dan jimplika nuqqas manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma l-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jinkludi obbligu ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, li għandha taġixxi b’kura u bi prudenza, peress li l-ksur ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 91 sa 93).

69      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-implikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza inerenti għalih, fir-rigward tal-possibbiltà, tal-OLAF, li jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li “l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni”.

70      Mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta wkoll li din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

71      Barra minn hekk, skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, ir-responsabbiltà tal-OLAF tikkonċerna, lil hinn mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, l-attivitajiet kollha marbuta mas-salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni kontra mġiba irregolari li tista’ twassal għal prosekuzzjoni amministrattiva jew kriminali. Huwa għalhekk sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet li l-OLAF iwettaq investigazzjonijiet interni u esterni, li r-riżultati tagħhom huma, skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, ippreżentati f’rapport ta’ investigazzjoni mibgħut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fil-każ ta’ investigazzjoni esterna, jew lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernat, fil-każ ta’ investigazzjoni interna, konformement, rispettivament, mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu.

72      F’dan ir-rigward, mill-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li r-rapporti mfassla mill-OLAF “jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali”.

73      Minn dan isegwi, kif tikkonfermah il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-OLAF li jinsabu f’rapport finali ma jistgħux awtomatikament iwasslu għall-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji, peress li l-awtoritajiet kompetenti huma liberi li jiddeċiedu dwar l-eżitu li għandu jingħata lil dan ir-rapport u għalhekk huma l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jagħtu deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-persuni li fir-rigward tagħhom ir-rapport irrakkomanda li jinbdew tali proċeduri.

74      Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, il-provi prodotti mill-OLAF jistgħu jiġu kkompletati u vverifikati mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom firxa iktar wiesgħa ta’ setgħat ta’ investigazzjoni minn dan l-uffiċċju.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għalkemm, ċertament, l-OLAF ma għandux biss il-possibbiltà, iżda wkoll l-obbligu li jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, inklużi ġudizzjarji, anki qabel l-għeluq tal-investigazzjoni tiegħu u r-redazzjoni tar-rapport finali, kull informazzjoni rilevanti, li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri minn dawn l-awtoritajiet, inkluż il-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali, xorta jibqa’ l-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, li, meta jieħu d-deċiżjoni li jwettaq tali trażmissjoni, l-OLAF għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, imsemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, u jixhed ċerta prudenza, sa fejn dan l-uffiċċju jaġixxix mhux bħala “informatur kwalunkwe”, iżda bħala uffiċċju li għandu setgħat investigattivi, u li tali trażmissjoni ta’ informazzjoni sseħħ bejn żewġ awtoritajiet li għandhom tali setgħat. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-fatt li l-każ jitressaq quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jservi bħala bażi għall-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji, ċivili u kriminali.

76      Minn dan jirriżulta li, sabiex josserva l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, l-OLAF għandu, qabel ma jittrażmetti, skont ir-Regolament Nru 1073/1999, informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, jiżgura ruħu, konformement mal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, li din l-informazzjoni li huwa għandu l-intenzjoni li jibgħat tippreżenta grad suffiċjenti ta’ plawżibbiltà u ta’ probabbiltà sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, inkluż il-ftuħ, jekk ikun il-każ, ta’ investigazzjoni ġudizzjarja.

77      Minn dan jirriżulta, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, li, meta, bħal f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tintalab tiddetermina jekk l-OLAF osservax l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, hija għandha tivverifika li, fil-mument ta’ din it-trażmissjoni, l-OLAF kellu iktar elementi minn sempliċi dubju, mingħajr madankollu ma jeżiġi prova kkaratterizzata li ma għadhiex teħtieġ atti ta’ investigazzjoni.

78      Għaldaqstant, f’dan il-każ, kienet il-Qorti Ġenerali, minn naħa, li kellha tivverifika l-kredibbiltà u l-kontenut tal-informazzjoni jew tal-elementi li jinsabu fin-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003 kif ukoll l-intenzjoni li fiha saret it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn l-elementi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u, min-naħa l-oħra, li tiddetermina jekk l-imsemmija informazzjoni jew l-imsemmija elementi setgħux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew jikkostitwixxux provi utli għal tali investigazzjoni. Għal dan il-għan, hija l-Qorti Ġenerali li kellha tistabbilixxi jekk l-OLAF kellux indizji materjali preċiżi biżżejjed li juru li kien hemm raġunijiet plawżibbli biex jitqies li l-informazzjoni trażmessa kien fiha fatti li jistgħu jiġu ammessi bħala kklassifika kriminali.

79      Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, minn naħa, li min-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003 kien jirriżulta li l-informazzjoni li tinsab fiha kienet ir-riżultat ta’ investigazzjoni li bdiet abbażi ta’ rapport ta’ awditu intern ta’ Eurostat ta’ Settembru 1999, jiġifieri kważi tliet snin u nofs qabel, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija nota kienet tesponi l-qafas istituzzjonali li fih din kienet taqa’, kienet tippreżenta kif żvolġew il-fatti msemmija mill-investigazzjoni billi bdiet mill-ħolqien tan-network tad-datashops fl‑1995 u l‑1996, kienet tispjega r-relazzjonijiet finanzjarji fi ħdan dan in-network u kienet tagħti dettalji tal-konstatazzjonijiet magħmula matul l-investigazzjoni. Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-OLAF, fid‑19 ta’ Marzu 2003, diġà kellu l-informazzjoni jew elementi li minnhom seta’ jiġi kkunsidrat li l-fatti inkwistjoni setgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali.

80      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la vverifikat il-kredibbiltà u l-kontenut tal-informazzjoni jew tal-elementi li jinsabu fin-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003, la l-intenzjoni li fiha saret it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn l-elementi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u lanqas jekk l-imsemmija informazzjoni jew l-imsemmija elementi setgħux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew jikkostitwixxu provi utli għal tali investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

81      Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaqa’ l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju.

2.      Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

82      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi l-eżistenza tad-denunzja kalunnjuża mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ malafama u tikkostitwixxi kemm reat kriminali kif ukoll responsabbiltà ċivili f’25 minn 27 pajjiż tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali jidher li wettqet żball, billi kkunsidrat, fil-punti 74 u 76 tas-sentenza appellata, li l-appellanti bbażaw ruħhom, sabiex jinvokaw l-eżistenza ta’ denunzja kalunnjuża, fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali Franċiż, fuq il-ġurisprudenza tal-qrati Franċiżi kif ukoll fuq id-duttrina Franċiża. Il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-argumenti tar-rikorrenti fid-dawl tad-dritt għall-ħajja privata u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 41 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza Franċiża dwar il-kalunnja ġiet invokata biss bħala eżempju, sabiex jintwera li tali nuqqas jikser il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri.

83      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma inammissibbli peress li ma ġewx invokati fl-ewwel istanza. Fil-fatt, fil-kuntest tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew l-eżistenza ta’ denunzja kalunnjuża u rreferew b’mod espliċitu għall-Kodiċi Kriminali Franċiż u għall-ġurisprudenza nazzjonali relatata miegħu. Ebda argument dwar l-eżistenza ta’ malafama li kisret prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jinsab fir-rikors tagħhom. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma tippermetti li jiġi identifikat ebda argument dwar l-eżistenza ta’ malafama bi ksur ta’ dispożizzjoni jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija argumenti huma infondati sa fejn id-denunzja kalunnjuża tippreżumi li fatti li l-awtur tagħhom jaf bid-distorsjoni jiġu żvelati bl-intenzjoni li ssir ħsara, ħaġa li r-rikorrenti ma pprovawx f’dan il-każ.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell huwa limitat, b’kawża iktar wiesgħa minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Casa Regina Apostolorum della Pia Società delle Figlie di San Paolo vs Il‑Kummissjoni, C‑492/21 P, EU:C:2023:354, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostnew, fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, li d-denunzja kalunnjuża li tirriżulta mit-trażmissjoni tal-informazzjoni inkwistjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi kienet akkumpanjata minn komunikazzjoni malafama minħabba kxif ta’ informazzjoni fl-istampa dwar din it-trażmissjoni u li huma invokaw b’mod espliċitu f’dan ir-rigward ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, kif ukoll drittijiet tad-difiża, tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, li huma wkoll stabbiliti minnha.

86      Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

87      Fir-rigward tal-fondatezza tagħha, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti bbażaw ruħhom fuq dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali Franċiż, fuq il-ġurisprudenza tal-qrati Franċiżi kif ukoll fuq id-duttrina Franċiża f’dan il-qasam. Madankollu huwa kkunsidrat li, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li għalkemm huwa minnu li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedu dwar ir-rikorsi għal kumpens ta’ dannu imputabbli lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-interpretazzjoni u l-qafas legali fid-dritt kriminali Franċiż tal-fatti allegati mir-rikorrenti ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettivi l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-eżistenza ta’ denunzja kalunnjuża.

88      Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jirriżulta minn qari manifestament żbaljat tar-rikors fl-ewwel istanza. Fil-fatt, minn din tal-aħħar jirriżulta, kif diġà ġie indikat fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti invokaw, insostenn tal-argument tagħhom ibbażat fuq l-illegalità tal-aġir tal-OLAF u tal-Kummissjoni minħabba denunzja kalunnjuża, prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Għalkemm ir-rikorrenti invokaw id-dritt Franċiż insostenn ta’ dan l-argument, dan kien b’mod ċar biss bħala eżempju.

89      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala ineffettiv l-imsemmi argument.

90      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħa.

91      Konsegwentement, hemm lok, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni lment tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, it-tielet parti tal-imsemmi aggravju lanqas it-tielet aggravju, li tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors, sa fejn kien intiż għall-kumpens għad-dannu morali allegatament subit minn H‑V. Charlot minħabba l-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

VI.    Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali

92      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

93      F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 82 sa 92 u 104 tas-sentenza appellata, billi ma eżaminat la l-kredibbiltà u l-kontenut tal-informazzjoni u tal-elementi li jinsabu fin-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003, la l-intenzjoni li fiha saret it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn l-elementi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u lanqas jekk l-imsemmija informazzjoni jew l-imsemmija elementi setgħux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew jikkostitwixxu provi utli għal tali investigazzjoni. Barra minn hekk, mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata, meta ċaħdet bħala ineffettiv l-argument tal-appellanti li jikkritika lill-OLAF u lill-Kummissjoni li wettqu denunzja kalunnjuża.

94      Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma wettqet eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra li huma kumulattivament neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 57, u tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 108).

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din il-kawża li tikkonċerna t-talba għal kumpens għad-dannu morali allegatament subit minn H‑V. Charlot minħabba l-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex tkun tista’ twettaq eżami ġdid tal-eventwali eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Jekk dan l-eżami jiżvela l-eżistenza ta’ tali ksur, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq l-eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

VII. Fuq l-ispejjeż

96      Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas6 ta’ April 2022, Planistat Europe u Charlot vs IlKummissjoni, (T-735/20, EU:T:2022:220), hija annullata, sa fejn permezz ta’ din is-sentenza, ilQorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors, intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali li Hervé-Patrick Charlot ġarrab minħabba l-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Regan

Csehi

Ilešič

Jarukaitis

 

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Jannar 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-President tal-Ħames Awla

A. Calot Escobar

 

E. Regan


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.