Language of document : ECLI:EU:C:2024:21

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(5) u (7) – Protezzjoni tal-konsumaturi – Dritt li jinbidel il-fornitur – Klijent mhux domestiku – Kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss konkluż ma’ impriża żgħira – Penalità kuntrattwali għax-xoljiment antiċipat tal-kuntratt – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti x-xoljiment ‘mingħajr spejjeż u kumpensi għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt’”

Fil-Kawża C‑371/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża

G sp. z o.o.

vs

W S.A.,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President ta’ Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits u C. Kokkosi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany‑Hornung u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G sp. z o.o. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija G”) u W S.A., fornitur tal-enerġija (iktar ’il quddiem il-“fornitur W”), dwar il-ħlas ta’ penalità kuntrattwali dovuta minħabba x-xoljiment antiċipat, mill-kumpannija G, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż minn dawn il-partijiet għal żmien determinat u bi prezz fiss.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2009/72

3        Il-premessi 1, 3, 7, 8, 42, 51, 52, 54 u 57 tad-Direttiva 2009/72 kienu jiddikjaraw:

“(1)      Is-suq intern fil-qasam tal-elettriku, li ġie implimentat progressivament fil-Komunità kollha sa mill‑1999, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jinkiseb titjib fl-effiċjenza, prezzijiet kompettitivi, u standards ogħla ta’ servizzi [...]

[...]

(3)      Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni [...] jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

[...]

(7)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [Ewropea] tal‑10 ta’ Jannar 2007 intitolata ‘Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa’ enfasizzat l-importanza li jitlesta s-suq intern fl-elettriku u li jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha tal-elettriku stabbiliti fil-Komunità. [...]

(8)      Sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni u l-provvista tal-elettriku bl-aktar prezz kompetittiv, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiffaċilitaw l-aċċess transkonfinali għall-fornituri l-ġodda tal-elettriku minn sorsi differenti tal-enerġija kif ukoll għall-fornituri l-ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

[...]

(42)      L-industrija u l-kummerċ kollu tal-Komunità, inklużi l-impriżi żgħar u medji, u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur [...] Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

[...]

(51)      L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizzi għandha tkun responsabilità ċentrali tal-intrapriżi tal-elettriku. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-Komunità, il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jew mill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

(52)      Il-konsumaturi għandu jkollhom informazzjoni ċara u li tiftiehem dwar id-drittijiet tagħhom rigward is-settur tal-enerġija. [...]

[...]

(54)      Id-disponibilità ta’ mezzi effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tiwim għall-konsumaturi kollha tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. [...]

[...]

(57)      Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta u ta’ aċċess faċli għall-fornituri differenti kif ukoll it-trawwim ta’ kapaċità ġdida għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ġdida, għandhom ikunu tal-ogħla importanza għall-Istati Membri sabiex jippermettu li l-konsumaturi jaħtfu bis-sħiħ l-opportunitajiet ta’ suq intern liberalizzat tal-elettriku.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. [...]”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(7)      ‘klijent’ tfisser klijenti bl-ingrossa jew klijenti finali tal-elettriku;

[...]

(9)      ‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

(10)      ‘klijent domestiku’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tiegħu fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali;

(11)      ‘klijent mhux domestiku’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha u għandhom ikunu inklużi produtturi u klijenti bl-ingrossa;

(12)      ‘klijent eliġibbli’ tfisser klijent li jkun ħieles li jixtri l-elettriku mill-fornitur tal-għażla tiegħu fis-sens tal-Artikolu 33;

[...]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 3 sa 5 u 7 tiegħu:

“3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jqisu adatt, l-impriżi ż-żgħar, (jiġifieri impriżi b’anqas minn 50 persuna impjegata u b’turnover annwali jew karta tal-bilanċ li ma tkunx taqbeż EUR 10 000 000), ikunu jgawdu servizzi universali [...]

[...]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi kollha jkunu intitolati li jkollhom l-elettriku tagħhom ipprovdut minn fornitur, suġġett għal qbil tal-fornitur, irrispettivament f’liema Stat Membru jkun reġistrat il-fornitur [...]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)      fejn konsumatur, filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali, jixtieq li jbiddel il-fornitur, il-bidla għandha ssir mill-operatur(i) kkonċernat(i) fi żmien tliet ġimgħat; [...]

[...]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija f’punti (a) u (b) huma mogħtija lill-konsumaturi kollha b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien.

[...]

7.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali [...] Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ jaqleb b’mod faċli għal ma’ fornitur ġdid. Fir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi, dawk il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.”

7        L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Ftuħ tas-suq u reċiproċità”, kien jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jinkludu:

[...]

(c)      mill‑1 ta’ Lulju 2007, lill-klijenti kollha.”

8        L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur”, kien jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur [...], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

(a)      għandhom id-dritt ta’ kuntratt mal-fornitur tas-servizz tal-elettriku tagħhom li jispeċifika:

[...]

–        it-tul tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt u jekk huwiex permess li wieħed jirtira mill-kuntratt bla ħlas;

[...]

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. [...]

[...]

(e)      ma għandhomx iħallsu talli jibdlu l-fornitur;

[...]”

9        Id-Direttiva 2009/72 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, bid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125), konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2019/944.

 IdDirettiva 2019/944

10      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Għażla ħielsa tal-fornitur”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jixtru l-elettriku mill-fornitur li jagħżlu huma u għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jkollhom aktar minn kuntratt wieħed tal-provvista tal-elettriku fl-istess ħin, dment li l-konnessjoni meħtieġa u l-punti ta’ kejl meħtieġa jkunu stabbiliti.”

11      L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għall-bdilu regoli dwar tariffi marbuta mal-bdil”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“[...] [L]-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri [...] jimponu fuq il-klijenti tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt fejn dawk il-klijenti volontarjament itemmu kuntratti għal terminu fiss, bi prezz fiss ta’ provvista tal-elettriku qabel dawn ma jkunu mmaturaw, dment li tali tariffi jkunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih volontarjament u li tali tariffi jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-klijent qabel ma jidħol għall-kuntratt. Tariffi bħal dawn għandhom ikunu proporzjonati u m’għandhomx jeċċedu t-telf ekonomiku dirett għall-fornitur jew il-parteċipanti tas-suq impenjat fl-aggregazzjoni li jirriżultaw mit-terminazzjoni mill-klijent tal-kuntratt, inkluż l-ispejjeż ta’ kwalunkwe investimenti magħquda jew servizzi li diġà jkunu ġew provduti lill-klijent bħala parti mill-kuntratt. L-oneru li jiġi pprovat it-telf ekonomiku dirett għandu jkun fuq il-fornitur [...] u l-permissibbilà tat-tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt għandha tiġi mmonitorjata mill-awtorità regolatorja, jew minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra.”

 Iddritt Pollakk

12      L-ustawa – Prawo energetyczne (il-Liġi dwar l-Enerġija) tal‑10 ta’ April 1997 (Dz. U. Nru 54, intestatura 348), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), tipprevedi, fl-Artikolu 4j(3a) tagħha:

“Klijent finali jista’ jxolji kuntratt li jkun ġie konkluż għal żmien determinat u li permezz tiegħu impriża tal-enerġija tipprovdilu kombustibbli gassużi jew enerġija, u dan mingħajr ma jġarrab spejjeż u kumpensi għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt, billi jibgħat dikjarazzjoni bil-miktub lill-impriża tal-enerġija.”

13      L-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tipprevedi, fl-Artikolu 483(1) tagħha:

“Il-kuntratt jista’ jistipula li l-kumpens għad-dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni żbaljata ta’ obbligu mhux pekunjarju għandu jsir permezz tal-ħlas ta’ somma ddeterminata (penalità kuntrattwali).”

14      Skont l-Artikolu 484 tal-Kodiċi Ċivili:

“§1.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni żbaljata ta’ obbligu, tkun dovuta penalità kuntrattwali lill-kreditur sal-ammont previst għal dan l-għan, indipendentement mill-estent tad-dannu mġarrab. Talba għad-danni li teċċedi l-ammont tal-penalità previst ma hijiex ammissibbli, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor.

§2.      Jekk parti sostanzjali tal-obbligu tkun ġiet eżegwita, id-debitur jista’ jitlob tnaqqis tal-penalità kuntrattwali; l-istess japplika jekk il-penalità kuntrattwali tkun manifestament eċċessiva.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      Fl‑1 ta’ Jannar 2010, il-kumpannija G, impriża żgħira li timpjega inqas minn 50 persuna, u l-fornitur W ikkonkludew kuntratt ġenerali (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ġenerali”), li permezz tiegħu dan tal-aħħar intrabat li jipprovdi l-elettriku għal azjenda tal-agrituriżmu li tinsab f’K. (il-Polonja).

16      Fit‑23 ta’ Frar 2015, dawn il-partijiet ikkonkludew ftehim li permezz tiegħu l-kumpannija G intrabtet li tkompli dan il-kuntratt ġenerali għal mill-inqas sal‑31 ta’ Diċembru 2016. F’dan il-ftehim, dawn il-partijiet qablu li huma għandhom id-dritt li jxolju l-imsemmi kuntratt permezz ta’ preavviż u li, fil-każ ta’ xoljiment mill-kumpannija G qabel l-iskadenza tal-perijodu li għalih dan kien ġie konkluż, il-fornitur W jeżiġi mingħand din il-kumpannija l-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku, stipulat fl-imsemmi ftehim, li l-imsemmija kumpannija kienet intrabtet li tixtri mingħandu, iżda li hija la kienet għadha ħallset u lanqas ikkonsmat.

17      Barra minn hekk, fit‑30 ta’ Jannar 2015, il-kumpannija G ikkonkludiet ma’ Z S.A., fornitur ieħor tal-elettriku, kuntratt ta’ provvista tal-elettriku li jikkonċerna l-istess azjenda tal-agrituriżmu. Bis-saħħa tal-mandat mogħti lilu f’dan il-kuntest, Z a, fil‑25 ta’ Frar 2015, informa lill-fornitur W bil-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u, kemm‑il darba ma kienx ser jagħti l-kunsens tiegħu għal din is-sitwazzjoni l-ġdida, innotifikah bix-xoljiment tal-kuntratt ġenerali.

18      Fid‑9 ta’ Marzu 2016, il-fornitur W bagħat lill-kumpannija G nota ta’ debitu fl-ammont ta’ 63 959.70 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 14 161), bħala penalità kuntrattwali għax-xoljiment antiċipat tal-kuntratt ġenerali, li rriżulta mill-bdil antiċipat tal-fornitur tal-elettriku. Peress li din il-kumpannija ma għamlitx il-ħlas mitlub fit-terminu mogħti, dan il-fornitur, fil‑21 ta’ Novembru 2016, adixxa lis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) b’talba sabiex l-imsemmija kumpannija tiġi kkundannata tħallsu din is-somma, flimkien mal-interessi.

19      Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Frar 2020, dik il-qorti laqgħet din it-talba. Hija qieset, b’mod partikolari, li l-fornitur W kien iġġustifikat li jeżiġi l-ħlas tal-penalità kuntrattwali, peress li l-kuntratt tiegħu mal-kumpannija G ġie xolt qabel it-terminu miftiehem minħabba l-bidla tal-fornitur li saret bil-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ma’ Z. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li, minn naħa, skont l-Artikolu 484(1) tal-Kodiċi Ċivili, talba għal penalità kuntrattwali ma hijiex suġġetta għall-prova tal-eżistenza ta’ dannu u, min-naħa l-oħra, l-ammont mitlub kien jikkorrispondi għal dak li kien stipulat fil-ftehim imsemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza.

20      Il-kumpannija G appellat minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72, il-penalità kuntrattwali ma setgħetx tiġi imposta fuqha. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-fornitur W ma kienx ġarrab dannu, iżda biss lucrum cessans. B’risposta, dan il-fornitur sostna li, skont l-Artikolu 484(1) tal-Kodiċi Ċivili, l-ammont tal-penalità kuntrattwali huwa indipendenti mill-quantum tad-dannu mġarrab.

21      Il-qorti tar-rinviju tosserva, preliminarjament, li, minkejja li d-Direttiva 2009/72 hija applikabbli ratione temporis għat-tilwima li hija adita biha, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944 ipprovdew kjarifiki għal din id-direttiva tal-ewwel, liema artikoli jistgħu, fil-fehma tagħha, jaffettwaw l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-klijenti kif previsti fid-Direttiva 2009/72.

22      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, hija tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija jippermetti x-xoljiment ta’ kuntratt għal żmien determinat mingħajr ma jiġu sostnuti spejjeż u kumpensi oħra għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt, kif ukoll li din il-liġi ma tipprevedi ebda kriterju, ħlief għal kriterju ta’ proporzjonalità, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u kumpensi u ma jeskludix il-possibbiltà li jintalab kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa. Hija tindika wkoll li penalità kuntrattwali, fis-sens tal-Kodiċi Ċivili, tista’ titnaqqas minn qorti biss fuq talba tal-parti kkonċernata u li l-oneru tal-prova tan-natura eċċessiva ta’ din il-penalità jaqa’ fuq din tal-aħħar.

23      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm huwa possibbli, skont id-duttrina, li jiġu annullati kumpensi għax-xoljiment manifestament eċċessivi fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-konsumaturi, mill-banda l-oħra, ma huwiex possibbli li jiġi eżaminat jekk in-natura ta’ klawżoli li jimponu tali penalitajiet kuntrattwali f’sitwazzjoni fejn ir-relazzjoni kuntrattwali tikkonċerna impriża żgħira tistax tkun waħda inġusta.

24      F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Liġi dwar l-Enerġija ma fiha ebda riferiment għall-protezzjoni tal-konsumaturi u la tipprevedi l-possibbiltà ta’ tnaqqis ex officio tal-penalitajiet fir-rigward ta’ klijenti mhux domestiċi u lanqas xi kriterju partikolari għall-kalkolu ta’ dawn tal-aħħar. Issa, minn naħa, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72 tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-klijenti jingħataw id-dritt li jibdlu l-fornitur b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spejjeż, investiment u żmien. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(7) tagħha jsemmi n-neċessità li dan id-dritt ikun jista’ jiġi effettivament u faċilment eżerċitat, li jimplika l-osservanza, fl-implimentazzjoni tal-imsemmi dritt, ta’ proporzjonalità adegwata bejn l-ammont tal-penalità kuntrattwali u l-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra fil-kuntratt. Barra minn hekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, għalkemm l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72, moqri flimkien mal-Anness I tagħha, jipprovdi li, għal klijent domestiku, il-bdil ta’ fornitur ma jagħti lok għal ebda ħlas, il-Liġi dwar l-Enerġija ma tinkludix tali preċiżazzjoni.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li d-dritt nazzjonali jippermetti l-istipulazzjoni ta’ penalitajiet kuntrattwali mingħajr ma jistabbilixxi wkoll kriterji sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti tagħhom jista’ jġib fix-xejn l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta stabbilixxa l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll il-libertà tal-klijenti li jxolju l-kuntratti, u joħloq distorsjoni tal-garanziji ta’ aċċess ugwali għall-klijenti għall-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni.

26      Fid-dawl tal-premess, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 jipprekludix il-possibbiltà li tiġi imposta penalità kuntrattwali fuq klijent għax-xoljiment, minn dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-enerġija konkluż għal żmien determinat, fil-każ fejn dan il-klijent ikun biħsiebu jibdel il-fornitur, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu mġarrab u mingħajr ma l-liġi applikabbli tippreċiża l-kriterju għall-kalkolu tat-tariffi u għat-tnaqqis tagħhom.

27      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li, permezz ta’ kuntratt, jiġu imposti fuq il-klijenti konsumaturi tal-enerġija tariffi għax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ provvista tal-enerġija qabel l-iskadenza tiegħu, fil-kuntest ta’ bdil ta’ fornitur, f’sitwazzjoni fejn dawn it-tariffi jikkorrispondu de facto għall-ispejjeż tal-enerġija mhux użata, fid-dawl tal-għan li tiġi ggarantita l-possibbiltà effettiva li jinbidel faċilment il-fornitur tal-enerġija, kif ukoll l-implimentazzjoni nondiskriminatorja tal-bidla tal-fornitur tal-enerġija, u tan-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tqis li d-Direttiva 2019/944, fl-Artikolu 12(3) tagħha, tipprovdi, fir-rigward ta’ dan il-punt, informazzjoni utli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari bir-riferiment tagħha għat-“telf ekonomiku dirett” imġarrab mill-fornitur u għall-proporzjonalità.

28      F’dan il-kuntest, hija ssostni li penalità kuntrattwali tat-tip “take or pay” tgħabbi lill-klijent bir-riskju finanzjarju kollu ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, din hija manifestament eċċessiva u tista’ tobbliga lill-klijent ikompli bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt anki jekk ma jkunx jixtieq jagħmel dan. Madankollu, f’kuntratti bħal dawn, it-“telf ekonomiku dirett” jista’ jikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-provvista tal-enerġija lill-klijent ikkonċernat u mal-ħtieġa li l-infrastruttura kollha tinżamm f’kundizzjoni tajba, għat-tariffi relatati mal-kuntratti ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni diġà konklużi kif ukoll għas-salarji. Hija tistaqsi għalhekk dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proporzjon xieraq tat-tariffi marbuta mat-telf ekonomiku dirett” ta’ fornitur tal-enerġija u jekk id-Direttiva 2009/72 teħtieġx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi b’mod espliċitu kif dawn it-tariffi għandhom jiġu kkalkolati.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 3(5) u (7) tad-[Direttiva 2009/72] li jeżiġi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija (impriża żgħira) fil-każ ta’ bidla fil-fornitur tal-enerġija jseħħ konformement mal-prinċipju li jiggarantixxi lill-klijenti eliġibbli l-possibbiltà effettiva li jbiddlu faċilment lill-fornitur, u li jeżiġi li din il-bidla sseħħ b’mod mhux diskriminatorju, fir-rigward ta’ spejjeż, investiment jew żmien, għandu jiġi interpretat b’mod tali li jipprekludi l-possibbiltà li tiġi imposta penalità kuntrattwali fuq il-konsumatur tal-enerġija minħabba xoljiment ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija konkluż għal żmien determinat fil-każ li l-konsumatur ikollu l-intenzjoni li jbiddel il-fornitur tal-enerġija, u dan mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dannu mġarrab (Artikoli 483(1) u 484(1) u (2) tal-[Kodiċi Ċivili]) kif ukoll mingħajr ma l-[Liġi dwar l-Enerġija] tkun tiddetermina xi tip ta’ kriterju għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż u liema tnaqqis għandu jiġu applikat għalihom?

(2)      L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, li jeżiġi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija (impriża żgħira) fil-każ ta’ bidla fil-fornitur tal-enerġija jseħħ b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spejjeż, investiment jew żmien, kif ukoll konformement mal-prinċipju li jiggarantixxi lill-klijenti eliġibbli l-possibbiltà effettiva li jbiddlu faċilment lill-fornitur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ forniment tal-enerġija qabel l-iskadenza tat-terminu tiegħu konkluż mal-fornitur għal żmien determinat, tippermetti l-ġbir mingħand il-konsumaturi (impriżi żgħar) ta’ spejjeż li de facto jikkorrispondu għall-prezz tal-enerġija mhux użata sat-tmiem [inizjali] tal-kuntratt konformament mal-prinċipju ta’ ‘take or pay’?”

 Fuq iddomandi preliminari

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, minkejja li l-qorti tar-rinviju, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944, din tal-aħħar ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2009/72 biss mill‑1 ta’ Jannar 2021. B’hekk, meta wieħed iqis id-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata mid-Direttiva 2009/72. Għalhekk, fil-każ ineżami, ma hemmx lok li tiġi interpretata d-Direttiva 2019/944, li, apparti minn hekk, ma jsir ebda riferiment għaliha fid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod ġenerali, għall-provvista tal-enerġija, hija biss il-provvista tal-elettriku li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Id-Direttiva 2009/72, skont l-Artikolu 1 tagħha, tirrigwarda wkoll is-suq intern uniku tal-elettriku.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn impriża żgħira, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur tagħha, din tal-aħħar hija obbligata tħallas il-penalità kuntrattwali stipulata f’dan il-kuntratt, li l-ammont tagħha jista’ jikkorrispondi għall-prezz kollu tal-elettriku li hija kienet intrabtet li tixtri, anki jekk dan l-elettriku ma jkunx ġie u ma jkunx ser jiġi kkonsmat, minkejja li din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi ebda kriterju għall-kalkolu ta’ tali penalità jew għat-tnaqqis possibbli tagħha.

32      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.

33      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tad-dispożizzjonijiet li qiegħda tintalab l-interpetazzjoni tagħhom, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk klijent ikun jixtieq jibdel il-fornitur, b’osservanza tat-termini u tal-kundizzjonijiet kuntrattwali, din il-bidla għandha ssir mill-operatur jew mill-operaturi kkonċernati fi żmien tliet ġimgħat. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva jżid jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(5) jingħataw lill-konsumaturi kollha b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spejjeż, investiment u żmien. Fir-rigward tal-Artikolu 3(7), dan jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu lill-klijenti finali, jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet kuntrattwali, u jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun jista’ jibdel il-fornitur tiegħu b’mod faċli. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li, fir-rigward, tal-inqas, tal-klijenti domestiċi, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

34      Barra minn hekk, skont il-punt 9 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, il-kunċett ta’ “klijent finali” jirreferi għal “klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu”, filwaqt li skont il-punt 12 ta’ dan l-Artikolu 2, il-kunċett ta’ “klijent eliġibbli” jirreferi għal “klijent li jkun ħieles li jixtri l-elettriku mill-fornitur tal-għażla tiegħu fis-sens tal-Artikolu 33 [tad-Direttiva 2009/72]”. Dan il-kunċett tal-aħħar jinkludi għalhekk, sa mill‑1 ta’ Lulju 2007, il-“klijenti kollha”, konformement mal-Artikolu 33(1)(c) ta’ din id-direttiva.

35      Għandu jiġi rrilevat ukoll, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-Direttiva 2009/72 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” li jissemma fiha, iżda li jista’ jiġi dedott mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li tiddikjara li s-suq intern tal-elettriku għandu l-għan li joffri libertà ta’ għażla reali “lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni [...], kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji”, kif ukoll mill-premessa 42 tagħha li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’sens kuntrarju f’dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, din il-kelma għandha, fl-istess direttiva, tifsira wiesgħa u tinkludi għalhekk, bħala prinċipju, kull “klijent finali”, jiġifieri kemm il-“klijenti domestiċi” kif ukoll il-“klijenti finali mhux domestiċi”, inkluż l-impriżi żgħar.

36      Mill-premess jirriżulta li, essenzjalment, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, moqri fid-dawl tad-definizzjonijiet rilevanti msemmija fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, sempliċement teħtieġ li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-ewwel nett, tiggarantixxi li klijent finali jkun jista’, jekk jixtieq, effettivament u faċilment jibdel il-fornitur tal-elettriku, b’osservanza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħu ta’ provvista tal-elettriku, it-tieni nett, tiżgura li dispożizzjonijiet kuntrattwali bħal dawk deskritti f’dan il-punt 31 ikunu trasparenti u, it-tielet nett, tipprevedi mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li jista’ jinqala’ bejn il-konsumaturi u l-fornitur tal-elettriku tagħhom.

37      Issa, il-fatt li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss jistipula penalità kuntrattwali fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ dan tal-aħħar mill-klijent sabiex jibdel il-fornitur tiegħu, anki meta din ikollha l-karatteristiċi deskritti fil-punt 31 ta’ din is-sentenza u inkwantu din il-leġiżlazzjoni teħtieġ, minn naħa, li tali stipulazzjoni kuntrattwali tkun ifformulata bi kliem ċar, li jippermetti lill-klijent jifhem il-portata tiegħu qabel l-iffirmar tal-kuntratt, u li tkun saret b’mod liberu, u b’hekk tissodisfa l-kundizzjoni ta’ trasparenza li teħtieġ din il-formulazzjoni, u, min-naħa l-oħra, tipprevedi possibbiltà ta’ rimedju, amministrattiv jew ġudizzjarju, f’każ ta’ tilwima, mhux neċessarjament iżomm lil dan il-klijent milli jkun jista’ effettivament ibiddel il-fornitur b’mod faċli.

38      Mill-banda l-oħra, jista’ jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72 jippreċiża li l-bidla ta’ fornitur għandha ssir b’osservanza tat-termini u tal-kundizzjonijiet kuntrattwali.

39      Barra minn hekk, huwa minnu li, kif diġà ġie indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva tipprevedi li, fir-rigward, tal-inqas, tal-klijenti domestiċi, l-Istati Membri għandhom, sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, jadottaw il-miżuri li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Kif jirriżulta minn dan l-Anness I, dawn jinkludu miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-klijenti, skont il-paragrafu 1(a) tal-imsemmi Anness I, ikollhom id-dritt għal kuntratt konkluż mal-fornitur tal-elettriku tagħhom li jispeċifika l-eżistenza ta’ klawżola ta’ xoljiment mingħajr ħlas, u, skont il-paragrafu 1(e) tal-istess Anness I, ma jkollhom xejn xi jħallsu meta jibdlu l-fornitur. Madankollu, mill-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva jirriżulta li l-kunċett ta’ “klijent domestiku” jirreferi għal “klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tiegħu fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali”, filwaqt li, skont il-punt 11 ta’ dan l-Artikolu 2, dak ta’ “klijent mhux domestiku” jirreferi għal “persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha u għandhom ikunu inklużi produtturi u klijenti bl-ingrossa”.

40      Peress li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi b’mod espliċitu li l-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jiddistingwu l-klijenti li jixtru l-elettriku għall-konsum domestiku tagħhom mill-klijenti li jixtru l-elettriku għal attività kummerċjali jew professjonali, dan l-Artikolu 3(7), ’il bogħod milli jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ifittex juri, għall-kuntrarju, li l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn impriża żgħira, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur tagħha, din tal-aħħar tkun obbligata tħallas il-penalità kuntrattwali stipulata f’dan il-kuntratt.

41      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/72 ma tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jinbidel il-fornitur mingħajr ħlas, jew miżuri simili, favur il-klijenti finali mhux domestiċi, anki jekk dawn ikunu impriżi żgħar.

42      Sussegwentement, l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkollhom id-dritt li jixtru l-elettriku tagħhom mingħand il-fornitur tal-għażla tagħhom, suġġett għall-kunsens tiegħu.

43      Fl-aħħar nett, il-premessa 51 tad-Direttiva 2009/72 tfakkar li l-interessi tal-konsumaturi huma fil-qalba ta’ din id-direttiva u li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi, il-premessa 52 tagħha tiddikjara li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jkollhom “informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tas-settur tal-enerġija” u l-premessa 54 tal-imsemmija direttiva tiddikjara li l-mezzi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, li għandhom jiġu previsti skont l-Artikolu 3(7) tal-istess direttiva, ikunu favur “il-konsumaturi kollha”.

44      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li minn dan il-kuntest ma jirriżultax li, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għażel li jestendi l-benefiċċju tal-miżuri stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2009/72 lil klijenti oħra minbarra l-klijenti domestiċi, id-dispożizzjonijiet li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom jipprekludu, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Mill-banda l-oħra, mill-imsemmi kuntest jirriżulta, essenzjalment, li tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiżgura li l-klijenti jkollhom id-dritt jagħżlu l-fornitur tagħhom u li l-konsumaturi jkunu informati b’mod ċar u li jinftiehem bid-drittijiet tagħhom u jkunu f’pożizzjoni li jinforzawhom fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim.

45      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/72, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessi 3, 7 u 8 tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar tfittex, b’mod partikolari, li tistabbilixxi suq intern tal-elettriku kompletament miftuħ u kompetittiv, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu b’mod liberu l-fornituri tagħhom u lil dawn tal-aħħar li jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, li tippromwovi l-kompetittività fis-suq intern, sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku bl-iktar prezz baxx possibbli, u li toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi f’dan is-suq, bil-għan li jitwettaq is-suq intern tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 39, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky, C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan is-sens ukoll, il-premessa 57 tal-istess direttiva tiddikjara li għandu jkun tal-ikbar importanza għall-Istati Membri li jippromwovu kompetizzjoni ġusta u aċċess faċli għall-fornituri differenti, kif ukoll il-kapaċità ġdida għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, sabiex jippermettu lill-konsumaturi jgawdu bis-sħiħ mill-opportunitajiet ta’ suq intern liberalizzat tal-elettriku.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss jistgħu jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti billi jiggarantixxu lill-klijenti prezz tal-elettriku baxx u stabbli u billi jaċċertawhom li l-ispejjeż li huma ser ikollhom isostnu ma jvarjawx għat-tul kollu tal-kuntratt. Madankollu, sabiex jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn tali kuntratti, il-fornitur tal-elettriku kkonċernat jista’ jkun sostna tariffi speċifiċi, liema tariffi setgħu joħolqu, għall-fornitur, spejjeż addizzjonali meta mqabbel ma’ kuntratt għal żmien indeterminat u mingħajr prezz fiss, b’mod partikolari sabiex jipproteġi ruħu kontra l-volatilità tal-ispejjeż fis-suq bl-ingrossa. B’hekk, il-possibbiltà li tiġi permessa l-impożizzjoni ta’ penalità kuntrattwali fuq il-klijent f’sitwazzjoni fejn huwa jxolji b’mod antiċipat dan it-tip ta’ kuntratt għal żmien determinat u bi prezz fiss tista’ tippermetti lill-fornitur jikkumpensa l-ispejjeż partikolari li jirriżultaw għalih minn dan it-tip ta’ kuntratt, billi tevitalu milli jkollu jgħabbi lill-klijenti kollha tiegħu bir-riskju finanzjarju marbut ma’ tali tip ta’ kuntratt, li jista’ jwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku fir-rigward tagħhom u li, fl-aħħar mill-aħħar, imur kontra l-għan li jiġu żgurati l-prezzijiet l-iktar baxxi possibbli għall-konsumaturi.

48      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-għan ġenerali mfittex mid-Direttiva 2009/72 li jirnexxilha twettaq is-suq intern tal-elettriku u tilħaq l-għanijiet iktar speċifiċi, stabbiliti fil-premessi 51 u 57 ta’ din id-direttiva, li l-konsumaturi jibbenefikaw minn suq kompetittiv u liberalizzat. Issa, li kellha leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-impożizzjoni ta’ penalitajiet kuntrattwali li ma humiex approporzjon tal-ispejjeż ikkawżati mill-kuntratt, li, minħabba x-xoljiment antiċipat ta’ dan tal-aħħar, ma jkunux ġewx imħallsa kompletament, ikun hemm ir-riskju li dawn l-għanijiet ma jintlaħqux. Fil-fatt, tali penalitajiet jistgħu jiddisswadu artifiċjalment lill-klijenti kkonċernati milli jxolju b’mod antiċipat il-kuntratt tagħhom ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss sabiex jibdlu l-fornitur u, b’hekk, iżommuhom milli jibbenefikaw b’mod sħiħ minn suq intern tal-elettriku kompetittiv u liberalizzat.

49      F’dan ir-rigward, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tipprevedi li l-ispejjeż u l-kumpensi li jistgħu jiġu stipulati kuntrattwalment fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn klijent finali mhux domestiku, ta’ tali kuntratt ta’ provvista tal-elettriku huma dovuti indipendentement minn kull dannu li jista’ jġarrab il-fornitur inizjali u li, min-naħa l-oħra, ma tistabbilixxi ebda kriterju li jirregola l-kalkolu tagħhom jew it-tnaqqis possibbli tagħhom mill-awtorità, amministrattiva jew ġudizzjarja, li tkun adita b’tilwima f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li d-Direttiva 2009/72 ma tinkludi ebda informazzjoni dwar dawn il-punti.

50      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma jistgħux, b’dan il-mod, iqiegħdu f’perikolu l-effett utli tad-Direttiva 2009/72 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et, C‑537/03, EU:C:2005:417, punti 25 sa 27, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C‑330/14, EU:C:2015:826, punt 42).

51      Issa, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, dan ikun il-każ jekk, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu, skont din id-direttiva, għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-elettriku, l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita ma tkunx tista’ twettaq evalwazzjoni tal-ammont ta’ penalità kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, tordna li titnaqqas, jew li saħansitra tinħafer, jekk jirriżulta li din tal-aħħar hija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, ta’ ammont li ma huwiex approporzjon tal-ispejjeż li jirriżultaw minn kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minħabba x-xoljiment antiċipat ta’ dan tal-aħħar, ma jkunux tħallsu kompletament, b’tali mod li, fil-prattika, ikollha l-effett li ċċaħħad mis-sustanza tiegħu d-dritt tal-klijent finali li jkun jista’ effettivament jibdel il-fornitur b’mod faċli u li tqiegħed f’perikolu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72 imfakkra fil-punti 45, 46 u 48 ta’ din is-sentenza.

52      Għalkemm hija biss l-awtorità nazzjonali, adita b’tilwima, li tista’ tevalwa l-proporzjonalità tal-ammont ta’ tali penalità kuntrattwali, għandu jingħad, madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, jistgħu, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul inizjali tal-kuntratt inkwistjoni, it-tul li jkun fadal jiddekorri fil-mument tax-xoljiment tiegħu, il-kwantità ta’ elettriku li tkun inxtrat għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, iżda li finalment ma tkunx ser tiġi kkonsmata mill-klijent, kif ukoll il-mezzi li fornitur raġonevolment diliġenti seta’ kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jillimita kwalunkwe telf ekonomiku possibbli li huwa seta’ jġarrab minħabba dan ix-xoljiment antiċipat.

53      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-Repubblika tal-Polonja kellha l-ħsieb li testendi għall-klijenti finali mhux domestiċi jew għall-impriżi żgħar il-benefiċċju tal-miżuri msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/72, liema benefiċċju l-Istati Membri huma, skont l-Artikolu 3(7) tagħha, obbligati li jipprevedu favur il-klijenti domestiċi. Barra minn hekk, huwa minnu li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi, essenzjalment, li l-partijiet fil-kuntratt huma liberi li jiddeterminaw l-ammont tal-penalità kuntrattwali applikabbli fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, mill-klijent kontraenti finali, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss sabiex jibdel il-fornitur tiegħu, u li l-ammont miftiehem huwa dovut irrispettivament mill-entità tad-dannu mġarrab. Madankollu, minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, skont l-Artikolu 484(2) tal-Kodiċi Ċivili, huwa possibbli li titressaq kawża quddiem awtorità ġudizzjarja f’każ ta’ tilwima f’dan ir-rigward u li jintalab it-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-penalità “jekk parti sostanzjali mill-obbligu tkun ġiet eżegwita” jew jekk din il-penalità “tkun manifestament eċċessiva”. Barra minn hekk, il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma juri li l-kundizzjonijiet l-oħra li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa mid-Direttiva 2009/72, imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ma humiex iggarantiti mid-dritt Pollakk. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifiki u għall-evalwazzjonijiet finali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3(5) u (7) ta’ din id-direttiva ma jidhirx li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal klijent finali mhux domestiku, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

54      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, minkejja li, fil-kuntest ta’ dawn il-verifiki, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata li l-kumpannija G, li hija tikklassifika bħala “impriża żgħira”, ma tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/72, li jippermettu li tiġi adottata tali klassifikazzjoni fir-rigward ta’ din id-direttiva, u li dan ma jkollu ebda effett fuq ir-rilevanza tar-risposta mogħtija għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, din ir-risposta hija meħtieġa, bħala prinċipju, għall-klijenti finali mhux domestiċi kollha, fis-sens tal-imsemmija direttiva, u li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-kumpannija G ma tissodisfax din il-klassifikazzjoni tal-aħħar.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn impriża żgħira, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur tagħha, din tal-aħħar tkun obbligata tħallas il-penalità kuntrattwali stipulata f’dan il-kuntratt, li l-ammont tagħha jista’ jikkorrispondi għall-prezz kollu tal-elettriku li hija kienet intrabtet li tixtri, anki jekk dan l-elettriku ma jkunx ġie u ma jkunx ser jiġi kkonsmat, minkejja li din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi ebda kriterju għall-kalkolu ta’ tali penalità jew għat-tnaqqis possibbli tagħha, inkwantu l-imsemmija leġiżlazzjoni, minn naħa, tiggarantixxi li tali dispożizzjoni kuntrattwali tkun ċara, komprensibbli u tkun saret b’mod liberu u, min-naħa l-oħra, tipprevedi possibbiltà ta’ rimedju, amministrattiv jew ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-awtorità adita tista’ tevalwa n-natura proporzjonata ta’ din il-penalità fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, jekk ikun il-każ, tordna li din titnaqqas jew tinħafer.

 Fuq lispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn impriża żgħira, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur tagħha, din tal-aħħar tkun obbligata tħallas il-penalità kuntrattwali stipulata f’dan il-kuntratt, li l-ammont tagħha jista’ jikkorrispondi għall-prezz kollu tal-elettriku li hija kienet intrabtet li tixtri, anki jekk dan l-elettriku ma jkunx ġie u ma jkunx ser jiġi kkonsmat, minkejja li din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi ebda kriterju għall-kalkolu ta’ tali penalità jew għat-tnaqqis possibbli tagħha, inkwantu l-imsemmija leġiżlazzjoni, minn naħa, tiggarantixxi li tali dispożizzjoni kuntrattwali tkun ċara, komprensibbli u tkun saret b’mod liberu u, min-naħa l-oħra, tipprevedi possibbiltà ta’ rimedju, amministrattiv jew ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-awtorità adita tista’ tevalwa n-natura proporzjonata ta’ din il-penalità fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, jekk ikun il-każ, tordna li din titnaqqas jew tinħafer.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.