Language of document : ECLI:EU:C:2024:26

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Trasport bl-ajru – Ir‑Rumanija – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ TAROM – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet minħabba li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli mas-suq intern”

Fil-Kawża C‑440/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑4 ta’ Lulju 2022,

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn I.‑G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros, S. Rating, abogado, u E. Vahida, avocat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Barcew, V. Bottka u L. Flynn, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) (iktar ’il quddiem “Wizz Air”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Mejju 2022, Wizz Air Hungary vs Il‑Kummissjoni (TAROM; għajnuna għas-salvataġġ) (T‑718/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:276), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1160 final tal‑24 ta’ Frar 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56244 (2020/N) – Ir-Rumanija – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ TAROM (ĠU 2020, C 310, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni”) jipprevedu, fil-punt 38 tagħhom, dan li ġej:

“Fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-għajnuna nnotifikata tkunx tista’ titqies bħala kumpatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ser tikkunsidra jekk ikunx intlaħaq kull wieħed minn dawn il-kriterji:

(a)      kontribuzzjoni għal objettiv ta’ interess komuni ferm definit: miżura ta’ għajnuna mill-Istat trid timmira għal objettiv ta’ interess komuni skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat (it-Taqsima 3.1).

[…]

(f)      l-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri: l-effetti negattivi tal-għajnuna jridu jkunu limitati suffiċjentement biex il-bilanċ kumplessiv tal-miżura jkun pożittiv (it-Taqsima 3.6).

[…]”

3        It-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, intitolata “Kontribut għal objettiv ta’ interess komuni”, tinkludi l-punt 43 li jaqra kif ġej:

“Minħabba l-importanza li għandu l-ħruġ mis-suq fil-proċess tat-tkabbir tal-produttività, is-sempliċi fatt li impriża tiġi impeduta milli toħroġ mis-suq ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-għajnuna. Għandha tingħata evidenza ċara li l-għajnuna għandha objettiv ta’ interess komuni, bl-għan li tipprevjeni t-tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq (it-Taqsima 3.1.1) billi terġa’ tintroduċi l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża (it-Taqsima 3.1.2).”

4        Taħt it-Taqsima 3.1.1, intitolata “It-turija tat-tbatija soċjali jew ta’ falliment tas-suq”, il-punt 44 ta’ dawn il-linji gwida jipprevedi:

“L-Istati Membri jridu juru li l-falliment tal-benefiċjarju x’aktarx jinvolvi tbatija soċjali serja jew il-falliment gravi tas-suq, b’mod partikolari billi juru li:

[…]

(b)      ikun hemm ir-riskju ta’ tħarbit f’servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat u fejn ikun diffiċli għal kwalunkwe kompetitur biex sempliċement jinvolvi ruħu (pereżempju, fornitur ta’ infrastruttura nazzjonali);

[…]”

5        It-Taqsima 3.1.2 tal-imsemmija linji gwida, intitolata “Il-pjan ta’ ristrutturar u r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul”, tiddisponi:

“45.      L-għajnuna ta’ ristrutturar fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida ma tistax tkun limitata għal għajnuna finanzjarja biex tpatti għat-telf passat mingħajr ma jiġu indirizzati r-raġunijiet għal dak it-telf. Fil-każ tal-għajnuna għar-ristrutturar, għaldaqstant, il-Kummissjoni [Ewropea] titlob lill-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv sabiex il-benefiċjarju jerġa’ jibda jgawdi minn vijabbiltà fit-tul. Ir-ristrutturar jista’ jinvolvi wieħed jew iktar minn dawn l-elementi: ir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-benefiċjarju fuq bażi aktar effiċjenti, li tipikament jinvolvu l-irtirar minn attivitajiet li jagħmlu t-telf, ir-ristrutturar tal-attivitajiet eżistenti li jkunu jistgħu jerġgħu jsiru kompetittivi u, possibbilment, id-diversifikazzjoni lejn attivitajiet ġodda u vijabbli. Tipikament dan jinvolvi wkoll ristrutturar finanzjarju f’forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital minn azzjonisti ġodda jew eżistenti u t-tnaqqis tad-dejn minn kredituri eżistenti.

46.      L-għajnuna għandha tingħata bil-kundizzjoni li jiġi implimentat pjan ta’ ristrutturar, li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna ad hoc.

47.      Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jġib lill-benefiċjarju vijabbli għal terminu twil fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ previżjonijiet realistiċi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet futuri ta’ operat li għandhom jeskludu kull għajnuna ulterjuri mill-Istat li ma tkunx koperta mill-pjan ta’ ristrutturar. Il-perjodu ta’ ristrutturar għandu jkun qasir kemm jista’ jkun. Il-pjan ta’ ristrutturar irid ikun ippreżentat bid-dettalji relevanti kollha lill-Kummissjoni u jrid jinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni stipulata f’din it-taqsima (3.1.2).

[…]”

6        Fit-Taqsima 3.6, intitolata “L-effetti negattivi”, it-Taqsima 3.6.1 tal-istess linji gwida, dwar “Il-prinċipju ‘tal-ewwel u tal-aħħar darba’”, tipprevedi dan li ġej:

“70.      Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-inċentivi ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju u d-distorsjonijiet potenzjali kompetittivi, l-għajnuna għandha tingħata lill-impriżi għal operazzjoni waħda biss ta’ ristrutturar. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju ‘tal-ewwel u l-aħħar darba’. Il-bżonn ta’ impriża li tkun diġà rċeviet għajnuna skont dawn il-linji gwida, li terġa’ tirċievi aktar għajnuna ta’ din ix-xorta, juri li d-diffikultajiet tal-impriża huma ta’ natura rikorrenti, jew inkella li ma ġewx indirizzati kif suppost meta ngħatat l-għajnuna qabel. Interventi ripetuti min-naħa tal-Istat x’aktarx iwasslu għal problemi ta’ periklu morali u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li huma kuntrarji għall-interess komuni.

71.      Meta l-għajnuna ppjanata għas-salvataġġ, jew għar-ristrutturar tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, l-Istat Membru jrid jispeċifika jekk l-impriża kkonċernata tkunx diġà rċeviet għajnuna ta’ salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ għar-ristrutturar temporanju fil-passat, inkluża kull għajnuna ta’ din ix-xorta mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida u kull għajnuna oħra mhix notifikata. Jekk dan ikun il-każ, u fejn ikunu għaddew anqas minn 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta jkun intemm il-perjodu ta’ ristrutturar jew minn meta tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (skont liema minn dawn ikun seħħ l-aktar tard), il-Kummissjoni ma tippermettix aktar għajnuna skont dawn il-linji gwida.

[…]”

 Ilfatti li wasslu għallkawża u ddeċiżjoni kontenzjuża

7        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

8        Il-Compania Naţională de Transporturi Aeriene TAROM SA (iktar ’il quddiem “Tarom”) hija kumpannija tal-ajru Rumena li topera minn pjattaforma ajruportwarja unika, li tinsab fl-ajruport internazzjonali OTP Henri-Coandă ta’ Bukarest (ir-Rumanija). Din il-kumpannija hija prinċipalment attiva fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija u ta’ posta. Fil-bidu tal‑2020, Tarom kienet timpjega 1 795 persuna u kellha flotta ta’ 25 ajruplan. Tarom kienet topera kemm linji nazzjonali kif ukoll linji internazzjonali.

9        Fid‑19 ta’ Frar 2020, ir-Rumanija kkomunikat lill-Kummissjoni pjan ta’ għajnuna għas-salvataġġ ta’ Tarom, kompost minn self għall-finanzjament tal-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha ta’ 175 952 000 leu Rumen (RON) (madwar EUR 36 660 000), li għandu jitħallas lura fi tmiem perijodu ta’ sitt xhur bil-possibbiltà ta’ rimbors parzjali antiċipat (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

10      Fl‑24 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha kkonstatat, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Tarom kienet iddeterjorat ruħha b’mod sinjifikattiv matul il-ħames snin preċedenti u enfasizzat li t-telf akkumulat fuq il-perijodu 2004‑2019 kien jammonta għal RON 3 362 130 000 (madwar EUR 715 350 000), u li għalhekk kien jaqbeż iktar min-nofs tal-ammont tal-kapital ta’ Tarom.

11      Fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-networks ta’ trasport fir-Rumanija, il-Kummissjoni osservat li l-istat ġenerali u l-affidabbiltà tan-networks tal-ferroviji u tat-toroq fir-Rumanija kien medjokri u li t-trasport bl-ajru kien għadu essenzjali għall-iżvilupp reġjonali f’dan il-pajjiż, b’mod partikolari l-konnessjonijiet interni operati minn Tarom.

12      Il-Kummissjoni indikat ukoll li, skont ir-Rumanija, il-ħruġ mis-suq ta’ Tarom ma kienx jippermetti li jiġu żgurati t-titjiriet relatati mar-reżervazzjonijiet diġà mwettqa, mingħajr it-teħid f’qasir żmien tal-konnessjonijiet ikkonċernati mill-kompetituri ta’ Tarom, u li dan il-ħruġ kellu jaffettwa numru kbir ta’ impriżi fosthom, prinċipalment, l-ajruporti nazzjonali.

13      Fl-eżami tagħha tal-miżura inkwistjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

14      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni kinitx kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

15      L-ewwel nett, fil-premessi 52 sa 57 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li Tarom kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

16      It-tieni nett, fil-premessi 58 sa 65 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni osservat li l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija kienet turi li l-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa r-rekwiżit previst fil-punti 43sa 52 ta’ dawn il-linji gwida li jgħid li l-għajnuna mill-Istat għandha tikkontribwixxi għal għan ta’ interess komuni.

17      It-tielet nett, fil-premessi 66 sa 77 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-evitar tal-falliment ta’ Tarom.

18      Ir-raba’ nett, fil-premessi 78 sa 85 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonali għall-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Tarom fuq perijodu ta’ sitt xhur.

19      Il-ħames nett, fil-premessi 86 sa 89 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba” tal-għajnuna, previst fil-punti 70 sa 74 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, kien osservat.

20      B’konsegwenza ta’ dan, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura inkwistjoni minħabba li din kienet kompatibbli mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Diċembru 2020, Wizz Air ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, Wizz Air qajmet erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-miżura inkwistjoni għal għan ta’ interess komuni tabilħaqq iddefinit, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, it-tielet wieħed, fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

23      Fis-sentenza appellata, billi ddeċidiet, preliminarjament, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan kien ammissibbli, sa fejn Wizz Air kienet parti interessata li kellha interess li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija kienet tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE, u sa fejn din kienet intiża, b’mod partikolari permezz tat-tielet motiv tar-rikors, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet proċedurali tagħha.

24      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li hija setgħet teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel żewġ motivi sabiex tivverifika jekk dawn kinux ta’ natura li jsostnu dan it-tielet motiv, espressament imressaq minnha għal dan l-għan u li kien jirrigwarda l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

25      Wara li eżaminat u ċaħdet, fl-ewwel lok, it-tielet motiv imqajjem minn Wizz Air, li kien jirreferi għall-ewwel żewġ motivi, u, fit-tieni lok, ir-raba’ motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 Ittalbiet talpartijiet flappell

26      Permezz tal-appell tagħha, Wizz Air titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, jew

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

27      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil Wizz Air għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

28      Insostenn tal-appell tagħha, Wizz Air tinvoka seba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ servizz importanti li huwa diffiċli li jiġi rreplikat hija ssodisfatta. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni fir-rigward tal-provi tal-eżistenza ta’ diffikultajiet għal kompetitur li jipprovdi servizz minflok il-benefiċjarju. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żnaturament manifest tal-provi fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet disponibbli fis-suq u tal-kapaċità tal-kumpanniji tal-ajru low cost (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji low cost”) li jipprovdu konnessjonijiet interni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li żidiet fil-kapital ma jistgħux ikunu relatati ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żnaturament manifest tal-provi fir-rigward tat-tul tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni ta’ Tarom. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm bżonn li l-Kummissjoni tivverifika jekk għajnuna eżistenti saritx għajnuna ġdida. Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

29      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Wizz Air issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat, fis-sens tal-punt 44(b) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq inkwistjoni.

30      L-appellanti tqis li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, huwa neċessarju li jiġi analizzat id-daqs ta’ suq u l-parti tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna f’dan is-suq sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizz li jirriskja li jiġi interrott jistax jiġi kklassifikat bħala importanti, peress li dawn l-elementi juru t-telf li jwassal għalih il-ħruġ ta’ din l-impriża mill-imsemmi suq. Barra minn hekk, hija ssostni li l-punt 51 tas-sentenza appellata, sa fejn jindika, minn naħa, li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li servizz jista’ jiġi kklassifikat bħala importanti anki meta jiġi pprovdut f’suq “relattivament limitat”, huwa vvizzjat b’kontradizzjoni.

31      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u, għall-bqija, bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

32      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 1 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jirriżulta li dawn jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà msemmija fihom ikunu jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

33      L-adozzjoni ta’ tali linji gwida tagħmel parti mill-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tal-kompetenza esklużiva tagħha li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Il-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 37 sa 39, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo, C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 29).

34      Billi tistabbilixxi, permezz ta’ linji gwida, il-kundizzjonijiet li taħthom miżuri ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, li hija ser tapplika r-regoli inklużi fihom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, fis-sens li, jekk Stat Membru jikkomunika proġett ta’ għajnuna mill-Istat li huwa konformi ma’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. Hija ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra l-imsemmija regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 90).

35      Madankollu, sa fejn, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Wizz Air issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 44(b) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq inkwistjoni jew is-sehem tal-benefiċjarju tal-għajnuna f’dan is-suq, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont dan il-punt 44(b), l-Istati Membri għandhom juru, b’mod partikolari, li “ikun hemm ir-riskju ta’ tħarbit f’servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat”.

36      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mis-sentenza introduttiva tal-punt 44 ta’ dawn il-linji gwida, l-eżistenza ta’ dan ir-riskju hija waħda mill-elementi, elenkati b’mod mhux eżawrjenti f’dan il-punt 44(a) sa (g), li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu juru tbatija soċjali serja jew falliment sinjifikattiv tas-suq li jista’ jwassal għall-falliment tal-benefiċjarju tal-għajnuna, peress li din il-prova hija neċessarja għar-rikonoxximent ta’ għan ta’ interess komuni mfittex mill-għajnuna.

37      Għalhekk, għalkemm id-daqs tas-suq li fih jopera l-benefiċjarju tal-għajnuna u s-sehem li dan għandu f’dan is-suq jistgħu jkunu fatturi li jindikaw l-importanza tas-servizz li dan il-benefiċjarju jipprovdi, la mill-punt 44(b) ta’ dawn il-linji gwida u lanqas mill-kuntest tiegħu ma jirriżulta li din tiddependi neċessarjament minn dawn il-fatturi u li, b’mod partikolari, il-falliment tal-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jwassal għal tbatija soċjali serja jew għal falliment sinjifikattiv tas-suq biss bil-kundizzjoni li s-suq li fih jopera jeċċedi ċertu daqs.

38      Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-fatt li s-suq inkwistjoni huwa relattivament limitat ma jipprekludix li servizz ipprovdut f’dan is-suq jista’ jiġi kklassifikat bħala importanti fis-sens tal-imsemmija linji gwida. Dan huwa l-każ fiċ-ċirkustanzi tal-każ fejn, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tas-sentenza appellata, it-tmiem tal-attività ta’ Tarom, li jwassal għal riskju konkret ta’ interruzzjoni ta’ ċerti servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri fir-Rumanija, jippreġudika l-“konnettività” tar-reġjuni Rumeni esklużivament moqdija minn din il-kumpannija kif ukoll is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn ir-reġjuni.

39      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat, fis-sens tal-punt 44(b) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq li fih topera Tarom jew tas-sehem li din il-kumpannija għandha f’dan is-suq.

40      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni aggravju

 Largumenti talpartijiet

41      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 58, 63, 64 u 66 tas-sentenza appellata, Wizz Air issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kriterji, previsti fil-punt 44(b) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, relatati mar-riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti u mad-diffikultajiet għall-kompetituri li jipprovdu dan is-servizz minflok il-benefiċjarju tal-għajnuna.

42      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-għan tal-prova li l-Kummissjoni għandha tipproduċi f’dan il-qasam, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, li, sabiex tkun iġġustifikata, l-għajnuna għas-salvataġġ għandu jkollha l-għan li tevita kull tfixkil fil-provvista ta’ servizz importanti, filwaqt li l-punt 44(b) ta’ dawn il-linji gwida jimponi li l-għan tal-għajnuna jkun li jiġi evitat ir-riskju “ta’ tħarbit” f’tali servizz, li jeħtieġ, lil hinn mis-sempliċi tfixkil, interruzzjoni jew tmiem tas-servizz.

43      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżiġiet b’mod żbaljat, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-kompetituri ta’ Tarom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu “faċilment” is-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija, filwaqt li dan il-punt 44(b) tal-imsemmija linji gwida jipprevedi biss li ma jkunx “diffiċli” għall-kompetituri li jipprovdu s-servizz ipprovdut mill-impriża f’diffikultà.

44      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-provi li l-Kummissjoni għandha tipproduċi, Wizz Air issostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fil-punt 58 tas-sentenza appellata li l-interess kummerċjali tal-kumpanniji low cost li jidħlu fis-suq sabiex jipprovdu r-rotot kollha kien “allegatament baxx”, kienet qagħdet fuq sempliċi suppożizzjonijiet, bi ksur tal-obbligu li “[g]ħandha tingħata evidenza ċara” li l-għajnuna għandha għan ta’ interess komuni, stabbilit fil-punt 43 tal-istess linji gwida.

45      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

46      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-parti tat-tieni aggravju intiża kontra l-punt 58 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li kienet iddikjarat l-appellanti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni kienet evalwat, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-possibbiltà tas-sostituzzjoni ta’ Tarom mill-kompetituri tagħha fir-rigward tal-konnessjonijiet interni esklużivament operati minnha. Il-Qorti Ġenerali nnotat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet, permezz ta’ din il-premessa, qieset li kien improbabbli li l-kumpanniji tal-ajru kompetituri preżenti fis-suq Rumen, li huma prinċipalment kumpanniji low cost, kienu ser jipprovdu dawn ir-rotot kollha, peress li l-interess kummerċjali tagħhom għal dawn il-kumpanniji kien “allegatament baxx”.

47      Issa, minn din id-deskrizzjoni ta’ element ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali kienet qagħdet fuq sempliċi suppożizzjonijiet jew li wettqet żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni skont il-punt 43 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

48      Għaldaqstant, din il-parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

49      Sa fejn Wizz Air tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok, essenzjalment, talli, fil-punti 63, 64 u 66 tas-sentenza appellata, adottat kriterji żbaljati fl-applikazzjoni tal-punt 44(b) ta’ dawn il-linji gwida, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-motivi li jinsabu f’dawn il-punti, sabiex tiċħad l-argument tal-appellanti dwar il-probabbiltà ta’ sostituzzjoni tas-servizz ta’ Tarom mill-kompetituri tagħha, huma biss ta’ natura superfluwa.

50      Din il-parti tat-tieni aggravju għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

51      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

52      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Wizz Air tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żnaturament manifest tal-provi fl-evalwazzjoni tagħha, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, tal-kapaċitajiet disponibbli ta’ trasport tal-passiġġieri fis-suq Rumen u tal-kapaċità tal-kumpanniji low cost li joperaw konnessjonijiet interni.

53      Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta approvat il-konstatazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kapaċitajiet suffiċjenti ta’ trasport tal-passiġġieri minħabba li, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, “iktar minn nofs l-ajruplani li ma kinux fl-ajru […] kienu proprjetà ta’ Tarom”.

54      Sussegwentement, billi ddeċidiet li l-appellanti ma spjegatx sa fejn kien ikun profittabbli għall-kumpanniji low cost li jipprovdu konnessjonijiet interni li jikkonċernaw biss numru limitat ta’ passiġġieri, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li huma bbażati biss fuq sempliċi preżunzjoni.

55      Fl-aħħar nett, skont Wizz Air, l-ebda prova ma kienet tippermetti lill-Qorti Ġenerali tafferma, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ Tarom kienu kollha kumpanniji low cost.

56      Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju huwa parzjalment inammissibbli u, għall-bqija, manifestament infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

57      Għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-annessi tal-proċess sottomessi lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imressaq insostenn tat-tielet aggravju ma jippermettix li jintwera li l-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-punt 69 tas-sentenza appellata, sabiex tiċħad l-argument ibbażat fuq allegata kapaċità żejda li kienet teżisti fir-Rumanija fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, huma bbażati fuq żnaturament tal-provi prodotti fl-ewwel istanza, peress li dan l-argument huwa għalhekk intiż, fir-realtà, sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti li l-Qorti Ġenerali wettqet għal dan l-għan.

61      Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq irraba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

62      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Wizz Air issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li ż-żidiet fil-kapital ma kinux jikkostitwixxu element tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà.

63      B’mod partikolari, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, li teskludi li għajnuna għar-ristrutturazzjoni li tinkludi aspetti finanzjarji, bħal żidiet fil-kapital, tista’ titqies bħala element ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, tikkontradixxi b’mod ċar il-punt 45 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li jgħid li ristrutturazzjoni finanzjarja fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital tista’ tifforma parti minn pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-istess bħal bidliet operattivi, bħar-riorganizzazzjoni u bħar-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-benefiċjarju.

64      Dik l-interpretazzjoni, li ma hija akkumpanjata minn ebda riferiment ġurisprudenzjali, tikkontradixxi wkoll dik esposta fil-punt 96 tas-sentenza appellata.

65      Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

66      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ aggravju, bħall-ħames u bħas-sitt aggravju tal-appell, huwa dirett kontra wħud mill-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 79 sa 110 tas-sentenza appellata, ċaħdet it-tieni parti tat-tielet motiv imqajjem minn Wizz Air insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Din kienet tirreferi għat-tieni motiv ta’ dak ir-rikors, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li, billi awtorizzat il-miżura inkwistjoni, filwaqt li Tarom kienet ibbenefikat minn sensiela ta’ żidiet fil-kapital sal‑2019 b’eżekuzzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Tarom”), il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, previst fil-punt 70 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

67      Skont dan il-prinċipju, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata, l-għajnuna għandha, bħala prinċipju, tingħata lill-impriżi f’diffikultà għal operazzjoni waħda ta’ ristrutturazzjoni biss. Il-punt 71 ta’ dawn il-linji gwida jippreċiża, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari, li, jekk l-impriża tkun diġà bbenefikat minn għajnuna għas-salvataġġ, minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew minn sostenn temporanju għar-ristrutturazzjoni, li hija ħaġa li għandha tiġi indikata mill-Istat Membru, il-Kummissjoni ma tawtorizzax għajnuna ġdida skont l-imsemmija linji gwida, jekk ikunu għaddew inqas minn għaxar snin mill-għoti tal-għajnuna, minn meta jkun intemm il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni jew minn meta tkun intemmet l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

68      Sa fejn, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Wizz Air issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li ż-żidiet fil-kapital ma kinux jikkostitwixxu element tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ impriża f’diffikultà, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

69      Fil-fatt, f’dan il-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat biss deskrizzjoni u interpretazzjoni tal-punti 45 sa 47 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, sabiex tikkonkludi, fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li dawn jiddistingwu l-kunċett ta’ “implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna” minn dak ta’ “implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni”, u sabiex tiċħad, b’mod partikolari fil-punt 105 tal-imsemmija sentenza, l-argument tal-appellanti li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Tarom kien dam sat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Tarom, fl‑2019.

70      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega Wizz Air fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punt 103 tas-sentenza tagħha, li l-aspetti finanzjarji ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, bħal żidiet fil-kapital, qatt ma setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti minn pjan ta’ ristrutturazzjoni.

71      Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ilħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

72      Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Wizz Air issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 85 u 99 tas-sentenza appellata, żnaturament manifest tal-provi meta evalwat it-tul tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni ta’ Tarom.

73      Għal dan l-għan, Wizz Air issostni, fl-ewwel lok, li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-garanziji ta’ self mogħtija mir-Rumanija lil Tarom kienu kollha ġew użati immedjatament wara l-għoti tagħhom, hija kontradetta mill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 25 u 88 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

74      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta kkunsidrat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kienet ipproduċiet l-ebda prova jew indizju li l-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, kif iddefinit fil-punt 98 ta’ dik is-sentenza, intemm wara l‑2005. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat ċerti provi li Wizz Air ipprovdiet u, konsegwentement, ikkonfermat il-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni.

75      Skont il-Kummissjoni, il-ħames aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

76      Minkejja li, permezz tal-ħames aggravju tagħha, Wizz Air invokat żnaturament tal-fatti li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, fil-punti 85 u 99 tas-sentenza appellata, billi evalwat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, minn naħa, id-data rilevanti tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Tarom u, min-naħa l-oħra, dik tat-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, hija ma ressqet l-ebda argument legali speċifiku li jista’ juri, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, żnaturament manifest tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

77      Fil-fatt, tali żnaturament la jista’ jirriżulta mill-allegata kontradizzjoni bejn il-punt 85 tas-sentenza appellata u ċerti indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas mill-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali injorat provi prodotti mill-appellanti fl-ewwel istanza jew irrifjutat li tagħtihom valur probatorju, billi ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li din ma kinitx ipprovat li l-perijodu ta’ ristrutturazzjoni kien intemm, fi kwalunkwe każ, inqas minn għaxar snin qabel l-għoti tal-miżura inkwistjoni.

78      Għalhekk, il-ħames aggravju huwa intiż, fir-realtà, li jikkontesta l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti u tal-provi li l-Qorti Ġenerali wettqet fil-punti 85 u 99 tas-sentenza appellata u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq issitt aggravju

 Largumenti talpartijiet

79      Permezz tas-sitt aggravju tagħha, Wizz Air issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok għall-Kummissjoni li tivverifika jekk l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Tarom, li hija kklassifikat bħala għajnuna eżistenti, kinitx saret għajnuna ġdida. Fil-fehma tagħha, fid-dawl tal-informazzjoni allarmanti li kellha l-Kummissjoni, dwar it-telf akkumulat ta’ Tarom matul il-perijodu mill‑2004 sal‑2019, il-Qorti Ġenerali kellha tqis, konformement mas-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663), li l-Kummissjoni kienet obbligata tinvestiga fid-dawl tal-informazzjoni li effettivament kienet fil-pussess tagħha. Hija ssostni li, barra minn hekk, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni kienu jimponu fuq il-Kummissjoni obbligu msaħħaħ li tipproduċi provi ċari.

80      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kienet ipproduċiet l-ebda prova jew indizju li juru li l-kundizzjonijiet miftiehma fl-istadju tal-għoti tal-garanziji għal self mogħtija fil-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Tarom kienu ġew emendati matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-garanziji, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

81      Skont il-Kummissjoni, is-sitt aggravju huwa manifestament infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

82      Għandu jiġi rrilevat li l-motivi tas-sentenza appellata msemmija fis-sitt aggravju jaqgħu taħt l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bbażati fuq id-dubji li l-Kummissjoni kellu jkollha fir-rigward tal-osservanza tat-terminu ta’ mill-inqas għaxar snin, prevista fil-punt 71 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, wara l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Tarom. Ir-rikorrenti sostniet, b’mod iktar partikolari, li din l-għajnuna kienet ġiet emendata, b’mod partikolari sabiex id-djun ta’ Tarom imnissla mill-pagamenti mwettqa mill-Istat Rumen, b’applikazzjoni tal-garanziji għal self, jiġu kkonvertiti f’żieda fil-kapital favur dan l-Istat.

83      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-appellanti ma kinitx qiegħda tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li kemm il-kundizzjonijiet li fihom għandhom jintużaw il-garanziji ta’ self, mogħtija fil-kuntest tal-imsemmija għajnuna, kif ukoll il-konverżjoni tad-djun li rriżultaw mill-pagamenti mwettqa mill-Istat Rumen, b’applikazzjoni ta’ dawn il-garanziji, f’żieda fil-kapital kienu previsti minn diversi deċiżjonijiet u digrieti mogħtija bejn l‑1997 u l‑2003, saħansitra qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

84      Min-naħa l-oħra, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-appellanti llimitat ruħha f’dan ir-rigward li ssostni li l-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha li l-użu tal-garanziji kienet saret skont il-kundizzjonijiet inizjalment miftiehma fil-mument tal-għoti tagħhom, iżda li hija ma kienet ipproduċiet l-ebda prova jew indizju li dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew emendati matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn id-diversi garanziji.

85      Issa, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova.

86      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għalih fil-punt 89 ta’ dik is-sentenza, il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mill-applikant għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40).

87      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li Wizz Air tidher li qiegħda tissuġġerixxi, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova ma jistax ivarja skont it-tip ta’ għajnuna kkonċernat u japplika, b’mod partikolari, għall-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni bħall-miżura inkwistjoni.

88      Minn dan isegwi li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq isseba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

89      Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, Wizz Air tinvoka żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza sa fejn dan kien ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha skont l-Artikolu 108(2) TFUE u fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

90      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għalkemm Wizz Air sostniet li l-insuffiċjenzi identifikati fl-ewwel u fit-tieni motiv kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti Ġenerali eżaminat dawn il-motivi biss mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-mertu, jiġifieri fir-rigward tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ żball ta’ liġi.

91      Issa, bħala l-uniku motiv intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha, it-tielet motiv tar-rikors tagħha kellu, skont Wizz Air, kontenut awtonomu meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tar-rikors, peress li l-kriterju ta’ eżami huwa differenti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li kellha twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

92      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma tistax tippreżumi li, peress li kienet eżaminat l-ewwel żewġ motivi tar-rikors, it-tielet motiv tiegħu kien nieqes mill-għan iddikjarat tiegħu. Fil-fatt, fil-punti kollha tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji tista’ madankollu tiġi stabbilita abbażi, b’mod partikolari, ta’ ommissjonijiet u lakuni fir-raġunament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

93      Il-Kummissjoni ssostni li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

94      Għandu jitfakkar li, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li dik id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma dik l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’tali mod li tikser id-drittijiet proċedurali tagħha. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu jintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura kkomunikata, kien imissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95      Huwa l-awtur ta’ talba għal annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet li għandu juri li kienu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE. Tali prova għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni kif ukoll fil-kontenut tagħha, minn sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96      In-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-fatt li dik l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kkomunikata mas-suq intern, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, preliminarjament, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Wizz Air kien ibbażat espliċitament fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha skont l-Artikolu 108(2) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

98      Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat fil-punt 28 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet tista’ titfittex, b’mod partikolari, fl-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tista’, bħala prinċipju, tiġi stabbilita permezz ta’ motivi jew argumenti mressqa minn rikorrent sabiex jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, anki jekk l-eżami ta’ dawn il-motivi jew argumenti ma jwassalx għall-konklużjoni li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-mertu huma żbaljati fil-fatt jew fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punti 63 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan ir-rigward, mir-rikors fl-ewwel istanza ta’ Wizz Air jirriżulta li, insostenn tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors, l-appellanti, essenzjalment, irreferiet għall-ewwel u għat-tieni motiv tal-imsemmi rikors billi sostniet li l-insuffiċjenzi u l-iżbalji identifikati f’dawn il-motivi kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li dawn l-insuffiċjenzi jew żbalji jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-punti 43 u 44 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u fid-dawl tal-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”.

100    Issa, minn qari tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari mill-punti 75 u 109 tagħha, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali effettivament eżaminat dawn l-ilmenti, mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern u sabiex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

101    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

102    Billi l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

103    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

104    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dan l-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.