Language of document : ECLI:EU:C:2024:9

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Appell – Dumping – Estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina għal importazzjonijiet ikkunsinnjati mill-Malasja – Eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, Eurobolt (C‑644/17, EU:C:2019:555) – Impożizzjoni mill-ġdid tad-dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/611 – Validità”

Fil-Kawża C‑517/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ Awwissu 2022,

Eurobolt BV, stabbilita f’s‑Heerenberg (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Fabory Nederland BV, stabbilita f’Tilburg (il-Pajjiżi l-Baxxi),

ASF Fischer BV, stabbilita f’Lelystad (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn B. Natens u A. Willems, advocaten,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Stafa Group BV, stabbilita f’Maarheeze (il-Pajjiżi l-Baxxi),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Bruti Liberati, G. Luengo u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Eurobolt BV, Fabory Nederland BV u ASF Fischer BV qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Mejju 2022, Eurobolt et vs Il‑Kummissjoni (T‑479/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:304), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/611 tat‑30 ta’ April 2020 li jimponi mill-ġdid id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le (ĠU 2020, L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenjuż”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament (KE) Nru 952/2013

2        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 116(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima, l-ammonti tad-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jinħafru għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)      ammonti ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni mitluba żejda;

(b)      merkanzija difettuża jew merkanzija li ma tikkonformax mat-termini tal-kuntratt;

(c)      żball mill-awtoritajiet kompetenti;

(d)      ekwità.”

 IrRegolamenti (KE) Nru 384/96, (KE) Nru 1225/2009 u (UE) 2016/1036

3        Il-fatti u l-atti legali inkwistjoni seħħew f’perijodu li matulu l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping fi ħdan l-Unjoni kienet suċċessivament irregolata, l-ewwel, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal‑21 ta Diċembru 2005 (ĠU 2006, L 175M, p. 287), imbagħad mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 1225/2009”) u, fl-aħħar, mir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

4        Qabel ġie emendat bir-Regolament Nru 37/2014, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1225/2009, intitolat “Konsultazzjonijiet”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Kwalunkwe konsultazzjonijiet li jagħmel tajjeb għalihom dan ir-Regolament għandhom iseħħu fi ħdan Kumitat Konsultattiv li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru, b’rappreżentant tal-Kummissjoni [Ewropea] bħala president. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru immedjatament fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u fi kwalunkwe każ fi żmien perjodu ta’ żmien li jippermetti li l-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan id-Regolament jiġu segwiti.

2.      Il-Kumitat jiltaqa’ meta jiġi msejjaħ mill-president tiegħu. Għandu jibgħat lill-Istati Membri, kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa, l-informazzjoni rilevanti kollha.”

5        Ir-Regolament 2016/1036 daħal fis-seħħ, bis-saħħa tal-Artikolu 25 tiegħu, fl‑20 ta’ Lulju 2016. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tiegħu, huwa ħassar ir-Regolament Nru 1225/2009.

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2016/1036 jipprevedi, bi kliem identiku għal dak tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009:

“Fejn il-fatti, kif fl-aħħar nett stabbiliti juru li hemm dumping, u ħsara kkawżata minnu, u li jkun meħtieġ, fl-interess tal-Unjoni, intervent f’konformità mal-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artiklu 15(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji proviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ tali dazji.”

7        L-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1036, intitolat “Retroattività”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, bi kliem sostanzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1225/2009:

“Il-miżuri provviżorji u d-dazji anti-dumping definittivi għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f’ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda taħt l-Artikoli 7(1) jew 9(4), kif jista’ jkun il-każ, tidħol fis-seħħ, soġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

8        L-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1036, intitolat “Evażjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, bi kliem identiku għal dak tal-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament Nru 1225/2009:

“1.      Id-dazji kontra d-dumping imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kif ukoll jekk le, jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż soġġett għal miżuri, jew għal partijiet minnhom, meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

[...]

3.      L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skont dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ kwalunkwe parti interessata fuq il-bażi ta’ evidenza suffiċjenti fir-rigward tal-fatturi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni li għandu wkoll jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji. [...]

[...]

Fejn il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kummissjoni li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3). L-estensjoni ssir effettiva mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5), jew li fiha ntalbu l-garanziji. Id-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom japplikaw skont dan l-Artikolu.”

9        Skont l-Artikolu 14(1) u (5) tar-Regolament 2016/1036, li jikkorrispondi għall-Artikolu 14(1) u (5) tar-Regolament Nru 1225/2009:

“1.      Għandhom jiġu imposti dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi permezz ta’ regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament li jimponi tali dazji. Tali dazji għandhom ukoll jiġu miġbura indipendentement mid-dazji tad-dwana, taxxi u imposti l-oħrajn normalment imposti fuq l-importazzjonijiet.

[...]

5.      Mill-bidu tal-investigazzjoni u wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien xieraq, il-Kummissjoni tista’ tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. [...] Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi introdotta permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni. Tali regolament għandu jispeċifika l-għan tal-azzjoni u, jekk adatt, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet m’għandhomx ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni ta’ perijodu itwal minn disa’ xhur.”

10      L-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/1036, intitolat, “Proċedura ta’ kumitat”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13)].”

 IrRegolament Nru 182/2011

11      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi, bi kliem differenti minn dak tar-Regolament Nru 1225/2009:

“1.      Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) [TFUE], għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.

[...]

5.      [...] il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-kumitat u maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu topponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha jkollha konsultazzjonijiet mal-Istati Membri. Mill-anqas erbatax‑il ġurnata qabel u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-laqgħa tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-membri tal-kumitat bir-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u tippreżenta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell. B’deroga mill-Artikolu 3(7), il-kumitat ta’ appell għandu jiltaqa’ mhux qabel 14‑il ġurnata minn u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 6. Il-limiti ta’ żmien stipulati f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskadenzi stipulati fl-atti bażiċi rilevanti.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

12      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew imfissra fil-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

 Ilkwistjoni dwar irRegolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011

13      Wara li kkonstata li l-qfiel (fasteners) mibjugħa fis-suq tal-Unjoni kienu s-suġġett ta’ dumping min-naħa tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1).

14      Wara l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju antidumping definittiv, ġew prodotti provi quddiem il-Kummissjoni li dawn il-miżuri kienu qegħdin jiġu evitati permezz ta’ trasbord mill-Malasja. B’hekk hija adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 966/2010 tas‑27 ta’ Ottubru 2010 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament Nru 91/2009 permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jitilqu mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2010, L 282, p. 29). Ir-Regolament Nru 966/2010 stieden, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet doganali jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni, bil-għan li d-dazji antidumping ta’ ammont xieraq ikunu jistgħu jinġabru retroattivament mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ tali importazzjonijiet mill-Malasja, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ġiet ikkonstatata evażjoni.

15      Fi tmiem din l-investigazzjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 tat‑18 ta’ Lulju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament Nru 91/2009 għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2011, L 194, p. 6).

16      Fit‑28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (iktar ’il quddiem id-“DSB”) adotta r-rapport tal-Korp tal-Appell, kif ukoll ir-rapport tal-panel kif emendat bir-rapport tal-Korp tal-Appell fil-każ “Komunitajiet Ewropej – Miżuri definittivi antidumping fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” (WT/DS397). Id-DSB ikkonkluda, b’mod partikolari, li l-Unjoni kienet aġixxiet b’mod inkompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

17      Wara din id-deċiżjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 924/2012 tal‑4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament Nru 91/2009 (ĠU 2012, L 275, p. 1), billi, b’mod partikolari, naqqas id-dazju antidumping li kien previst f’dan ir-regolament tal-aħħar.

18      Il-miżuri previsti f’dawn id-diversi regolamenti nżammu għal perijodu addizzjonali ta’ ħames snin mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/519 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 82, p. 78).

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2016, id-DSB adotta rapporti ġodda li kkonkludew li l-miżuri meħuda mill-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 ma kinux konformi ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

20      B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, fis‑26 ta’ Frar 2016, adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24).

21      L-appellanti, li importaw qfieli mill-Malasja matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni mmexxija mill-Kummissjoni, raw l-importazzjonijiet tagħhom jiġu rreġistrati sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti dazji fuqhom fil-każ fejn l-investigazzjoni tkun ikkonfermat l-evażjoni.

22      Bejn Jannar tal‑2012 u Ottubru tal‑2013, l-awtoritajiet doganali Olandiżi, bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, ħarġu avviżi għall-irkupru ta’ dazji antidumping dovuti mill-appellanti fuq importazzjonijiet ta’ qfieli.

23      Fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn Eurobolt kontra d-dazji antidumping imħallsa abbażi ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), fis‑17 ta’ Novembru 2017, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-imsemmi regolament.

24      Fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, Eurobolt (C‑644/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eurobolt”, EU:C:2019:555), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 kien invalidu inkwantu kien ġie adottat bi ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali msemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009.

 Leżekuzzjoni tassentenza Eurobolt

25      Wara l-għoti tas-sentenza Eurobolt, il-Kummissjoni fetħet mill-ġdid l-investigazzjoni kontra l-evażjoni sabiex tirrimedja l-illegalità formali identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, hija adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1374 tas‑26 ta’ Awwissu 2019 Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni wara s-sentenza [Eurobolt] fir-rigward tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011] (ĠU 2019, L 223, p. 1).

26      Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni kien intiż sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza billi tkun żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali kollha li jirriżultaw mill-proċedura tal-kumitat konsultattiv prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, liema proċedura kienet sadanittant ġiet issostitwita bil-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011.

27      L-osservazzjonijiet ta’ Eurobolt ġew ippreżentati lill-kumitat kompetenti mill-inqas erbatax‑il jum qabel tlaqqa’. Dawn l-osservazzjonijiet ma wasslux għal bidla fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-miżuri oriġinali kellhom jiġu imposti mill-ġdid fuq l-importazzjonijiet mill-Malasja ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le.

28      Fit‑30 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament kontenzjuż.

29      Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, id-dazju antidumping impost mir-Regolament Nru 91/2009 għandu jiġi impost mill-ġdid fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, minbarra dawk tal-azzar li ma jissaddadx (stainless steel), ikkunsinnjati mill-Malasja, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011. L-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż jipprovdi li d-dazji antidumping imħallsa abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 ma għandhomx jiġu rrimborsati u li r-rimborsi li saru wara s-sentenza Eurobolt għandhom jiġu rkuprati mill-awtoritajiet li jkunu għamlu dawn ir-rimborsi.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

30      Permezz ta’ rikors ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2010, l-appellanti u Stafa Group BV fetħu kawża intiża għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

31      Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti u Stafa Group invokaw tliet motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament kontenzjuż, billi rrimedja retroattivament ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali, kien kiser l-Artikoli 264 u 266 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament kontenzjuż, fl-assenza ta’ bażi legali valida, kien imur kontra l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2016/1036, l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tielet motiv kien ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament kontenzjuż, billi jipprojbixxi r-rimbors u jordna li jinġabru d-dazji antidumping li jkunu tħallsu lura, kien jikser l-Artikoli 5(1) u (2) TUE.

32      Il-Kummissjoni fissret id-dubji tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikors abbażi tat-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, billi kkontestat l-inċidenza individwali tal-appellanti u ta’ Stafa Group fir-rigward tar-Regolament kontenzjuż. Bl-istess mod, jekk, fid-dawl tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors jidhrilha li kien ammissibbli fir-rigward ta’ Fabory Nederland, ASF Fischer u Stafa Group, dan ma kienx ukoll il-każ fir-rigward ta’ Eurobolt. Fil-fatt, fil-fehma ta’ din l-istituzzjoni, peress li l-notifiki indirizzati lil din il-kumpannija kienu ġew annullati mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), l-eżekuzzjoni tar-Regolament kontenzjuż fir-rigward tagħha kienet teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ notifika ġdida tad-dejn doganali.

33      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm lok li, qabel kollox, jiġu eżaminati l-motivi invokati mill-appellanti u minn Stafa Group, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, peress li dan kien, fi kwalunkwe każ, infondat. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed mill-motivi mqajma u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

34      Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tirrikonoxxi l-fondatezza tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza u tannulla r-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċernahom, kif ukoll

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell u għall-ispejjeż tagħha stess.

35      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

36      Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-appellanti jwieġbu bil-miktub għal domanda dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tagħhom. L-appellanti wieġbu għal din id-domanda fit-terminu mogħti.

 Fuq lappell

37      L-appellanti jfissru seba’ aggravji insostenn tal-appell tagħhom, ibbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat, l-ewwel, l-Artikolu 266 TFUE u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività billi ddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż seta’ retroattivament jimponi mill-ġdid id-dazji u jostakola r-rimbors tagħhom; it-tieni, l-Artikolu 266 TFUE, billi qieset li r-Regolament kontenzjuż seta’ “jirrimedja” l-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali fi proċedura antidumping; it-tielet, l-Artikolu 266 TFUE u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, billi kkunsidrat li r-Regolament kontenzjuż seta’ “jirrimedja” l-ksur stabbilit fis-sentenza Eurobolt; ir-raba’, l-Artikoli 264, 266 u 296 TFUE, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tużurpa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja; il-ħames, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi rrikonoxxiet li dan il-prinċipju ma jeħtieġx ir-rimbors sħiħ tad-dazji f’din il-kawża; is-sitt, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2016/1036, l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi ddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż huwa msejjes fuq bażi legali xierqa u, is-seba’, l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, billi kkunsidrat li r-Regolament kontenzjuż seta’ jipprojbixxi definittivament ir-rimbors tad-dazji ddikjarati invalidi fis-sentenza Eurobolt.

 Fuq lewwel sarraba’ aggravju

38      L-ewwel sar-raba’ aggravju jirrigwardaw, prinċipalment, l-Artikolu 266 TFUE u l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-mod kif il-Kummissjoni eżegwixxiet is-sentenza Eurobolt. L-argumenti mqajma insostenn ta’ dawn id-diversi aggravji jikkostitwixxu, barra minn hekk, estensjoni ta’ dawk imfissra fl-ewwel sar-raba’ parti tal-ewwel motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Largumenti talpartijiet

39      L-appellanti jinvokaw ksur tal-Artikolu 266 TFUE (l-ewwel sar-raba’ aggravju), tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (l-ewwel u t-tielet aggravju), kif ukoll tal-Artikoli 264 u 296 TFUE (ir-raba’ aggravju).

40      Permezz ta’ dawn l-aggravji, li jikkonċernaw il-punti 40 sa 61, 69 sa 71, 74, 77, 84, 91 u 99 tas-sentenza appellata, l-appellanti qegħdin essenzjalment isostnu, l-ewwel, abbażi, b’mod partikolari, tas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li ma kienx hemm in-neċessità jew l-impossibbiltà materjali għall-Kummissjoni li tadotta kull miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Eurobolt. Fil-fatt, il-ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali kkonstatat f’din is-sentenza vvizzja l-investigazzjoni kontra l-evażjoni fl-intier tagħha u konsegwentement ma jistax jiġi rregolarizzat. It-tieni, l-Artikolu 266 TFUE jeħtieġ ir-rimbors tad-dazji li jkunu tħallsu qabel f’sitwazzjoni fejn dawn ma kinux legalment dovuti, liema rimbors ġie evitat permezz tal-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament kontenzjuż u approvat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali. It-tielet, ir-Regolament kontenzjuż jipproduċi effetti li jikkonċernaw esklużivament il-passat u għalhekk, għall-kuntrarju tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, huwa retroattiv. Ir-raba’, ir-Regolament kontenzjuż għandu l-konsegwenza li jċaħħad is-sentenza Eurobolt mill-effetti ratione temporis tagħha, ħaġa li tmur kontra l-ġurisdizzjoni mogħtija b’mod esklużiv lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 264 TFUE.

41      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju jiġu miċħuda bħala infondati. Hija ssostni li t-tielet aggravju huwa ineffettiv peress li huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li r-Regolament kontenzjuż huwa retroattiv. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, il-Kummissjoni tqis li dan ir-regolament jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex jiġi ġġustifikat tali effett retroattiv.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

42      Permezz tal-ewwel sar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin essenzjalment jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-mod li bih il-Kummissjoni eżegwixxiet is-sentenza Eurobolt, billi din l-eżekuzzjoni wasslet, finalment, għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż.

43      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 266 TFUE jipprovdi li “[l]-istituzzjoni [...] li l-att [tagħha] [j]kun ġie iddikjarat null [għandha] [t]kun marbut[a] li [t]ieħu l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [...]”.

44      Dan ifisser li, f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 267 TFUE, l‑invalidità ta’ att tal-Unjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha l-konsegwenza li l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu obbligati jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, billi l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE f’każ ta’ sentenza ta’ annullament japplika b’analoġija għas-sentenzi li jiddikjaraw att tal-Unjoni bħala invalidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 1988, Van Landschoot, 300/86, EU:C:1988:342, punt 22, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 123). Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet xorta waħda għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla ta’ dawn il-miżuri, diment li dawn tal-aħħar ikunu kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni, kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tiegħu (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 76, kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 87). Minħabba l-eżistenza ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa tal-imsemmija miżuri li, fid-dawl tal-għan imfittex, tista’ taffettwa l-legalità tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 88).

45      Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tipprevedi l-każ fejn, minħabba ċ-ċirkustanzi, ikun impossibbli li jiġi implimentat l-obbligu tal-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tkun tat dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il‑Kummissjoni, 76/79, EU:C:1980:68, punt 9, kif ukoll tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 64 u 80), l-appellanti bl-ebda mod ma stabbilixxew, f’dan il-każ, li ma kienx neċessarju jew materjalment impossibbli għall-Kummissjoni li tadotta kull miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Eurobolt.

46      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punti 49 u 77 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 266 TFUE, kienet suġġetta għal obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Eurobolt.

47      Barra minn hekk, huwa paċifiku wkoll li l-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-istess jgħodd, b’analoġija, għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-invalidità ta’ att tal-Unjoni. Konsegwentement, ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura fl-inier tagħha, l-imsemmija istituzzjoni tista’, bil-għan li tadotta att intiż sabiex jissostitwixxi att preċedenti li jkun ġie annullat jew iddikjarat invalidu, tkompli din il-proċedura biss mill-punt preċiż li fih tkun twettqet din l-irregolarità (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, EU:C:1998:533, punt 31; tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 82, u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 74).

48      F’dan il-każ, l-irregolarità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eurobolt kienet tirrigwarda l-fatt li l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Eurobolt, bħala parti interessata, bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni mibdija abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1225/2009, ma kinux ġew ippreżentati lill-Kumitat Konsultattiv imwaqqaf minn dan ir-regolament mhux iktar tard minn għaxart ijiem ta’ xogħol qabel tlaqqa’ dan tal-aħħar, u dan bi ksur tal-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-regolament.

49      Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, irregolarità bħal din ma setgħetx, bħala tali, ikollha l-effett li taffettwa l-proċedura fl-intier tagħha. Fil-fatt, it-terminu stipulat fl-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament kellu l-għan li jagħti lir-rappreżentanti tal-Istati Membri sedenti f’dan il-kumitat konsultattiv tul ta’ żmien suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw mingħajr għaġġla l-informazzjoni utli qabel jitlaqqa’ dan tal-aħħar u jieħdu pożizzjoni sabiex jissalvagwardjaw l-interessi rispettivi tagħhom. B’mod iktar ġenerali, dan it-terminu kien intiż sabiex jiżgura li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati matul investigazzjoni jkunu jistgħu debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurobolt, punti 48 sa 51).

50      Għalhekk, għalkemm in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu kien ta’ natura li jaffettwa l-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ estensjoni tad-dazju antidumping definittiv li kellha twassal għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, din l-irregolarità, ma setgħetx, għall-kuntrarju, taffettwa l-istadji preċedenti tal-proċess deċiżjonali. Konsegwentement, xejn ma kien iżomm lill-Kummissjoni milli terġa’ tibda l-proċedura mill-punt preċiż li fih seħħet l-imsemmija irregolarità u milli, wara li din tkun ġiet irrimedjata, tgħaddi sabiex tadotta att ġdid.

51      Dan ifisser li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, sabiex teżegwixxi s-sentenza Eurobolt, tiftaħ mill-ġdid il-proċedura fl-istadju li fih kien twettaq il-ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali, u li b’hekk tippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali relatati mal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 54).

52      Il-fatt li r-rekwiżit li tiġi kkomunikata l-informazzjoni utli kollha lil dan il-kumitat konsultattiv jaqa’ taħt ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konstatazzjoni u lanqas il-prinċipji mfakkra fil-punti 44 u 47ta’ din is-sentenza. Bl-istess mod, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, l-importanza tad-drittijiet tad-difiża fil-qasam tad-dritt tal-antidumping għall-atturi ekonomiċi kkonċernati ma tistax tqiegħed f’dubju l-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punti 33 u 34 tas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391).

53      Fil-fatt, ikun xi jkun il-qasam ikkonċernat, il-funzjoni sottostanti għall-klassifikazzjoni ta’ “rekwiżit proċedurali sostanzjali” hija intiża sabiex tiggarantixxi l-osservanza tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u tad-drittijiet proċedurali. Madankollu, l-osservanza ta’ dawn ir-regoli u ta’ dawn id-drittijiet bl-ebda mod ma hija affettwata mit-tkomplija tal-proċedura mill-istadju li fih ikun twettaq il-ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali, f’sitwazzjoni fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit proċedurali sostanzjali ma jkunx ivvizzja l-istadji preċedenti.

54      Sa fejn, f’din il-kawża, il-ksur tar-rekwiżit proċedurali sostanzjali inkwistjoni ma affettwax l-istadji tal-proċedura ta’ estensjoni li ppreċedew dan il-ksur, xejn ma kien iżomm lill-Kummissjoni milli tkompli l-proċedura mill-mument li fih seħħ l-imsemmi ksur u milli, wara li tkun irrimedjat dan il-ksur, tgħaddi sabiex tadotta att ġdid.

55      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Artikolu 266 TFUE jeħtieġ ir-rimbors tad-dazji mħallsa preċedentement f’sitwazzjoni fejn dawn ma kinux legalment dovuti, huwa minnu li, bħala prinċipju, dan għandu jkun il-każ f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara regolament li jimponi dazji antidumping bħala invalidu. Madankollu, kif imfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-portata preċiża ta’ sentenza ta’ invalidità tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, tal-obbligi li jirriżultaw minnha, għandha tiġi ddeterminata, f’kull każ individwali, mhux biss fid-dawl tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll tal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punti 62 u 63).

56      Issa, fis-sentenza Eurobolt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 bħala invalidu biss minħabba l-ksur tar-regola proċedurali stabbilita fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009. F’din is-sentenza, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma eżaminat il-kontenut sostanzjali ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u, konsegwentement, la invalidat u lanqas kkonfermat ir-regoli inklużi fih. Għalhekk, l-appellanti ma setgħux jistennew bidla fl-atteġġjament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mertu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 47).

57      F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li l-possibbiltà li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid tkun prevista b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni applikabbli sabiex l-istituzzjoni, li tkun adottat att annullat jew invalidat, tkun tista’ tagħmel użu minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 52). Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 13(1) u (3), kif ukoll l-Artikolu 14(1) u (5) tar-Regolament 2016/1036, moqrija flimkien, ma jirreferux għall-possibbiltà li “jiġu imposti mill-ġdid” dazji antidumping wara l-għoti ta’ sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, dawn id-dispożizzjonijiet xorta waħda jawtorizzaw lill-Kummissjoni twettaq tali impożizzjoni mill-ġdid, wara li din tkun kompliet il-proċedura li twassal għar-regolament annullat jew invalidat mill-qorti tal-Unjoni u rrimedjat f’dan il-kuntest, skont ir-regoli proċedurali u sostantivi applikabbli ratione temporis għall-illegalitajiet ikkonstatati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International, C‑612/16, EU:C:2019:508, punti 42 u 43, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2022, Puma et vs Il‑Kummissjoni, C‑507/21 P, EU:C:2022:649, punt 58).

58      It-tkomplija tal-proċedura amministrattiva wara l-għoti tas-sentenza Eurobolt setgħet, għalhekk, validament twassal għall-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji antidumping prevista mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 fir-rigward tal-prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 91/2009. Dan ifisser li ma kienx meħtieġ ir-rimbors immedjat u sħiħ tad-dazji antidumping li jimponi dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Puma et vs Il‑Kummissjoni, C‑507/21 P, EU:C:2022:649, punt 68).

59      Mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 55 sa 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tkompli l-proċedura mill-istadju li fih twettqet l-irregolarità ssanzjonata fis-sentenza Eurobolt u, konsegwentement, timponi mill-ġdid il-miżuri li jinsabu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, mingħajr ma tordna li jitħallsu lura d-dazji antidumping imħallsa mill-appellanti.

60      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, li huwa riprodott b’mod identiku fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1036, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-miżuri antidumping, billi dawn tal-aħħar jistgħu, bħala prinċipju, jiġu applikati biss għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera wara d-data li fiha r-regolament li jistabbilixxihom jidħol fis-seħħ, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1225/2009 u Nru 2016/1036 jidderogaw minn dan il-prinċipju (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 48).

61      Huwa għalhekk li, fir-rigward tar-regoli dwar l-evażjoni, il-ġbir retroattiv ta’ dazji antidumping estiżi minn regolament ta’ estensjoni adottat abbażi tal-Artikolu 13 ta’ dawn ir-regolamenti huwa awtorizzat minn dan tal-aħħar biss mid-data li fiha r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, skont l-Artikolu 14(5) tal-imsemmija regolamenti, saret obbligatorja (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 49).

62      Minn dan jirriżulta li t-tkomplija tal-proċedura wara l-annullament jew l-invalidità ta’ regolament ta’ estensjoni ma tistax twassal sabiex ir-regolament li jiġi adottat fi tmiem din il-proċedura jimponi mill-ġdid dazji antidumping li japplikaw għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera qabel id-data li fiha din ir-reġistrazzjoni tkun saret obbligatorja. Għall-kuntrarju, minkejja li d-dazji antidumping ikkonċernati jkunu skadew, tali tkomplija tal-proċedura hija awtorizzata inkwantu dawn id-dazji jiġu imposti mill-ġdid biss matul il-perijodu ta’ applikazzjoni inizjali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punti 77 u 78), u għalhekk biss għall-perijodu li jippreċedi din l-iskadenza, b’tali mod li l-miżuri estiżi huma ta’ natura esklużivament retroattiva (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 47).

63      Għalhekk, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1036 ma kienx jipprekludi li r-Regolament kontenzjuż jimponi mill-ġdid dazji antidumping fuq importazzjonijiet li jkunu saru matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-regolament iddikjarat bħala invalidu permezz tas-sentenza Eurobolt (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International, C‑612/16, EU:C:2019:508, punt 57).

64      Dan ifisser li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 55 u 61 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, ma kienx jipprekludi t-tkomplija tal-proċedura antidumping li tikkonċerna l-prodotti inkwistjoni u l-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji antidumping fuq importazzjonijiet li jkunu saru matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-regolament iddikjarat bħala invalidu permezz tas-sentenza Eurobolt.

65      Fir-raba’ lok, mill-aggravji mfissra fil-punti 54 sa 58 u 60 sa 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolament kontenzjuż, ma użurpatx il-ġurisdizzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 264 TFUE peress li hija ma kkontestatx id-dispożittiv tas-sentenza Eurobolt, u lanqas il-motivi li jsostnuh, iżda llimitat ruħha, bħala istituzzjoni kompetenti, li tadotta regolament ta’ estensjoni fil-limiti ratione temporis deskritti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE meta ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 264 TFUE ma jipprekludix li l-istituzzjoni kkonċernata tieħu miżuri li jista’ jkollhom l-istess effetti ratione temporis bħal dawk tad-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tieħu jekk hija tapplika t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, kif jirriżulta mill-punt 98 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma wrewx li r-Regolament kontenzjuż huwa inkompatibbli mad-dispożittiv u mal-motivi tas-sentenza Eurobolt.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, l-ewwel sar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom bħala infondati.

 Fuq ilħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

67      Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punt 112 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta ddeċidiet li dan il-prinċipju ma jeħtieġx ir-rimbors sħiħ tad-dazji antidumping f’din il-kawża.

68      Fil-fehma tal-appellanti, billi waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali injorat l-argument li, kieku l-Kummissjoni kellha s-setgħa tadotta atti bħar-Regolament kontenzjuż, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu mċaħħda minn kull effett legali. Li kellu jiġi segwit l-approċċ tal-Kummissjoni f’dan ir-regolament jiġri li ebda attur ekonomiku ma jitħajjar jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-aġir tal-Kummissjoni fil-kawżi antidumping, b’tali mod li s-setgħa ta’ din tal-aħħar tkun eżenti minn kull stħarriġ. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ dejjem “tirrimedja” l-ksur ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja billi tadotta att li jipproduċi effetti fil-passat, bħallikieku l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tat deċiżjoni.

69      Il-Kummissjoni titlob li l-ħames aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

70      Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat dan id-dritt billi ddeċidiet li dan ma kienx jeżiġi r-rimbors sħiħ tad-dazji antidumping imposti mir-regolament li s-sentenza Eurobolt iddikjarat bħala invalidu.

71      F’dan ir-rigward, mill-punt 112 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni, billi rrimedjat l-irregolarità proċedurali ssanzjonata mis-sentenza Eurobolt, jiġifieri billi żgurat li d-deliberazzjoni tal-kumitat konsultattiv kompetenti tosserva bis-sħiħ ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli u billi kkonfermat il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li ma kinux ġew ikkontestati mis-sentenza Eurobolt, kienet osservat l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza u kienet irrispettat id-dritt tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

72      L-appellanti qegħdin essenzjalment isostnu li, billi waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali injorat l-argument li, kieku l-Kummissjoni kellha s-setgħa tadotta atti bħar-Regolament kontenzjuż, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu mċaħħda minn kull effett legali.

73      Madankollu, dan l-aggravju huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-data li fiha ġie adottat ir-Regolament kontenzjuż, ma kienet teżisti ebda deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni li tikkonstata l-invalidità fuq il-mertu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011.

74      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Eurobolt, ikkonstatat biss l-invalidità ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ irregolarità proċedurali li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel sar-raba’ aggravju ta’ dan l-appell, setgħet tiġi rrimedjata.

75      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, billi rrimedjat din l-irregolarità proċedurali, kienet irrispettat id-dritt tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi żgurat li d-deliberazzjoni tal-kumitat konsultattiv kompetenti tosserva bis-sħiħ ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq issitt aggravju

 Largumenti talpartijiet

77      Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 129, 134, 138, 144, 148 u 154 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2016/1036, l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, meta ddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż huwa msejjes fuq bażi legali xierqa.

78      L-appellanti josservaw, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali jidher li injorat il-portata tat-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom. Permezz ta’ dan il-motiv, l-appellanti sostnew li r-Regolament Nru 91/2009, inkwantu kien ġie deċiż li huwa illegali u konsegwentement imħassar fis-sena 2016, ma setax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż fis-sena 2020, peress li dan tal-aħħar għandu “natura anċillari” għar-Regolament Nru 91/2009 li impona d-dazju antidumping definittiv.

79      L-appellanti essenzjalment iqajmu erba’ argumenti insostenn tas-sitt aggravju. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828), billi l-bażi legali tal-att ikkontestat ma kinitx inkwistjoni f’dik is-sentenza. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali invokat l-Artikolu 207 TFUE bħala bażi legali sabiex tadotta, b’mod ġenerali, miżuri antidumping u, konsegwentement, ir-Regolament kontenzjuż, minkejja li r-Regolament Nru 91/2009, li kien illegali, ma setax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għar-Regolament kontenzjuż. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tqis l-essenzjal meta ddeċidiet li t-tħassir tar-Regolament Nru 91/2009 ma kienx affettwa l-validità tiegħu. L-essenzjal huwa l-fatt li l-Kummissjoni, li ħassret dan ir-regolament fis-sena 2016 peress li kien illegali, “irxoxtatu” b’mod żbaljat fis-sena 2020 sabiex tagħmlu l-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-legalità tar-Regolament Nru 91/2009 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt tal-WTO. L-appellanti ma jallegawx li l-ksur tad-dritt tal-WTO f’dan ir-regolament jivvizzja b’illegalità r-Regolament kontenzjuż iżda jsostnu li l-imsemmi regolament ma setax iservi bħala bażi legali għar-Regolament kontenzjuż.

80      Il-Kummissjoni ssostni li s-sitt aggravju huwa ineffettiv peress li huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li l-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż huwa r-Regolament Nru 91/2009. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa wkoll infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

81      Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin essenzjalment isostnu li r-Regolament Nru 91/2009 tħassar fis-sena 2016 minħabba l-illegalità tiegħu, b’tali mod li ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż adottat fis-sena 2020, peress li dan tal-aħħar għandu natura anċillari għar-Regolament Nru 91/2009.

82      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, meta tkun biħsiebha terġa’ timponi dazji antidumping definittivi, għandha tosserva l-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dawn tal-aħħar jeħtieġu l-applikazzjoni tar-regoli sostanzjali fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni, anki jekk dawn ir-regoli ma jkunux għadhom fis-seħħ fid-data li fiha jiġi adottat att mill-istituzzjoni tal-Unjoni, inkwantu d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni tkun fis-seħħ fid-data li fih dan tal-aħħar jiġi adottat. Bl-istess mod, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan l-att għandha titmexxa skont ir-regoli fis-seħħ fid-data ta’ din l-adozzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40).

83      Issa, kif ġie mfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2016/1036, moqrija flimkien, jawtorizzaw tabilħaqq lill-Kummissjoni “terġa’ timponi”, wara annullament jew dikjarazzjoni ta’ invalidità għal motivi li jistgħu jiġu rrimedjati, dazji antidumping permezz tal-adozzjoni ta’ regolament ġdid.

84      Kif saħaq l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm huwa ovvju li d-dazji antidumping jistgħu jiġu estiżi biss jekk, fl-ewwel lok, ikunu ġew imposti b’mod validu, ma huwiex l-att li jimponi dawn id-dazji li jikkostitwixxi l-bażi legali sabiex dawn jiġu estiżi, iżda r-Regolament 2016/1036. Barra minn hekk, in-natura anċillari tar-Regolament kontenzjuż, meta mqabbel mar-Regolament Nru 91/2009, taffettwa biss il-portata ratione temporis tar-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, regolament ta’ estensjoni ta’ dazji antidumping jista’ jikkonċerna biss perijodu li matulu japplika jew kien japplika l-att inizjali nnifsu li jimponi dan id-dazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C‑371/14, EU:C:2015:828, punti 53 u 54).

85      Dan ifisser li, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1036 li jiriferi għalihom ir-Regolament kontenzjuż, jiġifieri l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(1), jikkostitwixxu l-bażijiet legali validi tar-Regolament kontenzjuż. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 125 u 128 tas-sentenza appellata, li r-Regolament kontenzjuż ġie adottat abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u mhux abbażi ta’ dawk tar-Regolament Nru 91/2009.

86      Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali “ma naqsitx milli tqis l-essenzjal” billi, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-Artikolu 207 TFUE. Għalkemm il-Qorti Ġenerali rreferiet għal din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju, hija għamlet dan mhux sabiex tiġġustifika l-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż iżda sabiex tiċħad l-argument tal-appellanti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE. Fil-fatt, l-Artikolu 207(2) TFUE huwa d-dispożizzjoni tad-dritt primarju li tawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta regoli li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ implimentazzjoni sabiex tadotta regolament kontra l-evażjoni, kif proprju għamel dan il-leġiżlatur fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2016/1036.

87      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli, fil-punti 129 u 134 tas-sentenza appellata, irreferiet għas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828), minħabba li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-argument li regolament illegali ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż.

88      Fil-fatt, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-atti tal-Unjoni fid-dawl tar-regoli u tad-deċiżjonijiet tal-WTO ma huma vvizzjati b’ebda żball ta’ liġi. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, il-validità tar-Regolament Nru 91/2009 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tar-rapporti tad-deċiżjonijiet tad-DSB tat‑28 ta’ Lulju 2011 u tat‑12 ta’ Frar 2016 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding, C‑104/19, EU:C:2020:539, punti 45 sa 48). Min-naħa l-oħra, it-tħassir ta’ att tal-Unjoni mill-awtur tiegħu ma jistax jiġi ekwiparat ma’ konstatazzjoni tal-illegalità ta’ dan l-att li għandha effetti ex tunc, peress li l-effetti ta’ tali tħassir jaffettwaw biss il-futur.

89      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li t-tħassir ex nunc tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament Nru 91/2009, wara d-deċiżjoni tad-DSB tat‑12 ta’ Frar 2016, ma affettwax il-validità tiegħu.

90      Issa, kif irrikonoxxiet preċiżament il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 54 tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828), għalkemm min-natura anċillari ta’ miżura li testendi dazju antidumping definittiv jirriżulta li l-miżuri estiżi ma jistgħux jibqgħu jeżistu fil-mument li fih jiskadu l-miżuri li huma jestendu, id-deċiżjoni li jiġu imposti dawk tal-ewwel ma għandhiex neċessarjament tittieħed qabel l-iskadenza tat-tieni.

91      Konsegwentement, is-sitt aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq isseba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

92      Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 164 sa 167 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż seta’ jipprojbixxi definittivament ir-rimbors tad-dazji kontra l-evażjoni mħallsa minnhom abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 u jordna lill-awtoritajiet doganali jirkupraw id-dazji diġà rrimborsati. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2016/1036, l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

93      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-projbizzjoni ta’ rimbors tad-dazji mħallsa indebitament “hija biss il-konsegwenza loġika” tal-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji kontra l-evażjoni minkejja li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-talbiet għal rimbors ta’ dazji mħallsa indebitament jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet doganali. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tawtorizza lill-Kummissjoni tagħti ordnijiet lill-awtoritajiet doganali. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-ipoteżi ta’ ordni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi temporanjament ir-rimbors tad-dazji mħallsa, pendenti l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ proċedura antidumping u l-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji, u mhux il-projbizzjoni definittiva tar-rimbors. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet tipprojbixxi definittivament ir-rimbors tad-dazji peress li l-għan ta’ projbizzjoni temporanja, awtorizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa “li tagħmel possibbli u li tipprepara għal” projbizzjoni definittiva. Issa, id-deċiżjonijiet definittivi dwar ir-rimbors jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet doganali.

94      Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-aggravju huwa parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

95      Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż seta’ jipprojbixxi definittivament ir-rimbors tad-dazji invalidati mis-sentenza Eurobolt bi ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) TUE.

96      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rimbors immedjat u sħiħ tad-dazji antidumping ikkonċernati mill-invalidità tar-regolament li jimponihom ma huwiex dejjem meħtieġ. F’dawn l-istess ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza sabiex tagħti ordnijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jikkonformaw irwieħhom mal-obbligu li jeżegwixxu s-sentenza li tikkonstata l-invalidità ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punti 59, 60, 70 u 71, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International, C‑612/16, EU:C:2019:508, punt 48).

97      Huwa minnu li fil-kawżi li wasslu għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, l-ordnijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw projbizzjoni ta’ rimbors għal perijodu temporanju u mhux, bħal f’dan il-każ, projbizzjoni definittiva. Madankollu, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 167 tas-sentenza appellata, l-għan ta’ projbizzjoni temporanja ta’ rimbors huwa li tagħmel possibbli u li tipprepara għal projbizzjoni definittiva fil-każ fejn, wara li titkompla l-investigazzjoni kontra l-evażjoni, id-dazji invalidati jiġu imposti mill-ġdid. Il-projbizzjoni tar-rimbors tad-dazji mħallsa indebitament hija biss il-konsegwenza loġika tal-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dawn l-istess dazji fi tmiem proċedura ħielsa minn kull irregolarità.

98      Għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, għalkemm huma l-awtoritajiet doganali li għandhom jirrimborsaw id-dazji fuq l-importazzjoni jew id-dazji fuq l-esportazzjoni, din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata biss, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 116(1) tal-Kodiċi Doganali, minħabba żball tal-awtoritajiet kompetenti jew jekk jiġi stabbilit li d-dejn doganali inizjalment innotifikat jeċċedi l-ammont dovut jew li l-merkanzija kienet difettuża jew mhux konformi mat-termini tal-kuntratt, jew tista’ saħansitra tiġi eżerċitata skont il-prinċpju ta’ ekwità.

99      F’dan il-każ, peress li d-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament kontenzjuż huma identiċi għal dawk stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, il-projbizzjoni tar-rimbors tad-dazji miġbura preċedentement kienet taqa’ taħt il-kompetenza li l-Kummissjoni għandha taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2016/1036 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punti 57 u 58).

100    Billi imponiet mill-ġdid id-dazji antidumping permezz tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni żammet il-protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni mingħajr, però, ma imponiet fuq l-appellanti xi obbligu li mar lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, u b’hekk ġiet irrimedjata l-illegalità kkonstatata fis-sentenza Eurobolt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Puma et vs Il‑Kummissjoni, C‑507/21 P, EU:C:2022:649, punt 68).

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

102    Peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajjem mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

103    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplikaw għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

104    Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar ħarġu telliefa, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Eurobolt BV, Fabory Nederland BV u ASF Fischer BV huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.