Language of document : ECLI:EU:C:2024:23

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Miżuri diretti kontra persuni u entitajiet marbuta ma’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi – Lista tal-persuni li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Prova tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isem l-appellant f’dawn il-listi”

Fil-Kawża C‑524/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑4 ta’ Awwissu 2022,

Amer Foz, residenti f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda), irrappreżentat minn L. Cloquet, avocat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u T. Haas, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Amer Foz jitlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Mejju 2022, Foz vs Il‑Kunsill (T‑296/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:298), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament:

–        tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti inizjali”);

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2020”), u

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 90), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/848 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 18) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”),

sa fejn dawn l-atti jinkludu u jżommu ismu fil-listi annessi mal-imsemmija atti.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42):

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, ta’ persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u ta’ persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.

2.      Skont il-valutazzjonijiet u d-determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-Sirja kif stipulat fil-Premessi (5) sa (11), l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom ta’:

(a)      negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja;

(b)      membri tal-familji Assad jew Makhlouf;

(c)      Ministri tal-Gvern Sirjan fis-setgħa wara Mejju 2011;

(d)      membri tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta’ ‘kurunell’ u l-ekwivalenti jew ogħla fil-kariga wara Mejju 2011;

(e)      membri tas-servizzi Sirjani ta’ sigurtà u ta’ intelligence fil-kariga wara Mejju 2011;

(f)      membri tal-milizzji affiljati mar-reġim; jew

(g)      persuni li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi,

u persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.

3.       Persuni f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness I jekk hemm biżżejjed informazzjoni li m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.

4.       Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-elenkar għandhom isiru fuq bażi individwali u skont il-każ b’kont meħud tal-proporzjonalità tal-miżura.

[...]”

3        L-Artikolu 28(1) sa (5) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, jipprovdi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Annessi I u II, għandhom jiġu ffriżati.

2.      Skont il-valutazzjonijiet u d-determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-Sirja kif stipulat fil-Premessi (5) sa (11), il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a)       negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja;

(b)       membri tal-familji Assad jew Makhlouf;

(c)       Ministri tal-Gvern Sirjan fis-setgħa wara Mejju 2011;

(d)       membri tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta’ ‘kurunell’ u l-ekwivalenti jew ogħla fil-kariga wara Mejju 2011;

(e)       membri tas-servizzi Sirjani ta’ sigurtà u ta’ intelligence fil-kariga wara Mejju 2011;

(f)       membri tal-milizzji affiljati mar-reġim; jew

(g)       membri ta’ entitajiet, unitajiet, aġenziji, korpi jew istituzzjonijiet li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi,

u persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.

3.      Persuni, entitajiet jew korpi f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness I jekk hemm biżżejjed informazzjoni li huma m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.

4.      Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-elenkar għandhom isiru fuq bażi individwali u skont il-każ b’kont meħud tal-proporzjonalità tal-miżura.

5.      L-ebda fond jew riżorsa ekonomika m’għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Annessi I u II.”

4        L-Artikolu 15(1a) u (1b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1) jipprevedi:

“1a      Il-lista fl-Anness II għandha tikkonsisti wkoll f’persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-Artikolu 28(2) tad-[Deċiżjoni 2013/255], ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)       negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja;

(b)       membri tal-familji Assad jew Makhlouf;

(c)       Ministri tal-Gvern Sirjan fil-poter wara Mejju 2011;

(d)       membri tal-Forza Armata Sirjana fil-grad ta’ ‘Kurunell’ jew ekwivalenti jew ogħla li kellhom din il-pożizzjoni wara Mejju 2011;

(e)       membri tas-servizzi ta’ sigurtà u tas-servizzi tal-intelligence Sirjani li kellhom din il-pożizzjoni wara Mejju 2011;

(f)       membri tal-milizji affiljati mar-reġim;

(g)       persuni, entitajiet, unitajiet, aġenziji, korpi jew istituzzjonijiet li joperaw fis-settur tal-proliferazzjoni tal-armi kimiċi;

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet assoċjati magħhom, u li għalihom ma japplikax l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

1b      Persuni, entitajiet u korpi f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1a m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi fl-Anness II jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li huma mhumiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.”

 Ilfatti li wasslu għattilwima

5        Il-fatti li wasslu għat‑tilwima huma esposti fil-punti 2 sa 27 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn il-fatti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

6        L-appellant huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana li ismu ġie miżjud permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/212 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/211 rispettivament fil-linja 291 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni) tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 u fil-linja 291 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II (Persuni) tar-Regolament Nru 36/2012, li jelenkaw l-ismijiet tal-persuni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“listi kontenzjużi”). Il-karigi tiegħu kienu deskritti bħala “Maniġer Ġenerali ta’ ASM International General Trading, LLC”. “Samer Foz”, “Aman Holding (Aman Damascus Joint Stock Company)” u “ASM International General Trading” kienu indikati bħala “[q]raba/soċji kummerċjali/entitajiet jew sħab/konnessjonijiet” tal-appellant.

7        Ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-listi kontenzjużi kienu fformulati kif ġej, b’mod identiku fuq kull waħda minnhom:

“Negozjant ewlieni b’interessi u attivitajiet personali u familjari f’diversi setturi tal-ekonomija Sirjana, inkluż permezz ta’ Aman Holding (qabel magħruf bħala l-Aman Group). Permezz ta’ Aman Holding, huwa jibbenefika finanzjarjament mill-aċċess għal opportunitajiet kummerċjali u jappoġġa lir-reġim ta’ Assad, inkluż permezz tal-involviment fl-iżvilupp ta’ Marota City li huwa appoġġat mir-reġim. Mill‑2012 ’l hawn, kien ukoll Maniġer Ġenerali ta’ ASM International [General] Trading LLC.

Huwa assoċjat ukoll ma’ ħuh Samer Foz, li ġie ddeżinjat mill-[Unjoni Ewropea] minn Jannar 2019 bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja u li jappoġġa jew jibbenefika mir-reġim.”

8        Permezz tad-Deċiżjoni 2020/719, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 sal‑1 ta’ Ġunju 2021, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/716, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żamm isem l-appellant fil-listi kontenzjużi għal raġunijiet li ma nbidlux.

9        Permezz tad-Deċiżjoni 2021/855, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 sal‑1 ta’ Ġunju 2022, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/848, il-Kunsill żamm isem l-appellant fil-listi kontenzjużi filwaqt li emenda, minn naħa, id-deskrizzjoni tal-karigi tiegħu u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu f’dawn il-listi (iktar ’il quddiem ir-“raġunijiet tal‑2021”).

10      B’hekk, minn naħa, il-karigi tiegħu issa huma deskritti bħala dawk ta’ “[f]undatur ta’ District 6 Company [u] [s]ieħeb fundatur ta’ Easy life Company”. Ir-riferiment għal “ASM International General Trading LLC” tneħħa u l-indikazzjoni “Viċi President ta’ Asas Steel Company” ġiet miżjuda bħala “[q]raba/soċji kummerċjali/entitajiet jew sħab/konnessjonijiet” tal-appellant.

11      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet tal‑2021 huma fformulati kif ġej:

“Negozjant prominenti b’interessi tan-negozju personali u tal-familja u attivitajiet f’diversi setturi tal-ekonomija Sirjana. Huwa jibbenefika finanzjarjament mill-aċċess għal opportunitajiet kummerċjali u jappoġġa r-reġim Sirjan. Bejn l‑2012 u l‑2019, kien Maniġer Ġenerali ta’ ASM International [General] Trading LLC.

Huwa assoċjat ukoll ma’ ħuh Samer Foz, li ilu ddeżinjat mill-Kunsill minn Jannar 2019 bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja u li jappoġġa jew jibbenefika mir-reġim. Flimkien ma’ ħuh, huwa jimplimenta għadd ta’ proġetti kummerċjali, b’mod partikolari fiż-żona ta’ Adra al-Ummaliyya (subborgi ta’ Damasku [is-Sirja]). Dawn il-proġetti jinkludu fabbrika li timmanifattura kejbils u aċċessorji tal-kejbils kif ukoll proġett għall-produzzjoni tal-elettriku bl-użu tal-enerġija solari. Huma kienu involuti wkoll f’diversi attivitajiet mal-[Istat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Lvant (ISIL)] (Da’esh) f’isem ir-reġim ta’ [Bashar Al-Assad], inkluż il-forniment ta’ armi u munizzjon bi skambju għal qamħ u żejt.”

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Mejju 2020 u adattat fil-mori tal-kawża, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tal-atti inizjali, tal-atti ta’ żamma tal‑2020 u tal-atti kontenzjużi, sa fejn kienu jikkonċernawh, filwaqt li invoka sitt motivi bbażati, l-ewwel motiv, fuq żball ta’ evalwazzjoni, it-tieni motiv, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet motiv, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, ir-raba’ motiv, fuq użu ħażin ta’ poter, il-ħames motiv, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fl-aħħar nett, is-sitt motiv, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq.

13      Il-Qorti Ġenerali bdiet billi eżaminat il-ħames u s-sitt motiv, li hija ċaħdet, u mbagħad eżaminat, fil-punti 71 sa 179 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv.

14      F’dan il-kuntest, wara kunsiderazzjonijiet preliminari, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-elementi tar-raġunijiet ta’ inklużjoni marbuta ma’ kull wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni, ir-rilevanza u l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill u sussegwentement il-portata tal-kriterju ta’ inklużjoni relatat mar-rabta ma’ persuna jew ma’ entità suġġetta għall-miżuri restrittivi kif ukoll l-interessi kummerċjali tal-familja tal-appellant fi ħdan Aman Holding u ASM International General Trading.

15      F’dak li jirrigwarda l-interessi kummerċjali tal-familja tal-appellant fi ħdan Aman Holding, fil-punt 137 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali rrilevat li, fir-rigward tal-atti kontenzjużi, l-appellant kien wera b’mod validu li, fit‑22 ta’ Novembru 2020, u għalhekk qabel l-adozzjoni tagħhom, huwa kien ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’Aman Holding u li huwa ma kienx jokkupa, wara dan it-trasferiment, pożizzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdan din il-kumpannija, b’tali mod li, fir-rigward ta’ dawn l-atti, il-Kunsill ma setax jinvoka s-sehem tiegħu fl-imsemmija kumpannija sabiex jistabbilixxi rabta bejnu u bejn ħuh, Samer Foz. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 144 ta’ dik is-sentenza, li, fir-rigward tal-atti inizjali u tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Kunsill kien issostanzja b’mod suffiċjenti r-rabta bejn l-appellant u ħuh, Samer Foz, minħabba r-rabtiet kummerċjali tagħhom fi ħdan Aman Holding, iżda li dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-atti kontenzjużi.

16      Fir-rigward tal-interessi kummerċjali tal-familja tal-appellant fi ħdan ASM International General Trading, fil-punti 149 u 155 tal-imsemmija sentenza l-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tal-atti inizjali, il-Kunsill kien issostanzja b’mod suffiċjenti r-rabta bejn l-appellant u ħuh, Samer Foz, minħabba r-rabtiet kummerċjali tagħhom fi ħdan ASM International General Trading, iżda mhux fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020 u lanqas fir-rigward tal-atti kontenzjużi, peress li din il-kumpannija kienet ġiet stralċjata fil‑25 ta’ Frar 2020.

17      Fir-rigward tad-diversi attivitajiet mal-ISIL imwettqa mill-appellant u minn ħuh, Samer Foz, f’isem ir-reġim Sirjan, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata, indikat dan li ġej:

“161      Skont il-formulazzjoni tar-raġunijiet tal‑2021, id-diversi attivitajiet mal-ISIL imwettqa f’isem ir-reġim Sirjan jinkludu, b’mod partikolari, ‘il-forniment ta’ armi u munizzjon bi skambju għal qamħ u żejt’.

162      Jista’ jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-informazzjoni li toriġina mis-sit internet Pro-Justice, li [l-appellant] u ħuh wettqu attivitajiet f’isem ir-reġim Sirjan, li jinkludu l-provvista ta’ armi u ta’ munizzjon bi skambju għal qamħ u żejt. Skont l-imsemmi sit internet, dawn l-iskambji kummerċjali seħħew meta l-ISIL kien jikkontrolla l-Lvant kollu tas-Sirja, fatt li barra minn hekk ġie kkonfermat minn mexxej tal-ISIL. Is-sit internet The Syria Report isemmi li t-trasport tal-qamħ, b’mod partikolari fir-reġjuni kkontrollati mill-ISIL, jitwettaq mis-sussidjarja ta’ Aman Holding, li jikkostitwixxi fattur ieħor li juri l-importanza ta’ Samer Foz f’għajnejn ir-reġim Sirjan. Aman Holding, immexxija mill-familja Foz, taġixxi f’isem ir-reġim Sirjan fil-kummerċ tal-qamħ, skont is-sit internet Reuters. F’dan l-aħħar sit internet hemm indikat li Aman Holding twettaq attività ta’ senserija, għall-finijiet tal-kummerċ taċ-ċereali, ma’ Hoboob, kumpannija li hija proprjetà tal-Istat Sirjan. Aman Holding tikkonferma li importat qamħ fis-Sirja fl‑2013. Fl-aħħar nett, ASM International General Trading, stabbilita fl-Emirati Għarab Magħquda, kienet topera wkoll fil-kummerċ tal-qamħ, kif jirriżulta mis-siti internet Arab News u Al Arabiya.

163      Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 162 iktar ’il fuq, il-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti fis-sens tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, din il-parti tal-espożizzjoni tar-raġunijiet tal‑2021 hija ssostanzjata b’mod suffiċjenti. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument [tal-appellant], li ma huwiex issostanzjat, fis-sens li dawn l-akkużi jirriżultaw minn affermazzjonijiet perentorji u, konsegwentement, infondati.

164      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward ta’ din il-parti tar-raġunijiet tal‑2021, il-Kunsill issostanzja b’mod suffiċjenti r-rabta bejn [l-appellant] u Samer Foz minħabba d-diversi attivitajiet tagħhom imwettqa f’isem ir-reġim Sirjan mal-ISIL.”

18      Taħt it-titolu “Konklużjonijiet dwar ir-rabta ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi”, il-Qorti Ġenerali indikat dan li ġej fil-punti 165 sa 167 tas-sentenza appellata:

“165      Fl-ewwel lok, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li [l-appellant] u ħuh, Samer Foz, għandhom rabtiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ negozju. Qabel kollox, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, il-Kunsill wera li [l-appellant] u Samer Foz kellhom rabtiet kummerċjali permezz tal-impriża tal-familja Aman Holding u ta’ ASM International General Trading. Sussegwentement, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Kunsill wera li ż-żewġ aħwa kellhom rabtiet kummerċjali permezz tal-imsemmija impriża tal-familja. Fl-aħħar, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2021, il-Kunsill wera li [l-appellant] u ħuh kellhom rabtiet ta’ negozju, peress li dawn kienu jwettqu attivitajiet mal-ISIL f’isem ir-reġim Sirjan.

166      L-eżistenza ta’ rabtiet ta’ negozju bejn [l-appellant] u ħuh, Samer Foz, tikkonkretizza ruħha wkoll permezz ta’ ftehim fil-ġestjoni tal-portafolli ta’ azzjonijiet tagħhom. [...]

167      Fl-aħħar, fl-atti tiegħu, [l-appellant] ma jsostnix li [waqqaf] ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Samer Foz jew li tbiegħed minnu. Konsegwentement, ir-rabtiet bejn [l-appellant] u ħuh jippersistu.”

19      Fil-punt 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-listi kontenzjużi minħabba r-rabta tiegħu ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi kienet issostanzjata b’mod suffiċjenti, b’tali mod li, fir-rigward ta’ dan il-kriterju, l-inklużjoni ta’ isem l-appellant f’dawn il-listi kienet fondata. Fil-punt 179 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv bħala infondat, mingħajr ma kien hemm bżonn li teżamina l-fondatezza tal-ilmenti l-oħra mqajma mill-appellant u intiżi sabiex jiġu kkontestati l-kriterji l-oħra ta’ inklużjoni.

20      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv, imbagħad it-tieni u t-tielet motiv, meħuda flimkien u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21      L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn ċaħdet ir-rikors għal annullament tiegħu kontra l-atti kontenzjużi;

–        tannulla l-atti kontenzjużi, sa fejn jikkonċernawh;

–        tordna lill-Kunsill jirtira ismu mill-annessi tad-Deċiżjoni 2013/255 kif ukoll tar-Regolament Nru 36/2012, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba tal-appellant intiża sabiex huwa jiġi ordnat jirtira isem dan tal-aħħar mill-annessi tad-Deċiżjoni 2013/255 kif ukoll tar-Regolament Nru 36/2012, u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

23      L-appellant iqajjem tmien aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel sar-raba’ aggravju, fuq żnaturament tal-provi u taċ-ċirkustanzi fattwali, il-ħames aggravju, fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248), u Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑630/13 P, EU:C:2015:247), is-sitt aggravju, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, is-seba’ aggravju, fuq żnaturament taċ-ċirkustanzi fattwali u, it-tmien aggravju, fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oneru tal-prova.

 Fuq lammissibbiltà

 Largumenti talpartijiet

24      Il-Kunsill isostni prinċipalment li l-aggravji huma inammissibbli fl-assenza ta’ identifikazzjoni preċiża tal-punti kkontestati tas-sentenza appellata, kuntrarjament għar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 168(1)(d) u tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fl-intier tiegħu.

25      L-appellant jikkontesta dan l-argument billi jsostni li, minbarra l-argumenti żviluppati insostenn ta’ kull wieħed mill-aggravji li huwa jqajjem, il-parti introduttiva tal-appell tidentifika l-punti 162, 167 u 177 tas-sentenza appellata bħala l-punti li jinkludu l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li huwa jqis li huma żbaljati.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

26      Preliminarjament, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Appell li ma jkollux tali karatteristiċi ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġuridika li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-funzjoni tagħha fil-qasam ikkunsidrat u twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità (digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2015, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑136/15 P, EU:C:2015:411, punt 25, u sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Inpost Paczkomaty vs Il‑Kummissjoni, C‑431/19 P u C‑432/19 P, EU:C:2020:1051, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, fir-rigward tas-sitt aggravju, kif isostni l-Kunsill, l-appell ma jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa minn din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, l-argumenti żviluppati mill-appellant insostenn ta’ dan l-aggravju ma jirreferu għal ebda punt preċiż tas-sentenza appellata u ma jippermettux li jiġu identifikati r-raġunijiet tal-Qorti Ġenerali li, fost il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 79 sa 176 ta’ dik is-sentenza, wassluha sabiex tikkonferma, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-listi kontenzjużi kienet fondata, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

29      Għall-kuntrarju, l-appell jippermetti li jiġu identifikati l-punti tas-sentenza appellata kkritikati fil-kuntest tal-ewwel sal-ħames u tat-tmien aggravju, jiġifieri l-punti 161 sa 164 ta’ dik is-sentenza, u jesponi r-raġunijiet għaliex, skont l-appellant, dawn il-punti huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. L-istess jgħodd għas-seba’ aggravju, li jirrigwarda l-punt 167 tas-sentenza appellata.

30      Minn dan isegwi li l-ewwel sal-ħames, is-seba’ u t-tmien aggravju huma ammissibbli u li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel sarraba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

31      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li jirriżultaw mis-sit internet Pro-Justice. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali biddlet u żnaturat it-test oriġinali tal-artiklu ppubblikat fuq dan is-sit, billi ppreżentat l-allegazzjonijiet tal-awtur tiegħu bħala fatti pprovati minkejja r-riżervi u l-prekawzjonijiet meħuda minn dan tal-aħħar, li kien uża l-kelma “akkużati” u, darbtejn, l-avverbju “allegatament”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rreferiet, b’mod żbaljat, għal konferma tal-iskambji kummerċjali msemmija minn mexxej tal-ISIL, meta l-konnessjoni URL imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ dan l-artiklu tirreferi għal paġna ineżistenti. Din il-konferma, fi kwalunkwe każ, la hija pprovata u lanqas ma hija kkorroborata minn sors ieħor u l-imsemmi artiklu ma huwiex preċiż fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tal-appellant, flimkien ma’ ħuh Samer Foz, fi tranżazzjonijiet mal-ISIL.

32      Permezz tat-tieni sar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li jirriżultaw, rispettivament, mis-sit internet The Syria Report, mill-artiklu tal-istampa tas-sit internet Reuters kif ukoll, fir-rigward ta’ ASM International General Trading, mis-siti internet Arab News u Al Arabya. F’dan ir-rigward, is-sit internet The Syria Report kien jirreferi għal sussidjarja ta’ Aman Holding u mhux għall-involviment personali tal-appellant fi tranżazzjonijiet mal-ISIL. L-artiklu tal-istampa tas-sit internet Reuters kien jirreferi għall-kumpanniji Aman Group jew Aman Holding u mhux għall-appellant jew għall-ISIL. Fl-aħħar nett, is-siti internet Arab News u Al Arabya ma kinux isemmu l-ISIL, iżda biss ASM International General Trading.

33      Issa, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha peress li, minn naħa, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, irrikonoxxiet li l-appellant kien ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’Aman Holding qabel id-data tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u li, wara dan it-trasferiment, dan tal-aħħar ma kienx għadu jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdan din il-kumpannija. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward ta’ dawn l-atti, il-Kunsill ma setax jinvoka l-parteċipazzjoni tal-appellant f’Aman Holding sabiex jistabbilixxi rabta bejnu u bejn ħuh, Samer Foz. Għalhekk, il-punt 137 tas-sentenza appellata jinvalida l-artiklu tas-sit internet The Syria Report, li ma kienx għadu rilevanti. L-istess jgħodd għall-artiklu tal-istampa tas-sit internet Reuters.

34      Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha wkoll sa fejn ammettiet li ASM International General Trading kienet ġiet xolta u sa fejn qieset, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li r-rabtiet kummerċjali bejn l-appellant u ħuh, Samer Foz, fi ħdan ASM International General Trading ma kinux issostanzjati b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020 u tal-atti kontenzjużi. Il-provi li jirriżultaw mis-siti internet Arab News u Al Arabya għalhekk lanqas ma kienu għadhom rilevanti.

35      Billi qieset li l-provi misluta minn dawn l-erba’ siti internet setgħu jikkorroboraw rabta bejn l-appellant u ħuh, Samer Foz, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet mal-ISIL, meta dawn il-provi ma kinux juru tali rabta, il-Qorti Ġenerali mxiet b’mod inkonsistenti u żnaturat il-fatti. Għaldaqstant, dawn il-provi kollha għandhom jiġu esklużi mis-sensiela ta’ indizji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

36      Skont il-Kunsill, l-ewwel sar-raba’ aggravju ma humiex fondati.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi kienu nkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli proċedurali applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha, sakemm ma jkunx hemm każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Cham Holding vs Il‑Kunsill, C‑261/19 P, EU:C:2020:781, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Ikun hemm tali żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu joħroġ b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-provi, appellant għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill, C‑248/17 P, EU:C:2018:967, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, fir-rigward tas-silta mir-rapport tas-sit internet Pro-Justice li, skont l-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali żnaturat, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma ċċitatx litteralment din is-silta, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, iżda semmiet essenzjalment il-kontenut ta’ din is-silta, filwaqt li użat formulazzjoni iktar affermattiva billi la għamlet riferiment għat-terminu “akkużati” u lanqas għall-avverbju “allegatament”, li kienu jinsabu f’dan ir-rapport. Madankollu, l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali ta’ din il-prova ma tidhirx manifestament żbaljata peress li minn dan ir-rapport jirriżulta li mexxej identifikat b’ismu tal-ISIL ikkonferma li l-appellant u ħuh, Samer Foz, kienu involuti f’diversi attivitajiet kummerċjali mal-ISIL f’isem ir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, minkejja li l-appellant isostni li l-konnessjoni URL iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ma għadhiex attiva, mill-punt 162 ta’ dik is-sentenza ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq dan is-sors. Fi kwalunkwe każ, l-uniku dokument prodott mill-appellant ma jippermettix li jiġi stabbilit li din il-konnessjoni ma kinitx attiva qabel, b’mod partikolari fil-mument meta l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmi rapport.

40      Għandu jingħad ukoll li, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-appell, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ir-rapport tas-sit internet Pro-Justice kien jikkostitwixxi prova raġonevoli u affidabbli. Għalhekk, sa fejn l-appellant isostni li l-imsemmi rapport ma kienx preċiż, tali argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

41      Fir-rigward tat-tieni sar-raba’ aggravju, li permezz tagħhom l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi misluta mis-siti internet The Syria Report, Reuters kif ukoll Arab News u Al Arabya, imsemmija wkoll fl-imsemmi punt 162, l-appellant ma jindikax preċiżament fiex jikkonsisti dan l-iżnaturament, iżda sempliċement isostni li huma la setgħu jipprovaw u lanqas jikkorroboraw l-eżistenza ta’ rabta kummerċjali bejnu u bejn ħuh, Samer Foz, peress li dawn il-provi ma kinux jirreferu għalih personalment, u lanqas għall-ISIL fil-każ ta’ wħud minnhom, iżda għal kumpanniji, jiġifieri għal Aman Group, għal Aman Holding u għal waħda mis-sussidjarji tagħha kif ukoll għal ASM International General Trading.

42      Issa, sa fejn l-appellant isostni li dawn kienu provi li ma kinux għadhom rilevanti jew li kienu saru obsoleti peress li huwa kien ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’Aman Holding fis‑7 ta’ Ottubru 2020 u peress li ASM International General Trading kienet ġiet stralċjata fil‑25 ta’ Frar 2020, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 133 u 149 tas-sentenza appellata, jidher li l-appellant diġà ppreżenta dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punti 103 sa 112 ta’ dik is-sentenza.

43      Bl-istess mod, l-appellant diġà sostna quddiem il-Qorti Ġenerali li ismu ma kienx imsemmi f’diversi mill-artikli misluta minn dawn is-siti internet, kif jirriżulta mill-punti 98 sa 102 ta’ dik is-sentenza.

44      Issa, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset, fil-punti 98 sa 112 tal-imsemmija sentenza, li ma ġewx ikkritikati fil-kuntest ta’ dan l-appell, li dawn kienu provi affidabbli u rilevanti, bħal dawk tas-sit internet Pro-Justice.

45      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, permezz ta’ dan l-argument kif ukoll permezz ta’ dak invokat, għall-bqija, insostenn tal-ewwel aggravju, jidher li l-appellant fir-realtà qiegħed jipprova jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja, evalwazzjoni li ma taqax fil-kompetenza tagħha fil-kuntest tal-appell skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, tali argument huwa inammissibbli.

46      Fl-aħħar nett, l-argument li teżisti kontradizzjoni bejn ir-raġunijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu, minn naħa, fil-punti 137 u 155 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, fil-punti 162 sa 164 ta’ dik is-sentenza, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-imsemmija sentenza. Fil-fatt, kif isostni ġustament il-Kunsill, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dawn l-aħħar punti ma humiex ibbażati fuq l-involviment tal-appellant f’dawn il-kumpanniji f’data preċiża, kuntrarjament għal dak li tindika l-Qorti Ġenerali fil-punti 137, 144 u 155 tal-istess sentenza. Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-punti 129, 143, 145 u 146 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, jirriżulta li l-appellant kien effettivament involut f’dawn il-kumpanniji flimkien ma’ ħuh, Samer Foz, qabel dan it-trasferiment u dan l-istralċ. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

47      Minn dan isegwi li l-ewwel sar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

 Fuq ilħames aggravju

–       Largumenti talpartijiet

48      Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248) u Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑630/13 P, EU:C:2015:247), meta qieset, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien issostanzja b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-rabta li kienet teżisti bejnu u bejn ħuh, Samer Foz, minħabba d-diversi attivitajiet tagħhom imwettqa f’isem ir-reġim Sirjan mal-ISIL u, għaldaqstant, ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Sa fejn il-provi misluta mis-siti internet Pro-Justice u The Syria Report, mill-artiklu tal-istampa ppubblikat fis-sit internet Reuters u, fir-rigward ta’ ASM International General Trading LLC, mis-siti internet Arab News u Al Arabya, kollha ġew żnaturati, is-sensiela ta’ indizji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali hija mingħajr kontenut.

49      Il-Kunsill isostni li l-ħames aggravju ma huwiex fondat.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

50      F’dan il-każ, l-argument tal-appellant imressaq insostenn tal-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali żnaturat, kif sostna insostenn tal-ewwel sar-raba’ aggravju tiegħu, il-provi misluta mis-siti internet iċċitati fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma, fil-punt 164 ta’ dik is-sentenza, li, fir-rigward tal-parti tar-raġunijiet tal-atti kontenzjużi dwar ir-rabta bejn l-appellant u ħuh, Samer Foz, minħabba d-diversi attivitajiet tagħhom imwettqa f’isem ir-reġim Sirjan mal-ISIL, il-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248) u Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑630/13 P, EU:C:2015:247), iċċitata fil-punt 158 tas-sentenza appellata.

51      Issa, peress li mit-tweġiba mogħtija għall-ewwel sar-raba’ aggravju, li tinsab fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li kien għalxejn li l-appellant qajjem tali lment ta’ żnaturament fir-rigward tas-sentenza appellata, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq ittmien aggravju

–       Largumenti talpartijiet

52      Permezz tat-tmien aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova sa fejn qieset, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, li l-allegazzjoni li huwa kien wettaq diversi attivitajiet mal-ISIL u ma’ ħuh, Samer Foz, f’isem ir-reġim Sirjan, ma setgħetx tiġi kkontestata mill-argument tiegħu, allegatament infondat, fis-sens li dawn l-akkużi kienu jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet “perentorji” u, skont il-Qorti Ġenerali, “infondati”. F’dan ir-rigward, l-appellant dejjem ċaħad li kellu xi tip ta’ relazzjoni mal-ISIL u l-fatt li jkollu juri l-kuntrarju jammonta għal prova ta’ fatt negattiv u, għaldaqstant, għal “probatio diabolica”. L-oneru tal-prova kien jaqa’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-Kunsill, li pproduċa, kif ġie pprovat preċedentement, provi mhux sodisfaċenti u distorti mill-Qorti Ġenerali.

53      Il-Kunsill isostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

54      Permezz tat-tmien aggravju tiegħu, l-appellant essenzjalment isostni li, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova sa fejn qieset li l-konklużjoni li kienet waslet għaliha, fir-rigward tan-natura suffiċjentement issostanzjata tal-parti tal-espożizzjoni tar-raġunijiet tal‑2021 dwar id-diversi attivitajiet mal-ISIL imwettqa mill-appellant u minn ħuh, Samer Foz, f’isem ir-reġim Sirjan, ma kinitx ikkontestata mill-argument tal-appellant, mhux issostanzjat, fis-sens li dawn l-akkużi kienu jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet infondati.

55      Issa, minn din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li din tal-aħħar kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

56      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija kunsiderazzjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni sovrana, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi prodotti mill-Kunsill, imsemmija fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li fir-rigward tagħhom, kuntrarjament għall-premessa tal-appellant fl-argumenti tiegħu u kif jirriżulta mill-punti 39 sa 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx żnaturament min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, jidher li l-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rilevanza u l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill mhux biss fil-punti 98 sa 112 tas-sentenza appellata, iżda wkoll fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(3) u fl-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, fil-punti 170 sa 176 ta’ dik is-sentenza, punti differenti dawn li ma humiex ikkontestati fil-kuntest tal-appell.

57      Fl-aħħar nett, l-appellant ma jindikax li huwa pproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali provi li din tal-aħħar naqset milli teżamina.

58      Minn dan isegwi li, bl-iskuża ta’ aggravju bbażat fuq allegat ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, l-appellant qiegħed fir-realtà jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-provi li ġew prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-valur li tathom, ħaġa din li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ma taqax fil-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.

59      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq isseba’ aggravju

–       Largumenti talpartijiet

60      Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, żnaturat iċ-ċirkustanzi fattwali dwar l-assenza ta’ rabta bejnu u bejn ħuh, Samer Foz, meta qieset li fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-appellant ma kienx sostna li kien temm ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Samer Foz jew li kien iddistakka ruħu minnu. Issa, l-appellant afferma diversi drabi fl-atti proċedurali tiegħu li huwa ma kien għad għandu l-ebda relazzjoni kummerċjali jew professjonali ma’ ħuh, Samer Foz, b’mod partikolari fil-punti 92 sa 99 tar-replika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn huwa kien indika b’mod partikolari li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors promotor tiegħu, huwa ma kien assoċjat ma’ ħuh, Samer Foz, fl-ebda impriża, kumpannija, sħubija jew proġett.

61      Skont il-Kunsill, dan l-aggravju ma huwiex fondat.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

62      Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat l-affermazzjonijiet li jinsabu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu meta qieset, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li huwa ma kienx sostna li temm ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Samer Foz jew li kien iddistakka ruħu minnu, filwaqt li huwa kien speċifikament indika fihom li huwa ma kien għad għandu ebda relazzjoni kummerċjali miegħu.

63      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt 167 huma biss waħda mir-raġunijiet insostenn tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rabta tal-appellant ma’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi, li hija bbażata essenzjalment fuq ir-raġunijiet stabbiliti fil-punti 165 u 166 ta’ dik is-sentenza li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ negozju preżenti jew passati bejn l-appellant u ħuh, Samer Foz. Issa, dawn l-aħħar raġunijiet jew ma humiex imsemmija fl-appell jew, sa fejn huma bbażati fuq il-punti 162 sa 164 tal-imsemmija sentenza, ġew ikkritikati għalxejn mill-ewwel sal-ħames u t-tmien aggravju, kif jirriżulta mill-punti 47, 51, u 59 ta’ din is-sentenza.

64      Peress li l-imsemmija raġunijiet jissostanzjaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-konklużjoni misluta fit-tieni sentenza tal-punt 167 tas-sentenza appellata, l-eventwali żnaturament invokat mill-appellant, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Minn dan isegwi li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

65      Peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

66      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

67      Skont it-talbiet tal-Kunsill, peress li l-appellant tilef, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Amer Foz huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.