Language of document : ECLI:EU:C:2024:12

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C808/21

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRepubblika Ċeka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 22 TFUE – Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat – Ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fir-Repubblika Ċeka mingħajr ma għandhom in-nazzjonalità Ċeka – Assenza ta’ dritt ta’ sħubija f’partit politiku – Kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti għaċ-ċittadini – Artikolu 10 TUE – Prinċipju ta’ demokrazija – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 12, 39 u 40 – Ġustifikazzjoni – Artikolu 4(2) TUE”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

1. ItTrattat FUE

2. IlKarta

3. IdDirettiva 93/109/KE

4. IdDirettiva 94/80/KE

B. Iddritt Ċek

1. IlLiġi dwar ilPartiti Politiċi

2. IlLiġi dwar lElezzjonijiet għallKunsilli Muniċipali

3. IlLiġi dwar lElezzjonijiet għallParlament Ewropew

III. Ilproċedura prekontenzjuża

IV. Ittalbiet talpartijiet

V. Analiżi

A. Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mirRepubblika Ċeka

1. Argumenti talpartijiet

2. Evalwazzjoni

B. Fuq ilmertu

1. Fuq ilfondatezza tarrikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

a) Argumenti talpartijiet

1) IlKummissjoni

2) IrRepubblika Ċeka

b) Evalwazzjoni

2. Fuq leżistenza ta’ limitazzjoni tależerċizzju taddrittijiet elettorali

a) Argumenti talpartijiet

1) IlKummissjoni

2) IrRepubblika Ċeka

b) Evalwazzjoni

3. Fuq ilġustifikazzjoni tarrestrizzjoni tassħubija f’partit politiku

a) Argumenti talpartijiet

1) IlKummissjoni

2) IrRepubblika Ċeka

3) IrRepubblika talPolonja, intervenjenti

b) Evalwazzjoni

VI. Fuq lispejjeż

VII. Konklużjoni

VIII. Anness I: Irregoli ta’ finanzjament talpartiti politiċi pprovduti millKummissjoni

IX. Anness II: Linformazzjoni pprovduta mirRepubblika Ċeka dwar ilkompożizzjoni tallisti u lkandidati eletti flelezzjonijiet għallParlament Ewropew u flelezzjonijiet muniċipali


I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tar-rikors tagħha eżerċitat skont l-Artikolu 258 TFUE u bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar għar-raġuni li, essenzjalment, billi ma tatx id-dritt li jkunu membri ta’ partit politiku liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma għandhomx nazzjonalità Ċeka, iżda li jirrisjedu fit-territorju tagħha (2), l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew huma inqas minn dawk taċ-ċittadini Ċeki (3).

2.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom l-opinjoni tar-Repubblika Ċeka li għandu jsir biss qari litterali tal-Artikolu 22 TFUE, fis-sens li huwa jirregola biss il-kundizzjonijiet legali ta’ kandidatura, ma tistax tiġi adottata u li, għall-kuntrarju, l-analiżi kuntestwali u teleoloġika tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq il-preġudizzju għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kandidatura, sostnut mill-Kummissjoni, huwa fondat.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      ItTrattat FUE

3.        L‑Artikolu 20 TFUE huwa fformulat kif ġej:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

[…]

b)      id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat;

[…]

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”

4.        L-Artikolu 22 TFUE jipprovdi:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.

2.      Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223[(1)] u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.”

2.      IlKarta

5.        L-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), intitolat “Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma’ oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta’ l-interessi tagħha.

2.      Il-partiti politiċi fil-livell ta’ l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.”

3.      IdDirettiva 93/109/KE

6.        Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas‑6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (5), tistabbilixxi, fir-raba’ premessa tagħha:

“Billi l-Artikolu 8b (2) tat-Trattat KE huwa biss dwar il-possibbilità li jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 138(3) tat-Trattat KE, li jipprovdi għat-twaqqif ta’ proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha għal dawn l-elezzjonijiet;

Billi essenzjalment ifittex li jabolixxi l-ħtieġa tan-nazzjonalità li bħalissa teżisti fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri sabiex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet”.

7.        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tipprovdi l-arranġamenti dettaljati li bihom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu m’humiex ċittadini jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot u għall-Kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.”

4.      IdDirettiva 94/80/KE

8.        Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad‑19 ta’ Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini ta’ l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (6), tistabbilixxi, fil-ħames premessa tagħha:

“Billi l-iskop ta’ l-Artikolu 8b (1) huwa li jassigura illi ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini ta’ l-Istati Membri fejn joqogħdu u kemm jekk mhumiex, jistgħu jeżerċitaw f’dak l-Istat id-dritt tagħhom tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali taħt l-istess kondizzjonijiet; billi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni mhux ċittadini, inklużi dawk dwar il-perijodu u l-prova ta’ residenza, għandhom għalhekk ikunu identiċi għal dawk, jekk hemm, li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru kkonċernat; billi persuni li mhumiex ċittadini m’għandhomx ikunu meħtieġa li jimxu ma’ kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali sakemm, bħala eċċezzjoni, trattament differenti bejn ċittadini u dawk li mhumiex tkun ġustifikata b’ċirkustanzi speċifiċi għal dawn ta’ l-aħħar li jiddistingwuhom minn dawk ta’ l-ewwel”.

9.        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom ċittadini ta’ l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini tiegħu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joqogħdu bħala kandidati hemmhekk f’elezzjonijiet muniċipali.”

B.      Iddritt Ċek

1.      IlLiġi dwar ilPartiti Politiċi

10.      L-Artikolu 1(1) taż-zákon č. 424/1991 Sb., o sdružování v politických stranách a v politických hnutích (il-Liġi Nru 424/1991 dwar l-Assoċjazzjonijiet f’Partiti Politiċi u f’Movimenti Politiċi) tat‑2 ta’ Ottubru 1991, kif emendata (7), jipprevedi:

“Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jassoċjaw ruħhom f’partiti politiċi u f’movimenti politiċi (iktar ’il quddiem ‘partiti u movimenti’). L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-ħajja politika tas-soċjetà, b’mod partikolari fil-kostituzzjoni ta’ korpi leġiżlattivi u ta’ korpi ta’ awtoritajiet territorjali reġjonali u lokali […]”

11.      L-Artikolu 2(3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Kull ċittadin li għandu iktar minn 18‑il sena jista’ jissieħeb f’partit jew f’moviment; madankollu, madankollu huwa jista’ jissieħeb biss f’partit jew f’moviment wieħed.”

2.      IlLiġi dwar lElezzjonijiet għallKunsilli Muniċipali

12.      L-Artikolu 20(1) taż-zákon č. 491/2001 Sb., o volbách do zastupitelstev obcí a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 491/2001 dwar l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Muniċipali u li Temenda Ċerti Liġijiet) tas‑6 ta’ Diċembru 2001, kif emendata (8), jipprovdi:

“Jistgħu jikkostitwixxu partit elettorali skont din il-liġi l-partiti politiċi u l-movimenti politiċi rreġistrati […], li l-attivitajiet tagħhom ma kinux sospiżi, kif ukoll il-koalizzjonijiet ta’ dawn il-partiti, ta’ kandidati indipendenti, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ kandidati indipendenti jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ partiti politiċi jew movimenti politiċi u ta’ kandidati indipendenti.”

3.      IlLiġi dwar lElezzjonijiet għallParlament Ewropew

13.      L-Artikolu 21(1) taż-zákon č. 62/2003 Sb., o volbách do Evropského parlamentu a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 62/2003 dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u li Temenda Ċerti Liġijiet) (9) tat‑18 ta’ Frar 2003, jipprovdi:

“Il-listi tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jistgħu jiġu ppreżentati minn partiti politiċi u minn movimenti politiċi rreġistrati li l-attivitajiet tagħhom ma kinux sospiżi […], kif ukoll mill-koalizzjonijiet tagħhom […]”

14.      L-Artikolu 22(2) u (3) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“(2)      Il-lista tal-kandidati għandha tkun akkumpanjata minn dokument ta’ sostenn tan-nazzjonalità tal-kandidat u minn dikjarazzjoni ffirmata mill-kandidat li tindika li huwa jagħti l-kunsens għall-kandidatura tiegħu, li ma għandux għarfien ta’ ostakoli għall-kandidatura tiegħu, jekk ikun il-każ li dawn l-ostakoli ser ikunu spiċċaw fil-jum tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u li huwa ma talabx li jkun fuq lista oħra ta’ kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u dan lanqas fi Stat Membru ieħor. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-kandidat għandu jindika wkoll il-post ta’ residenza tiegħu jew, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, il-post ta’ residenza tiegħu u d-data tat-twelid tiegħu. Id-dikjarazzjoni tal-kandidat tista’ ssir bil-lingwa Ċeka jew b’waħda mil-lingwi tal-ħidma tal-Unjoni […] skont l-Artikolu 4.

(3)      Jekk il-kandidat huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jindika fid-dikjarazzjoni tiegħu l-post tat-twelid tiegħu u l-indirizz tal-aħħar post ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, huwa għandu jehmeż dikjarazzjoni li fiha għandu jindika li ma tneħħilux id-dritt tal-kandidatura tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u għandu jehmeż mal-lista tal-kandidati d-dokumenti msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2.”

III. Ilproċedura prekontenzjuża

15.      Fl‑2010, il-Kummissjoni eżaminat, fil-kuntest tas-sistema EU Pilot 1300/10/JUST, il-kompatibbiltà mal-Artikolu 22 TFUE tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki biss.

16.      Peress li l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ċeka ma neħħietx id-dubji tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 22 TFUE, hija bagħtitlu, fit‑22 ta’ Novembru 2012, ittra ta’ intimazzjoni. Fl-osservazzjonijiet bi tweġiba tiegħu tat‑22 ta’ Jannar 2013, dan l-Istat Membru kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni, minħabba n-nuqqas ta’ qbil tiegħu dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, u b’mod iktar partikolari, dwar dik tal-espressjoni “taħt l-istess kondizzjonijiet” li tinsab fih. Huwa argumenta li l-imsemmi artikolu ma jimplikax l-obbligu li l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jsiru membri ta’ partiti politiċi u li joħolqu partiti politiċi.

17.      Fit‑22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija sostniet li r-Repubblika Ċeka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 22 TFUE billi ċaħdet liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mid-dritt li joħolqu partit politiku jew moviment politiku u mid-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku jew ta’ moviment politiku.

18.      Fit-tweġiba tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2014, ir-Repubblika Ċeka indikat li l-miżuri li hija kienet ħadet kellhom ikunu kkunsidrati bħala proporzjonati u għalhekk konformi mad-dritt tal-Unjoni.

19.      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja talab lir-Repubblika Ċeka tinformah b’eventwali żvilupp tal-pożizzjoni tagħha jew b’emendi leġiżlattivi adottati sabiex tiżgura d-drittijiet inkwistjoni liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.

20.      Peress li ma rċevietx tweġiba għal din l-ittra, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors filwaqt li llimitat s-suġġett tiegħu għal-limitazzjoni tal-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki biss. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dritt li dawn iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni joħolqu partit politiku, imqajma matul il-fażijiet preċedenti tal-proċedura, hija rriżervat il-possibbiltà li tinvokaha fil-kuntest ta’ proċedura distinta.

IV.    Ittalbiet talpartijiet

21.      Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tikkonstata li “billi ċaħdet liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika Ċeka iżda li huma residenti fir-Repubblika Ċeka d-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku jew moviment politiku [(10)], [dan l-Istat Membru] [naqas] milli [jissodisfa] l-obbligi [tiegħu] taħt l-Artikolu 22 [TFUE]”, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

22.      Ir-Repubblika Ċeka titlob, prinċipalment, l-inammissibbiltà tar-rikors, u sussidjarjament, li dan jiġi miċħud bħala infondat. Hija titlob ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

24.      Għal dan il-għan, fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 TFUE, dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali skont id-dritt Ċek kif ukoll dwar is-setgħat idderivati mill-Artikolu 22 TFUE u mill-“affiljazzjoni” ma’ partit politiku.

25.      Il-Kummissjoni tikkonkludi l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn it-tliet serje ta’ argumenti billi ssostni t-talbiet tar-rikors tagħha.

V.      Analiżi

26.      Insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE u li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku liċ-ċittadini Ċeki biss, il-Kummissjoni tesponi li dan l-Istat Membru jikser din id-dispożizzjoni billi ma josservax il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li jimponilu li jiggarantixxi liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni d-dritt li jkunu kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu.

27.      Hija tenfasizza l-importanza tal-possibbiltà ta’ sħubija f’partit waqt l-elezzjonijiet u targumenta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 12(2) tal-Karta jistabbilixxi li fil-livell tal-Unjoni, il-partiti politiċi jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

A.      Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mirRepubblika Ċeka

1.      Argumenti talpartijiet

28.      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li minkejja li l-Kummissjoni tibbaża formalment ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 22 TFUE, madankollu, hija tinvoka, fit-test tar-rikors tagħha, il-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

29.      Dan l-Istat Membru jqis li, fin-nuqqas ta’ argumenti li jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 22 TFUE, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11) jillimita ruħu li japplika għad-dritt tal-vot u tal-kandidatura l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-Kummissjoni allegat fir-realtà, fir-rigward tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku, ksur ta’ dan il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE u ksur tal-Artikolu 12(1) tal-Karta.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-Repubblika Ċeka, il-bażi tar-rikors ma tinftihemx u hija differenti minn dak trattat fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura. Hija tesponi lill-Qorti tal-Ġustizzja għar-riskju li tiddeċiedi ultra petita.

31.      Skont il-Kummissjoni, kemm mir-rikors tagħha kif ukoll mit-talbiet tagħha jirriżulta b’mod ċar li l-liġi Ċeka li tagħti d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku liċ-ċittadini Ċeki biss hija inkompatibbli mal-Artikolu 22 TFUE u li, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tikkunsidra dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll id-drittijiet fundamentali (12).

2.      Evalwazzjoni

32.      Ir-Repubblika Ċeka tqis li diversi sisien tar-rikors jirriżultaw minn motivi tar-rikors li huma f’kontradizzjoni mat-talbiet tagħha.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi konsistentement (13) li:

–        skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ din id-dispożizzjoni, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Tali indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu redatti b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq motiv, u

–        fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, kundizzjoni neċessarja sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

34.      F’dan il-każ, mill-motivi tar-rikors jirriżulta, mingħajr ambigwità u b’konkordanza mal-opinjoni motivata, li l-Artikolu 22 TFUE, li fuqu huwa bbażat, għandu jiġi interpretat billi jitqiegħed fil-kuntest tiegħu u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet eżistenti mal-Karta u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 12(1) tagħha.

35.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni argumentat li, fid-dawl tar-rwol ċentrali u fundamentali li jgawdu l-partiti politiċi fis-sistemi elettorali tal-Istati Membri u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jista’ joħroġ għall-elezzjonijiet fl-Istat ta’ residenza tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat jekk ma jistax joħroġ bħala membru ta’ partit politiku fl-imsemmi Stat, peress li din is-sitwazzjoni għandha effett negattiv fuq il-possibbiltajiet li jiġi elett.

36.      Għalhekk, minn dan ma jirriżultax li huwa allegat ksur tal-Artikolu 12(1) tal-Karta (14).

37.      Barra minn hekk, l-ekwivoku invokat mir-Repubblika Ċeka donnu huwa marbut mal-analiżi tagħha stess tal-bażi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat, li fil-fehma tagħha, għandha tkun l-Artikolu 18 TFUE. Għalhekk, din hija eċċezzjoni li dan l-Istat seta’ jsostni b’mod effettiv u li għandha tkun is-suġġett ta’ eżami tal-mertu u mhux fl-istadju tal-ammissibbiltà tar-rikors.

38.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

B.      Fuq ilmertu

1.      Fuq ilfondatezza tarrikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

a)      Argumenti talpartijiet

1)      IlKummissjoni

39.      Dik l-istituzzjoni tfakkar li l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE jeżiġu speċifikament li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu jistgħu joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew “taħt l-istess kondizzjonijiet” (15) bħaċ-ċittadini nazzjonali. Hija tirrikonoxxi li l-Artikolu 22 TFUE ma jippreċiżax il-modalitajiet konkreti differenti li abbażi tagħhom għandha tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament, iżda hija tqis li huwa jistabbilixxi obbligu ġenerali u universali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan l-obbligu jimponi li l-Istati Membri, fl-assenza ta’ lista eżawrjenti ta’ rekwiżiti fosthom dak relatat mas-sħubija f’partit politiku, jiżguraw li r-regoli eżistenti jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni jivvotaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom.

40.      Għalhekk, sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmi obbligu huwa effettivament osservat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza fi Stat Membru ta’ ostakoli ta’ liġi jew ta’ fatt li jirrendu impossibbli jew diffiċli, għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, li jużaw waħda mill-forom ta’ kandidatura formalment disponibbli skont id-dritt nazzjonali (16).

41.      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, minn naħa, li minkejja li huma l-Istati Membri li effettivament għandhom jirregolaw l-aspetti relatati mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li ma humiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, waqt li jagħmlu dan, huma għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (17). Min-naħa l-oħra, miżura nazzjonali li tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni mill-interess ġenerali biss jekk din il-miżura tkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (18).

42.      F’dan ir-rigward, hija targumenta li l-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt li wieħed joħloq partit politiku u tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku jikkostitwixxu b’mod ċar limitazzjonijiet tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (19).

43.      Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tar-rwol ċentrali u fundamentali li jgawdu l-partiti politiċi fis-sistemi elettorali tal-Istati Membri, ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jista’ joħroġ għall-elezzjonijiet fl-Istat ta’ residenza tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat jekk ma jistax joħroġ bħala membru ta’ partit politiku fl-imsemmi Stat.

44.      Għalhekk, hija targumenta li:

–        fl-Istati Membri kollha, il-partiti politiċi jibqgħu forma essenzjali ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja politika u l-mezz l-iktar komuni użat għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet bħala kandidati, u

–        l-importanza tal-partiti politiċi kienet għalhekk irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (20) u enfasizzata fil-Linji Gwida dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Partiti Politiċi tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia) (21).

45.      Il-Kummissjoni żżid li r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tal-KEDB, li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, li għandu jsir riferiment għalihom skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, manifestament ma japplikawx f’dan il-każ.

46.      Bi tweġiba għall-argumenti relatati mal-portata limitata tal-Artikolu 22 TFUE marbuta mal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ attività politika (22), il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 93/109 u 94/80, li jirregolaw kwistjonijiet ta’ natura amministrattiva jew proċedurali fir-rigward tad-drittijiet elettorali inkwistjoni, ma jkoprix il-portata kollha tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tirriżulta mill-Artikolu 22 TFUE. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni ma jistax iservi bħala bażi jew raġuni għal interpretazzjoni restrittiva tal-portata tad-dritt primarju (23). Barra minn hekk, minn naħa, tali raġunament iwassal sabiex ikollhom jiġu ammessi diskriminazzjonijiet li jirrigwardaw regoli oħra, bħal dawk relatati mal-kampanja elettorali fil-qasam, pereżempju, ta’ laqgħat jew viżwal. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tiddeduċi mis-sentenza Eman u Sevinger (24), li dan għandu bħala suġġett id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

47.      It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta li r-restrizzjoni tal-attività politika taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tista’ tiġi ammessa mill-Artikolu 16 tal-KEDB (25) u tenfasizza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni” u d-drittijiet marbutin miegħu. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li hija ma tikkontestax li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, iżda hija tinsisti dwar il-fatt li l-portata tal-miżuri adottati ma tistax tkun tali li tikkomprometti l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew. Hija tirrileva wkoll li, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka u ta’ Stat Membru ieħor, ebda Stat Membru ma jipprevedi tali restrizzjoni.

48.      It-tielet nett, fir-rigward tal-aspett kostituzzjonali tal-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-partiti politiċi minħabba l-importanza tagħhom fil-livell nazzjonali, iġġustifikata permezz tar-referenza mir-Repubblika Ċeka għas-sentenza tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) (26), il-Kummissjoni tirrileva li, fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, huwa indikat espressament li s-suġġett tal-proċedura kien id-deċiżjoni li jiġu emendati l-istatuti tal-imsemmi partit u mhux “allegat ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni […] fil-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali”. Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Listina základních práv a svobod (il-Karta tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali), li tifforma parti mill-ordinament kostituzzjonali Ċek, min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li tipprovdi li s-sħubija ta’ persuni li ma humiex ċittadini Ċeki hija pprojbita, il-Kummissjoni tosserva li l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) ma ddeċidietx dwar tali interpretazzjoni u li din kienet is-suġġett ta’ opinjonijiet ġuridiċi diverġenti (27).

2)      IrRepubblika Ċeka

49.      Skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 22 TFUE ma jkoprix il-kwistjoni tas-sħubija f’partit politiku. Fl-ewwel lok, huwa jibbaża ruħu fuq il-ġenesi u l-konsistenza tal-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni (28). Sa mill-ewwel inklużjoni tagħhom fid-dritt primarju fl-Artikolu 8 B KE, kif emendat mit-Trattat ta’ Maastricht, sat-Trattat ta’ Lisbona li bl-effett tiegħu jinsabu fl-Artikolu 22 TFUE, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma stabbiliti fl-istess termini.

50.      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka targumenta li l-interpretazzjoni tagħha tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE u mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni espressa mingħajr ekwivoku fil-premessi tad-Direttivi 93/109 u 94/80 (29). L-għan huwa li titneħħa kwalunkwe kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura, mingħajr ma jkunu kkonċernati aspetti oħra, fosthom il-kundizzjonijiet ta’ sħubija f’partit politiku (30). Barra minn hekk, dan il-leġiżlatur indika espressament li, fil-qasam, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

51.      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-imsemmi leġiżlatur ippreċiża wkoll fl-Artikolu 22 TFUE li d-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura inkwistjoni għandhom jiġu eżerċitati “skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill” (31). Issa, dawn huma preċiżament il-modalitajiet tad-Direttivi 93/109 u 94/80, li ma jagħmlu ebda riferiment għall-possibbiltà li d-dritt previst fl-Artikolu 22 TFUE jista’ jkollu xi effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ sħubija f’partit politiku.

52.      Fir-raba’ lok, il-portata hekk limitata tal-Artikolu 22 TFUE u tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni hija konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 4(2) TUE (32), li permezz tiegħu l-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom. Issa, il-leġiżlazzjoni relatata mal-funzjonament tal-partiti politiċi hija l-pedament ta’ dawn l-istrutturi (33) u l-Artikolu 16 tal-KEDB jirrikonoxxi wkoll li l-partijiet kontraenti jistgħu jimponu restrizzjonijiet fuq l-attività politika tal-barranin. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi eċċezzjoni li ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv fis-sens li hija tkopri kull attività politika (34). L-invokazzjoni, kif tagħmel il-Kummissjoni, tan-numru ta’ Stati Membri li ma adottawx tali pożizzjoni ma hijiex rilevanti.

53.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iċċitata mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-partiti politiċi huma fundamentali għall-elezzjonijiet fil-livell nazzjonali. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, dan ma huwiex dak li japplika għalih id-dritt tal-Unjoni.

54.      Fl-aħħar nett, id-dritt tal-Istati Membri li jirriżervaw għaċ-ċittadini tagħhom il-parteċipazzjoni fil-pjattaforma ewlenija għall-attività politika nazzjonali, jiġifieri l-partiti politiċi, huwa direttament marbut mal-possibbiltà li l-kandidatura tiġi limitata għall-elezzjonijiet tal-korpi leġiżlattivi, li huwa ammess mill-Kummissjoni, u dik li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jiġu esklużi mill-pożizzjonijiet ta’ korpi amministrattivi tal-komuni skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 94/80.

55.      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkompleta l-argument tagħha li l-bażi legali sostantiva ta’ dan ir-rikors għandha tkun l-Artikolu 18 TFUE (35). Minn naħa, hija tiddeduċi mis-sentenza Eman u Sevinger (36), li dan l-artikolu japplika għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, mill-perspettiva ta’ eventwali diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bħal, pereżempju, ir-reklamar elettorali.

56.      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tintgħażel id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli bejn dik li tistabbilixxi l-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni u d-dispożizzjonijiet speċjali tad-dritt primarju, huwa essenzjali li jkun magħruf jekk il-persuna kkonċernata kisbitx “status” (37), previst minn dispożizzjoni speċjali (38), bħal fost oħrajn, dak ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE jew dak ta’ persuna stabbilita fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

57.      Għaldaqstant, skont ir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 22 TFUE japplika għal ċittadin “mobbli” tal-Unjoni biss meta huwa jikseb l-istatus ta’ votant jew ta’ kandidat f’elezzjoni. L-istatus ta’ kandidat ma jistax jiddependi fuq is-sħubija f’partit politiku ladarba din ma tagħtix garanzija li l-persuna kkonċernata ser tkun f’lista ta’ kandidati (39).

b)      Evalwazzjoni

58.      Dan ir-rikors jirrigwarda l-konsegwenzi fir-rigward tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew li jirriżultaw mid-dritt ta’ sħubija f’partit politiku li, skont il-liġi Ċeka, ma huwiex mogħti liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. Din il-projbizzjoni għandha l-effett, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn iċ-ċittadini ma jeżerċitawx id-dritt tal-kandidatura tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet “taħt l-istess kondizzjonijiet” bħaċ-ċittadini Ċeki, fis-sens tal-Artikolu 22 TFUE?

59.      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, is-sħubija f’partit politiku taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (40).

60.      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat x’rekwiżiti jirriżultaw mill-Artikolu 22 TFUE, invokat mill-Kummissjoni.

61.      Skont il-formulazzjoni tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE huwa limitat biss għall-elezzjonijiet li huwa jsemmi, jiġifieri l-elezzjonijiet muniċipali (paragrafu 1) u dawk għall-Parlament Ewropew (paragrafu 2), u jeskludi għalhekk l-elezzjonijiet leġiżlattivi jew presidenzjali.

62.      Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza li jistabbilixxi l-Artikolu 22 TFUE għandux jinftiehem li jkopri l-kundizzjonijiet kollha li fihom kull ċittadin “mobbli” tal-Unjoni jista’ joħroġ fl-elezzjonijiet jew jekk jirrigwardax biss il-kundizzjonijiet legali ta’ kandidatura.

63.      Għalhekk, għandu jiġi ddefinit il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri peress li l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (41) kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti mid-Direttivi 93/109 u 94/80, rispettivament.

64.      L-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq qari litterali tal-Artikolu 22 TFUE, li dawn id-direttivi jirrestrinġu l-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit minn din id-dispożizzjoni, għandu qabel kollox jiġi eskluż minħabba l-ġerarkija tar-regoli, ġustament sostnuta mill-Kummissjoni, li permezz tagħha id-dritt sekondarju ma jistax jirrestrinġi dritt irrikonoxxut mit-Trattat (42).

65.      Għalhekk, l-imsemmija direttivi sempliċement jiddefinixxu qafas minimu li fih huwa kkonkretizzat il-prinċipju ta’ ugwaljanza għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura (43).

66.      Iżda, fuq kollox, l-oriġini tal-Artikolu 22 TFUE u l-iżvilupp tal-kuntest ġuridiku li fih jaqa’ l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni juru, b’mod ċar ħafna sa mit-Trattat ta’ Lisbona, li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ pedamenti li fuqhom hija bbażata, jiġifieri, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-demokrazija rappreżentattiva.

67.      Fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Kummissjoni tipprevalixxi ruħha, ġustament, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE, li jistabbilixxi li din iċ-ċittadinanza (44) tagħti, fost drittijiet oħra, it-tgawdija tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.

68.      Din ir-rabta maċ-ċittadinanza ilha tinsab fid-dritt primarju sa mit-Trattat ta’ Maastricht, iffirmat fis‑7 ta’ Frar 1992 (45). Sa mill-bidu, din kienet marbuta mad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (46) u mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, li huwa l-komponent ta’ kull libertà ta’ moviment.

69.      Madankollu, l-imsemmija rabta ħadet dimensjoni partikolari minħabba emendi introdotti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona minħabba l-volontà tal-Istati Membri intiżi b’mod partikolari sabiex jagħtu post prominenti liċ-ċittadinanza. Fil-fatt, minn naħa, fit-Trattat UE żdied it-Titolu II intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi”, li jinkludi l-Artikolu 9, li jipprovdi, “[f]l-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex”. Id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 24 TFUE, li jikkorrispondu għall-Artikoli 17 sa 21 KE. Id-drittijiet taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fl-Artikolu 20(2) u fl-Artikolu 22 TFUE.

70.      Min-naħa l-oħra, kull wieħed minn dawn id-drittijiet jinsab ukoll fit-Titolu V tal-Karta (47), intitolat “Ċittadinanza”. Id-drittijiet taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fiha fl-Artikoli 39 (48) u 40 (49) f’termini ġenerali.

71.      Għaldaqstant, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 22 TFUE għandhom jiġu analizzati bħala drittijiet fundamentali u bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inerenti għall-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (50).

72.      Ir-repetizzjoni tagħhom fit-Trattat UE u fil-Karta huwa intiż ukoll sabiex jistabbilixxi rabtiet ma’ drittijiet jew prinċipji oħra stabbiliti fihom, bħall-ugwaljanza u d-demokrazija, li huma valuri komuni tal-Istati Membri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (51).

73.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi, sa mit-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 10 TUE jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva” (52) u jirrikonoxxi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkunu direttament irrappreżentati fil-Parlament Ewropew u li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

74.      Għalhekk, minħabba l-kombinazzjoni mwettqa mit-Trattat ta’ Lisbona, tal-inqas għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, bejn id-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-prinċipji demokratiċi fi ħdan l-Unjoni, l-għan li tiġi żgurata rappreżentanza effettiva taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huwa espress b’mod ċar.

75.      Il-Kummissjoni targumenta, ġustament, li din ir-rappreżentanza hija l-korollarju tal-integrazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-Istat ta’ residenza tagħhom, kif enfasizzat fil-premessi tad-Direttivi 93/109 u 94/80 (53). B’mod iktar partikolari fil-livell lokali, id-drittijiet politiċi rrikonoxxuti lil dawn iċ-ċittadini huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali tal-imsemmija ċittadini li għażlu li jirrisjedu fi Stat Membru li ma għandhomx in-nazzjonalità tiegħu. Minn din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat ukoll l-għan imfakkar f’dawn il-premessi, jiġifieri dak “li jevitaw kwalunkwe polarizzazzjoni bejn listi ta’ kandidati ta’ ċittadinanza u oħrajn li mhumiex”.

76.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni tista’, ġustament, issostni, abbażi tal-Artikolu 22 TFUE, imqiegħed fil-kuntest tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-prinċipji demokratiċi stabbiliti fit-Trattati, li l-garanzija tal-ugwaljanza tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni għandha tiġi tradotta, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista ta’ kriterji indikattivi, jew saħansitra eżawrjenti, fl-obbligu ġenerali li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ma tiġix skoraġġuta permezz ta’ diversi fatturi (54).

77.      Fi kliem ieħor, l-Artikolu 22 TFUE għandu jinftiehem fis-sens li kwalunkwe ostakolu fl-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali lil hinn mill-kuntesti stabbiliti mid-Direttivi 93/109 u 94/80, minħabba n-nazzjonalità, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati (55), li huwa pprojbit.

78.      Peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn ir-regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni previsti mit-Trattat FUE, l-Artikolu 18 ta’ dan it-trattat, invokat mir-Repubblika Ċeka, ma huwiex applikabbli, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (56). Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġi mfittex xi “status” partikolari għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 TFUE, peress li l-ugwaljanza tad-drittijiet fil-qasam elettorali tirriżulta mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (57).

79.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, xorta għandha tiġi eżaminata l-analiżi tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-impossibbiltà ta’ sħubija f’partit politiku hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

80.      F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu dwar il-konstatazzjoni li l-possibbiltajiet li wieħed jidħol f’karigi eletti fil-livell lokali jew Ewropew jiddependu mill-grad ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma kandidati, kemm jekk fi ħdan partit kif ukoll b’mod indipendenti.

81.      Madankollu, jiena tal-opinjoni, bħall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia (58), mhux ikkritikati mir-Repubblika Ċeka, li l-aċċess għall-mezzi li għandhom il-partiti politiċi jikkostitwixxi element essenzjali sabiex jiffavorixxi l-kandidaturi fl-elezzjonijiet (59) muniċipali jew għall-Parlament Ewropew.

82.      Barra minn hekk, kif argumentat il-Kummissjoni billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rwol tal-partiti politiċi huwa primordjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi fl-Istati Membri (60). Fil-livell tal-Unjoni, dan ir-rwol huwa rrikonoxxut b’mod ċar fl-Artikolu 10(4) TUE (61), li jikkorrispondi għall-Artikolu 12(2) tal-Karta (62).

83.      Fil-fatt, rabta manifesta teżisti bejn dan l-artikolu tal-Karta u l-Artikoli 39 u 40 (63) tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u għar-raġunijiet diġà esposti (64), kif ukoll f’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, kull Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE.

84.      Għalhekk, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li r-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, flimkien mal-Artikolu 11 (65) tagħha dwar il-libertà ta’ espressjoni. Dawn il-libertajiet huma partikolarment protetti minħabba r-rwol primordjali tagħhom fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija (66). L-Artikolu 12(2) tal-Karta juri varjazzjoni ta’ din ir-rabta għal dak li jirrigwarda l-partiti politiċi Ewropej.

85.      Dan id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-KEDB u għalhekk għandhom jiġu rrikonoxxuti għalih l-istess sens u l-istess portata bħal dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta (67).

86.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista, sa fejn jippermetti liċ-ċittadini jaġixxu kollettivament f’oqsma ta’ interess komuni u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika (68).

87.      Għalhekk, huwa wkoll fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tal-Karta li għandu jiġi evalwat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-impossibbiltà legali għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jissieħbu f’partit politiku fir-Repubblika Ċeka tikkompromettix l-ugwaljanza, maċ-ċittadini Ċeki, tal-kundizzjonijiet tal-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew, b’mod partikolari sa fejn hija tnaqqas b’mod sostanzjali l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti.

2.      Fuq leżistenza ta’ limitazzjoni tależerċizzju taddrittijiet elettorali

a)      Argumenti talpartijiet

1)      IlKummissjoni

88.      B’mod konkret, il-Kummissjoni tenfasizza tliet tipi ta’ vantaġġi li s-sħubija f’partit politiku toffri sabiex wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet.

89.      L-ewwel nett, il-kandidati msieħba f’partit politiku stabbilit jistgħu japprofittaw mit-tradizzjoni, l-immaġni u l-istrutturi soċjo-organizzattivi assoċjati ma’ dan il-partit. Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li, mingħajr rabta ma’ individwu, l-isem waħdu ta’ partit huwa suffiċjenti sabiex jikkaratterizza ċerti valuri jew approċċi tal-politika.

90.      It-tieni nett, dawn il-kandidati jistgħu jibbenefikaw mill-apparat elettorali u mir-riżorsi tal-partiti politiċi. Għalhekk, dawn isostnu lill-kandidati ħerġin għall-elezzjonijiet permezz tal-esperjenza tagħhom, l-infrastruttura tagħhom u l-proċeduri operattivi speċifiċi tagħhom (pereżempju, networks, midja u sistemi ta’ komunikazzjoni).

91.      It-tielet nett, peress li l-partiti politiċi huma atturi politiċi magħrufa, ħafna drabi jibbenefikaw, skont id-dritt nazzjonali, minn privileġġi speċifiċi, bħal vantaġġi finanzjarji, sistema fiskali speċjali u aċċess għall-midja. Fir-rigward tal-finanzjament fir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni tinvoka diversi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-partiti (69).

92.      Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, għall-kuntrarju taċ-ċittadini membri ta’ partiti politiċi stabbiliti, iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, li fir-Repubblika Ċeka huma kostretti joħorġu bħala kandidati indipendenti, iridu joħolqu u jistabbilixxu l-identità politika rispettiva tagħhom, jiżviluppaw l-organizzazzjoni rispettiva tagħhom sabiex iwettqu kampanja elettorali, b’aċċess mingħajr privileġġi partikolari għall-finanzjament u għall-midja.

93.      Barra minn hekk, dik l-istituzzjoni tenfasizza diversi diffikultajiet dwar il-listi li jirrigwardaw il-kandidati indipendenti. Hija tippreċiża li, fl-elezzjonijiet muniċipali, huma biss għandhom jippreżentaw petizzjoni ffirmata mill-votanti li jsostnu l-kandidatura tagħhom. In-numru ta’ dawn il-firmatarji jiddependi mill-kobor tal-lokal li fih joħroġ il-kandidat (70).

94.      Barra minn hekk, hija tqis li ma hemmx dubju li, għall-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ partit politiku, il-kandidati indipendenti jinsabu f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla mal-kandidati membri ta’ dak il-partit peress li jiddependu mid-deċiżjoni tal-imsemmi partit sabiex jiġu inklużi fil-lista tiegħu u għad-determinazzjoni tal-post tagħhom f’din il-lista, mingħajr ma jista’ jkollhom xi tip ta’ influwenza fi ħdan l-istess partit.

95.      Hija tenfasizza wkoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-listi ta’ kandidati u fuq il-karti tal-vot jiġi indikat li persuna toħroġ bħala kandidat indipendenti jew “persuna mingħajr timbru” fil-lista ta’ partit politiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-għażla ta’ prioritajiet u orjentazzjonijiet politiċi, il-kredibbiltà tal-kandidati indipendenti hija inqas minn dik ta’ msieħeb, li jista’ jieħu vantaġġ, f’għajnejn il-votanti tiegħu, mir-rwol attiv tiegħu fil-partit tiegħu (71).

96.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrapporta l-konstatazzjoni tal-Kancelář Veřejného ochránce práv (l-Uffiċċju Ċek tal-Ombudsman) li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma żvantaġġjati waqt l-elezzjonijiet kif ukoll l-opinjoni tiegħu dwar id-diskriminazzjoni diretta mġarrba minnhom waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew minħabba n-nomina ta’ kandidati mill-partiti politiċi biss (72).

97.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tiċħad kull argument ibbażat fuq prattiki elettorali. Fl-ewwel lok, hija tfakkar li d-differenza fit-trattament toriġina mil-liġi inkwistjoni li minnha jirriżulta li ċittadin Ċek jista’ jagħżel li jissieħeb f’partit politiku u jirrappreżenta dan il-partit fl-elezzjonijiet, jew li jibqa’ indipendenti u jaċċetta, eventwalment, offerta ta’ inklużjoni bħala kandidat “mhux affiljat” fil-lista ta’ partit politiku li jagħmel din it-talba, filwaqt li ċittadin “mobbli” tal-Unjoni, min-naħa tiegħu, ma għandux din il-possibbiltà u jista’ joħroġ biss bħala indipendenti jew jittama li jirċievi offerta mill-partit politiku li tiegħu jixtieq isir membru sabiex jaċċettah bħala kandidat “mhux affiljat”.

98.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-oneru tal-prova, hija tikkunsidra li, fil-każ ta’ diskriminazzjoni de jure bħal dik invokata, ma huwiex neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi pprovduta b’data statistika dwar in-numru ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li, fil-prattika, ġarrbu dannu minħabba tali diskriminazzjoni diretta. Hija żżid li huwa prattikament impossibbli li jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadini “mobbli” tal-Unjoni kienu skoraġġuti milli joħorġu fl-elezzjonijiet minħabba l-impossibbiltà li jissieħbu f’partit politiku (73).

99.      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li d-data statistika pprovduta mir-Repubblika Ċeka (74) ma hijiex rilevanti fil-preżenza ta’ diskriminazzjoni de jure. Peress li hija marbuta mad-diskriminazzjoni b’mod vag u indirett, din pjuttost tikkonferma l-pożizzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li din l-istatistika tirrigwarda b’mod ġenerali l-“persuni mingħajr affiljazzjoni politika”, mingħajr ma huwa possibbli li jiġi identifikat kemm minnhom huma ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li s-sitwazzjoni tagħhom hija prevista minn dan ir-rikors. Barra minn hekk, l-eżami ddettaljat tagħha ta’ din id-data twassalha sabiex tirrileva, essenzjalment, għal dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li:

–        kważi żewġ terzi tal-kandidati kienu ħarġu fil-kuntest ta’ partit politiku;

–        fi tlieta minn erba’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-proporzjon ta’ persuni eletti kien inqas fost il-kandidati indipendenti milli fost dawk li huma membri ta’ partiti politiċi, u

–        il-kandidati indipendenti eletti fil-Parlament Ewropew huma ħafna drabi personalitajiet li jibbenefikaw minn reputazzjoni u popolarità eċċezzjonali (75).

100. Fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali, il-Kummissjoni taqbel li l-konoxxenza tal-personalitajiet lokali tiddetermina iktar faċilment l-għażla tal-votanti. Madankollu, hija tqis li dan juri li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni għandhom preċiżament bżonn ikbar li jissieħbu f’partit politiku sabiex ikollhom iktar opportunitajiet li jiġu eletti.

2)      IrRepubblika Ċeka

101. Wara li rrileva mill-ġdid li dan ir-rikors ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet legali ta’ eżerċizzju tad-drittijiet elettorali, dan l-Istat Membru jenfasizza, qabelxejn, li l-persuni mhux membri ta’ partit politiku jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-vantaġġi li l-Kummissjoni ssemmi fir-rikors tagħha, u dan billi jiġu inklużi fil-lista ta’ kandidati ta’ kwalunkwe partit u li din hija prattika komuni fit-territorju tiegħu (76).

102. Imbagħad, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-ksur invokat mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet u allegazzjonijiet mhux fondati (77). Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet dwar ir-realtajiet lokali mogħtija sa mill-fażi prekontenzjuża ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, minkejja li juru li hija żbaljata meta ssostni li s-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-kandidati indipendenti hija inkontestabbli.

103. Hija tipprovdi diversi elementi konkreti sabiex tiġġustifika li “persuni mingħajr affiljazzjoni politika” fir-Repubblika Ċeka huma b’mod regolari kandidati fuq nett tal-lista tal-partiti politiċi ewlenin, li ħafna drabi jiġu eletti u jokkupaw imbagħad karigi importanti fl-istituzzjoni li fiha jkunu ġew eletti (78). Dan l-Istat Membru jikkonkludi minn dan li s-suċċess ta’ kandidat fl-elezzjonijiet ma jiddependix mis-sħubija tiegħu f’partit politiku, iżda pjuttost minn fatturi bħall-opinjonijiet u l-personalità tiegħu.

b)      Evalwazzjoni

104. Skont ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ma tipproduċix provi tal-effetti prattiċi tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni fuq il-kandidatura taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.

105. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi ppruvata, fil-każ fejn dan joriġina mill-adozzjoni ta’ liġi jew ta’ regolament li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħhom ma humiex ikkontestati, permezz ta’ analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura (79).

106. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni tallega lir-Repubblika Ċeka joriġina mill-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva li dan l-Istat Membru la jikkontesta l-eżistenza u lanqas l-applikazzjoni tagħha u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma s-suġġett ta’ analiżi ġuridika fir-rikors promotur.

107. Barra minn hekk, din tirrigwarda evalwazzjoni dwar sa fejn din il-leġiżlazzjoni għandha effetti dissważivi fuq eventwali kandidaturi f’elezzjonijiet, li ma huwiex kwantifikabbli.

108. Għalhekk, ir-Repubblika Ċeka hija infondata meta tikkritika lill-Kummissjoni li ma pproduċietx provi tal-effetti prattiċi, fuq id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, tal-liġi li tirriżerva s-sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki.

109. Fir-rigward tal-liġi Ċeka inkwistjoni, li tirriżerva d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki, l-inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-drittijiet elettorali tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mis-sempliċi konstatazzjoni li dawn jibbenefikaw liberament minn għażla sabiex ikunu kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew, jiġifieri bħala membri ta’ partit politiku jew bħala indipendenti, filwaqt li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni għandhom biss dan l-aħħar mezz għad-dispożizzjoni tagħhom. Issa, kif ġie espost qabel, l-aċċess għall-partiti politiċi jippermetti li d-drittijiet elettorali jiġu eżerċitati b’mod iktar effettiv għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika.

110. Ebda element espost mir-Repubblika Ċeka ma jista’ jibdel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari, il-fatt li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jistgħu jiġu aċċettati biex ikunu kandidati fuq lista ta’ partit ma huwiex ta’ natura li jikkumpensa din il-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ azzjoni tagħhom peress li huma jiddependu fuq kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti, kif espost mill-Kummissjoni.

111. Barra minn hekk, bħal dik l-istituzzjoni, jekk jiġi preżunt li dan ir-rikors jista’ jiġi evalwat abbażi ta’ data ta’ ċifri u ddettaljata dwar il-kandidati eletti, kif ipprovduta mir-Repubblika Ċeka (80), jiena tal-opinjoni li din ma hijiex ta’ natura li turi ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. Huwa minnu li l-istatistika titfa’ dawl fuq ir-realtajiet lokali partikolari fl-elezzjonijiet muniċipali. Madankollu, ma jistgħux jinsiltu minnha konklużjonijiet rilevanti dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Minn naħa, mill-eżempji pprovduti jirriżulta li l-kandidati mhux membri ta’ partit u li huma eletti fil-Parlament Ewropew huma fil-parti l-kbira (jew unikament) ċittadini Ċeki. Min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li għandhom jingħelbu fl-assenza ta’ appartenenza f’partit politiku, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-inklużjoni fil-listi ta’ kandidati, li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet legali, ikklassifikati bħala “diskriminatorji” mill-awturi ċċitati mill-Kummissjoni (81).

112. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali għad-detriment taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mqiegħda fl-istess sitwazzjoni bħaċ-ċittadini nazzjonali.

113. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Ċeka, billi adottat id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, ma osservatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tal-Artikolu 22 TFUE, li għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 12, 39 u 40 tal-Karta.

3.      Fuq ilġustifikazzjoni tarrestrizzjoni tassħubija f’partit politiku

a)      Argumenti talpartijiet

1)      IlKummissjoni

114. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Ċeka li jipprovdi li r-restrizzjoni tas-sħubija f’partit politiku imposta għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-affarijiet politiċi nazzjonali minn “indħil” ta’ dawn iċ-ċittadini, li tirriżulta minn sħubija f’partit politiku, li fi ħdanu jittieħdu deċiżjonijiet importanti għall-elezzjoni tal-korpi leġiżlattivi (82).

115. Hija tqis li din il-ġustifikazzjoni hija f’kontradizzjoni diretta mal-ispirtu fundamentali u l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar iċ-ċittadinanza. Id-drittijiet politiċi li huma jistabbilixxu huma intiżi preċiżament sabiex jiggarantixxu li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu jistgħu jintegraw u jgawdu rwol politiku attiv fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom fil-kuntest tal-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew.

116. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-obbligu li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 20(2)(b) u fl-Artikolu 22 TFUE, li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikoli 11 u 12 tal-Karta li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni f’partiti politiċi, bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jirriżervaw il-possibbiltà li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet tal-korpi leġiżlattivi jew awtoritajiet territorjali reġjonali għal dawk li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti.

117. Fit-tieni lok, bi tweġiba għall-argument dwar il-protezzjoni tal-identità nazzjonali, ibbażat fuq l-Artikolu 4(2) TUE, sa fejn il-funzjonament u l-kompetizzjoni ħielsa tal-partiti politiċi jaqgħu taħt l-Ústava (il-Kostituzzjoni), il-Kummissjoni tfakkar li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li josservaw billi ssieħbu fl-Unjoni, inkluż l-Artikolu 22 TFUE, li ma japplikax għall-elezzjonijiet tal-korpi leġiżlattivi (83). Għalhekk, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jippreġudikaw il-prinċipju tar-rispett tal-identità nazzjonali.

118. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-oġġezzjoni magħmula mir-Repubblika Ċeka, li l-Kummissjoni ma speċifikatx miżura inqas restrittiva li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, din tal-aħħar tiddubita li Stat Membru jista’ jiġġustifika miżura nazzjonali, li allegatament tidderoga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE u tiddiskrimina direttament abbażi tan-nazzjonalità. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tiegħu li jiġġustifika l-proporzjonalità tal-miżuri tiegħu (84).

119. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, fil-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Ċeka ma wrietx – b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ – l-eżistenza ta’ interess pubbliku speċifiku għall-projbizzjoni tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku. Minn dan tiddeduċi li la l-għan imfittex u lanqas il-ħtieġa jew il-proporzjonalità ta’ din il-projbizzjoni ma ġew spjegati.

120. Barra minn hekk, fir-replika tagħha, fir-rigward tal-“prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza tal-membri ta’ partit politiku”, invokat mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni tqis assolutament żbaljat u inkoerenti l-klassifikazzjoni bħala diskriminazzjoni sproporzjonata l-istabbiliment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-partiti politiċi f’livell li jikkorrispondi għad-drittijiet politiċi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, pereżempju, b’limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom għal ċerti deċiżjonijiet tal-partit politiku, u għall-kuntrarju, bħala diskriminazzjoni proporzjonata l-projbizzjoni assoluta tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku.

2)      IrRepubblika Ċeka

121. Hija ssostni t-tliet argumenti li ġejjin: “L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex l-għan leġittimu li tirriżerva l-parteċipazzjoni fi pjattaforma ewlenija għall-attività politika fil-livell nazzjonali għaċ-ċittadini Ċeki, li huwa totalment konformi mal-Artikolu 4(2) TUE […] Barra minn hekk, dan huwa dak li tirrikonoxxi essenzjalment il-Kummissjoni fl-opinjoni motivata […] It-tieni nett, l-awtorizzazzjoni tas-sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki biss hija miżura xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan, għax tissodisfa direttament is-sustanza tagħha. It-tielet nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija proporzjonata. Hija ma tippreġudikax is-sustanza tad-drittijiet elettorali skont l-Artikolu 22 TFUE, għax ma tbiddel xejn mid-drittijiet elettorali attivi u passivi sħaħ taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni […] u tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod sħiħ […]. B’hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija totalment konformi mal-ġurisprudenza li tiċċita l-Kummissjoni [.…]” (85).

122. Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li l-għan leġittimu previst ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva għar-raġuni li ma jistax ikun previst li ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu awtorizzati jissieħbu f’partit politiku sabiex jieħdu sehem f’parti marġinali biss tal-attività politika, limitata għall-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew. Hija tikkunsidra li leġiżlazzjoni f’dan is-sens tkun kontra l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament tal-membri ta’ partit politiku. Barra minn hekk, hija ma toffrix lil dawn iċ-ċittadini l-pożizzjoni b’saħħitha fil-partit politiku li l-Kummissjoni tqis, b’mod żbaljat, li hija meħtieġa. Hija tirrileva li din l-istituzzjoni lanqas kienet f’pożizzjoni li tindika hija stess liema miżura tista’, f’dan ir-rigward, tiġi kkunsidrata inqas restrittiva.

3)      IrRepubblika talPolonja, intervenjenti

123. Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-kamp ta’ attività taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fi ħdan il-partiti politiċi, imsemmija mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-“affiljazzjoni” f’partit politiku tkopri spettru ferm iktar wiesa’ ta’ attivitajiet apparti dawk preċedenti għal xi elezzjonijiet. Dawn huma marbutin mal-influwenza fuq il-politika nazzjonali, inkluż l-oqsma politiċi li jibqgħu l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Issa, ma jeżisti ebda obbligu li Stat Membru jippermetti lil dawn iċ-ċittadini jinfluwenzaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali permezz tas-sistema tal-partiti.

b)      Evalwazzjoni

124. L-argumenti tar-Repubblika Ċeka jwasslu sabiex jiġi ppreċiżat f’liema kundizzjonijiet tista’ tiġi ġġustifikata restrizzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 22 TFUE.

125. Dan l-Istat Membru jinvoka l-Artikolu 4(2) TUE u jargumenta, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Kummissjoni għandu l-konsegwenza li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jipparteċipaw fil-ħajja pubblika f’livell differenti minn dak ammess mill-Istati Membri u speċjalment jippermettilhom ikollhom piż fid-deċiżjonijiet nazzjonali billi jibbenefikaw mill-mezz tal-partiti politiċi.

126. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom.

127. Issa, huwa minnu li l-organizzazzjoni tal-ħajja politika nazzjonali, li għaliha jikkontribwixxu l-partiti politiċi, tagħmel parti mill-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. F’dan ir-rigward, ir-rispett ta’ din l-identità huwa rifless fil-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali biss, mingħajr għan li jiġu armonizzati s-sistemi elettorali tal-Istati Membri (86). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-effett tal-aċċess ffaċilitat għal dawn l-elezzjonijiet fuq il-bilanċ tal-ħajja politika tal-Istat Membru ta’ residenza billi pprovda li ċerti aġġustamenti, limitati (87) u tranżitorji, jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri favur iċ-ċittadini tagħhom.

128. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-impatt fil-livell nazzjonali tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partiti politiċi minħabba l-effetti potenzjali tagħhom fi ħdan dawn il-partiti, nosserva li, fl-opinjoni tal-partijiet kollha, din taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, huma jistgħu jistabbilixxu liberament l-organizzazzjoni tagħhom u l-modalitajiet ta’ għażla tal-kandidati tagħhom (88). Nirrileva li r-Repubblika Ċeka tiddikjara biss, mingħajr ma turiha, l-impossibbiltà li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-imsieħba, ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, għal ċerti elezzjonijiet.

129. Għaldaqstant, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-aċċettazzjoni tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-identità nazzjonali tar-Repubblika Ċeka.

130. Barra minn hekk, preżunt li dan il-preġudizzju jseħħ, l-Artikolu 4(2) TUE għandu jinqara billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-istess livell tiegħu (89).

131. Għalhekk, l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kkonfermati mill-ġdid fil-Karta (90) u li jinkludu l-prinċipju tad-demokrazija kif ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza, li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 TFUE (91), u mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew. Dawn il-prinċipji jagħmlu parti mill-valuri bażiċi tal-Unjoni (92).

132. Barra minn hekk, minħabba l-argumenti tar-Repubblika Ċeka relatati mal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata, għandu jiżdied li ġustifikazzjoni ta’ limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE tista’ tiġi eżaminata biss fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

133. Fil-fatt, id-drittijiet elettorali rrikonoxxuti fl-Artikoli 39 u 40 tal-Karta huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fit-Trattat FUE, jiġifieri l-Artikolu 22. L-uniċi aġġustamenti tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet previsti mid-dritt sekondarju li għalih jirreferi dan l-artikolu (93) jirrigwardaw biss il-kundizzjonijiet legali tal-vot jew tal-kandidatura (94).

134. Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

VI.    Fuq lispejjeż

135. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

136. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

VII. Konklużjoni

137. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Billi ċaħdet liċ-ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini Ċeki, iżda li jirrisjedu fir-Repubblika Ċeka mid-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku jew ta’ moviment politiku, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 22 TFUE.

2)      Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

VIII. Anness I: Irregoli ta’ finanzjament talpartiti politiċi pprovduti millKummissjoni

1.      Il-partiti politiċi li kisbu tal-inqas 1 % tal-voti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jirċievu 30 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 1.20) għal kull vot bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż elettorali (Artikolu 65 tal-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew).

2.      Il-partiti politiċi li kisbu tal-inqas 1.5 % tal-voti waqt l-elezzjonijiet tal-Poslanecká sněmovna (il-Kamra tad-Deputati, ir-Repubblika Ċeka) jirċievu CZK 100 (madwar EUR 4) għal kull vot bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż elettorali (Artikolu 85 tal-Liġi Nru 247/1995 dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament tar-Repubblika Ċeka u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet).

3.      Il-partiti politiċi li rebħu 3 % tal-voti waqt l-aħħar elezzjonijiet tal-Kamra tad-Deputati għandhom jirċievu wkoll kontribuzzjoni annwali mill-Istat ta’ CZK 6 000 000 (madwar EUR 245,430) għall-partit jew moviment, u fl-istess ħin il-partit jew il-moviment għandu jirċievi CZK 200 000 (madwar EUR 8,180) kull sena għal kull 0.1 % ta’ voti addizzjonali (Artikolu 20(6) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi).

4.      Jekk partit jew moviment jikseb iktar minn 5 % tal-voti, il-kontribuzzjoni ma tiżdiedx u l-partit jew moviment jirċievi CZK 10 000 000 (madwar EUR 409,000) (Artikolu 20(6) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi).

5.      Il-partiti politiċi għandhom jirċievu wkoll kontribuzzjoni annwali ta’ CZK 900 000 (madwar EUR 36,800) għall-mandat ta’ deputat jew senatur, u CZK 250 000 (madwar EUR 10,200) għall-mandat ta’ membru tal-kunsill reġjonali u ta’ membru tal-kunsill muniċipali ta’ Praga (Artikolu 20(7) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi).

6.      Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-partiti u movimenti politiċi għandhom jirċievu wkoll kontribuzzjoni annwali sabiex isostnu l-attivitajiet ta’ istitut politiku, li tammonta għal 10 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjoni għall-attivitajiet ta’ tali partit jew moviment (Artikolu 20(5) u (8) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi).

IX.    Anness II: Linformazzjoni pprovduta mirRepubblika Ċeka dwar ilkompożizzjoni tallisti u lkandidati eletti flelezzjonijiet għallParlament Ewropew u flelezzjonijiet muniċipali

L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew żvolġew fir-Repubblika Ċeka fl‑2004, fl‑2009, fl‑2014 u fl‑2019.

1.      Il-proporzjon ta’ kandidati mingħajr affiljazzjoni politika tal-listi tal-partiti politiċi jew tal-koalizzjonijiet politiċi kien is-segwenti:

a)      fl‑2004, 37.22 % tal-kandidati kienu mingħajr affiljazzjoni politika;

b)      fl‑2009, 38.28 % tal-kandidati kienu mingħajr affiljazzjoni politika;

c)      fl‑2014, 30.27 % tal-kandidati kienu mingħajr affiljazzjoni politika, u

d)      fl‑2019, 33.89 % tal-kandidati kienu mingħajr affiljazzjoni politika.

2.      Ġew eletti:

a)      fl‑2004, seba’ kandidati mingħajr affiljazzjoni politika, jiġifieri 29.17 % tal-persuni eletti fir-Repubblika Ċeka;

b)      fl‑2009, kandidat wieħed mingħajr affiljazzjoni politika, jiġifieri 4.55 % tal-persuni eletti fir-Repubblika Ċeka;

c)      fl‑2014, tmien kandidati mingħajr affiljazzjoni politika, jiġifieri 38.10 % tal-persuni eletti fir-Repubblika Ċeka, u

d)      fl‑2019, erba’ kandidati mingħajr affiljazzjoni politika, jiġifieri 19.05 % tal-persuni eletti fir-Repubblika Ċeka.

3.      Il-kandidati mingħajr affiljazzjoni politika kienu jinsabu ħafna drabi fuq nett tal-listi ta’ kandidati, inkluż għall-partiti politiċi ewlenin. B’mod konkret:

a)      fl‑2004, kien hemm tliet deputati eletti fil-Parlament Ewropew fil-lista tal-partit Sdružení nezávislých a evropští demokraté (l-Unjoni ta’ Kandidati Indipendenti u Demokratiċi Ewropej) (SNK), fosthom l-ewwel fil-lista, is-Sur Zieleniec, u s-Sinjura Hybášková, fit-tieni pożizzjoni fil-lista; jew anki s-Sur Remek, fit-tieni pożizzjoni fil-lista ta’ kandidati tal-partit Komunistická strana Čech a Moravy (il-Partit Komunist ta’ Bohemia u ta’ Moravia) (KSČM);

b)      fl‑2009, kien hemm is-Sur Remek, fit-tieni pożizzjoni fil-lista ta’ kandidati tal-KSČM;

c)      fl‑2014, kien hemm f’ras il-lista tal-partit TOP 09 a Starostové (Top 09 u Sindki), is-Sur Niedermayer, u s-Sur Pospíšil, fit-tieni pożizzjoni f’din il-lista, is-Sur Keller, mexxej tal-lista tal-partit Česká strana sociálně demokratická (il-Partit Soċjali-Demokratiku Ċek) (ČSSD), l-iktar partit b’saħħtu tal-gvern fir-Repubblika Ċeka dak iż-żmien, jew anki erba’ deputati eletti fil-lista tal-partit ANO, it-tieni partit l-iktar b’saħħtu tal-gvern dak iż-żmien, li l-mexxej tiegħu, Pavel Telička, ġie mbagħad elett Viċi President tal-Parlament Ewropew, u

d)      fl‑2019, kien hemm tliet deputati eletti fil-Parlament Ewropew li kienu fl-ewwel tliet postijiet tal-lista tal-ANO, li l-mexxejja tiegħu, Dita Charanzová, ġiet imbagħad eletta Viċi Presidenta tal-Parlament Ewropew.

4.      Fl‑2004, iċ-ċittadin Ġermaniż is-Sur Stros ġie elett fir-Repubblika Ċeka fil-Parlament Ewropew.

2.      Fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali (komuni, rħula u bliet) li nżammu fl‑2006, 2010, 2014 u 2018.

1.      Il-proporzjon ta’ kandidati u ta’ persuni eletti mingħajr affiljazzjoni politika kien is-segwenti:

a)      fl‑2006, 79.85 % tal-kandidati u 84.51 % tal-persuni eletti;

b)      fl‑2010, 81.25 % tal-kandidati u 86.15 % tal-persuni eletti;

c)      fl‑2014, 84.13 % tal-kandidati u 88.30 % tal-persuni eletti, u

d)      fl‑2018, 84.97 % tal-kandidati u 89.96 % tal-persuni eletti.

2.      Il-proporzjon għoli ta’ kandidati u ta’ persuni eletti mingħajr affiljazzjoni politika huwa fenomenu li huwa osservat ukoll fil-listi tal-partiti politiċi ewlenin. Pereżempju, għall-elezzjonijiet muniċipali tal‑2018:

a)      fil-listi ta’ kandidati taċ-ČSSD, l-eqdem partit politiku b’rabta qawwija mal-politika lokali, il-persuni mingħajr affiljazzjoni politika, il-persuni mingħajr affiljazzjoni politika kienu 54.58 %, u 57.31 % tal-persuni eletti minn dawn il-listi kienu mingħajr affiljazzjoni politika;

b)      fil-listi ta’ kandidati tal-partit Občanská demokratická strana (il-Partit Demokratiku Ċiviku) (ODS), partit politiku konservattiv tradizzjonali b’rabta qawwija fil-politika lokali, il-persuni mingħajr affiljazzjoni politika kienu 59.47 %, u 52.93 % tal-persuni eletti minn dawn il-listi kienu mingħajr affiljazzjoni politika, u

c)      fil-listi ta’ kandidati tal-partit Křesťanská a demokratická unie – Československá strana lidová (l-Unjoni Kristjana u Demokratika – Partit Popolari Ċekoslovakk) (KDU-ČSL), partit politiku tradizzjonali li jinkludi l-ogħla numru ta’ kandidati u ta’ persuni eletti fil-politika lokali, il-persuni mingħajr affiljazzjoni politika kienu 73.62 %, u 72.49 % tal-persuni eletti minn dawn il-listi kienu mingħajr affiljazzjoni politika.

3.      Fir-rigward tal-bliet Ċeki ewlenin, fi Praga, il-kandidat mingħajr affiljazzjoni politika Bohuslav Svoboda kien magħżul fl‑2010 sabiex ikun fuq nett tal-lista tal-ODS, l-iktar partit b’saħħtu tal-gvern fir-Repubblika Ċeka f’dan iż-żmien; imbagħad sar is-sindku ta’ Praga. Fl‑2014, Adriana Krnáčová, kandidata mingħajr affiljazzjoni politika, fuq nett fil-lista tal-ANO, saret sindku ta’ Praga u Tomáš Macura, kandidat mingħajr affiljazzjoni politika, fuq nett fil-lista tal-ANO sar sindku ta’ Ostrava, it-tielet l-ikbar belt tar-Repubblika Ċeka.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iktar ’il quddiem iċ-“ċittadini ‘mobbli’ tal-Unjoni”.


3      Il-Kummissjoni ppreżentat rikors identiku kontra r-Repubblika tal-Polonja (Kawża C‑814/21) li qiegħed jiġi indirizzat b’mod kkoordinat. Fit‑12 ta’ Settembru 2023 ġiet organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal dawn iż-żewġ kawżi.


4      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 7.


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 12.


7      Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Partiti Politiċi”.


8      Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Muniċipali”.


9      Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”.


10      Iktar ’il quddiem “li jissieħbu f’partit politiku”.


11      Ir-Repubblika Ċeka tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eman u Sevinger”, EU:C:2006:545, punt 53).


12      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1989, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑3/88, EU:C:1989:606, punt 8), u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, EU:C:2008:425, punt 45), kif ukoll it-tielet premessa tad-Direttiva 93/109. Bħala eżempju, hija tirreferi għas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), dwar l-Artikolu 18 KE li sar l-Artikolu 21 TFUE. Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni ssemmi s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254, punti 43 u 44), u tfakkar dawk li hija ċċitat fir-rikors tagħha, jiġifieri s-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 88). Dwar ir-rekwiżit ta’ konformità tar-regoli nazzjonali mal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Karta, hija tirreferi għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476).


13      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 188 sa 190, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑132/09, EU:C:2010:562, punti 40 u 41).


15      Korsiv miżjud minni.


16      Dan l-argument huwa sostnut bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Polonja.


17      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Eman u Sevinger.


18      Il-Kummissjoni ssemmi s-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108).


19      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


20      Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 1998, Parti communiste unifié de Turquie et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0130JUD001939292, punt 44), u, għal dak li jirrigwarda l-importanza tal-partiti politiċi, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 1998, Parti socialiste et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0525JUD002123793, punt 41), kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (Partit tal-prosperità) et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2003:0213JUD004134098, punti 86 sa 89).


21      Iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia”. Ara t-tieni edizzjoni ta’ dawn il-linji gwida (studju nru 881/2017). Il-Kummissjoni tirreferi għall-kummenti li jinsabu fil-punt 1 (p. 5), kif ukoll fil-punti 17 u 18 (p. 9). Fir-rigward tar-rabta li jikkostitwixxu l-partiti politiċi bejn iċ-ċittadini u l-uffiċjali pubbliċi, dik l-istituzzjoni ssemmi l-punt 18 (p. 9).


22      Ara l-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 94/80 huwa żbaljat. Bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni targumenta li projbizzjoni ġġeneralizzata ta’ sħubija ma’ partit politiku tmur lil hinn mir-restrizzjonijiet ammessi mid-dritt sekondarju.


24      Punt 53 ta’ dik is-sentenza.


25      Hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ April 1995, Piermont vs Franza (CE:ECHR:1995:0427JUD001577389, punt 64), li tipprovdi li l-Istati Membri tal-Unjoni ma jistgħux jipprevalu minn din id-dispożizzjoni kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinvokaw drittijiet mogħtija lilhom mit-Trattati.


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni tippreċiża li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, ġie miċħud ir-rikors tal-partit politiku evropani.cz kontra d-deċiżjoni tal-Ministerstva vnitra (il-Ministeru għall-Intern, ir-Repubblika Ċeka) li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ emenda tal-istatuti ta’ dan il-partit politiku li kienet intiża sabiex tiġi awtorizzata s-sħubija ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom permess ta’ residenza permanenti fir-Repubblika Ċeka.


27      Il-Kummissjoni tirreferi għad-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 71 u 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ċeka, tqis preliminarjament, li l-għan ta’ dan ir-rikors huwa ta’ ordni politika, sa fejn huwa intiż sabiex jiżgura involviment ikbar taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fil-ħajja politika Ewropea, inkluż id-dritt tagħhom tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali jew reġjonali. Dan l-Istat Membru jiċċita, bħala eżempju, ir-Raba’ Rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni (1 ta’ Mejju 2001 – 30 ta’ April 2004) [COM(2004) 695 final], p. 11, jew ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali, tal‑25 ta’ Jannar 2018 [COM(2018) 44 final], p. 12.


29      Il-kwotazzjonijiet li jinsabu fir-risposta jikkorrispondu għar-raba’ sas-sitt premessa tal-ewwel minn dawn id-direttivi u għall-ħames premessa tat-tieni.


30      Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat f’dan is-sens l-Artikolu 19(2) KE u tiċċita s-sentenza Eman u Sevinger (punt 53).


31      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, permezz ta’ din l-espressjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-Artikolu 22 TFUE u, pereżempju, l-Artikolu 59 TFUE li jirreferi għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju għall-“kisba” progressiva tal-liberalizzazzjoni ta’ ċertu tip ta’ servizzi. Minn dan, dan l-Istat Membru jiddeduċi li l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jiddependix direttament mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.


32      Fi kliem ieħor, skont ir-Repubblika Ċeka, dan l-Artikolu 4(2) TUE ma jservix sabiex jirrestrinġi l-kontenut tal-Artikolu 22 TFUE għar-raġuni li ma għandux il-portata allegata mill-Kummissjoni, li jippermetti “[lill]-Istati Membri […] jadottaw ir-regoli li huma l-aktar adattati għall-istruttura kostituzzjonali tagħhom”. Dan l-Istat Membru jiċċita s-sentenza Eman u Sevinger (punt 50).


33      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tiċċita, bħala eżempju, is-sentenza tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tal‑10 ta’ Jannar 2018, 6 As 84/2017-27. Hija tippreċiża, bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), din il-ġurisprudenza hija determinanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


34      Insostenn ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE.


35      Ara l-punti 29 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.


36      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ir-Repubblika Ċeka tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punti 58, 59 u 63).


38      Ir-Repubblika Ċeka tirreferi għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (305/87, EU:C:1989:218, punt 28). Hija tippreċiża li “fost dawn id-dispożizzjonijiet partikolari, hemm b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali jiġifieri l-Artikoli 34, 45, 49, 56 u 63 TFUE, iżda wkoll dispożizzjonijiet oħra bħall-Artikolu 54 jew l-Artikolu 94 TFUE, u fl-aħħar nett l-Artikolu 22 TFUE”.


39      Skont dan l-Istat Membru, dan l-approċċ kien adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1999, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑172/98, EU:C:1999:335, punt 12), billi ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità għar-rikonoxximent tal-personalità ġuridika tal-assoċjazzjonijiet tirrigwarda l-libertajiet fundamentali tas-suq intern u għalhekk taqa’ taħt il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 18 TFUE. Ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-libertà ta’ stabbiliment bħala dispożizzjoni speċifika tad-dritt primarju fil-qasam tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma kinitx sostnuta f’dik il-kawża.


40      Ara fil-qasam elettorali, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet elettorali, is-sentenzi Eman u Sevinger (punti 45 u 52), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42). Ara wkoll, fir-rigward tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 52). Ara fl-aħħar nett, fir-rigward tal-valuri tal-Unjoni, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 64 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u mill-Artikolu 12 tal-Att tal‑20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti fl-Assemblea b’vot universali dirett (ĠU 1976, L 278, p. 5), li jippreċiża l-prinċipji komuni applikabbli għall-proċedura ta’ elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu bħala prinċipju kompetenti li jirregolaw il-proċedura elettorali. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 67 sa 69).


42      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 57).


43      Ara l-aħħar parti tal-Artikolu 22 TFUE, kif ukoll ir-raba’ u s-sitt premessa tad-Direttiva 93/109, kif ukoll ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 94/80. Dawn id-direttivi jagħtu dettalji dwar il-kundizzjonijiet komuni ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura relattivi, pereżempju, għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni u għat-tul ta’ residenza stabbilit mill-Istat Membru ta’ residenza, il-modalitajiet ta’ inklużjoni fil-listi elettorali u ta’ dikjarazzjoni ta’ kandidatura, kif ukoll il-każijiet ta’ esklużjoni.


44      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ “status fundamentali”, ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara l-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttivi 93/109 u 94/80. Skont Shaw, J., “Sovereignty at the Boundaries of the Polity”, f’Walker, N., Sovereignty in Transition, Hart Publishing, Londra, 2003, p. 461 sa 500, b’mod partikolari p. 471, id-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet elettorali jirrappreżentaw parti kbira mill-valur miżjud tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Maastricht. Fil-fatt, il-possibbiltà li wieħed jipparteċipa fl-elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew ilha teżisti sa mill-Att tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kien biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht li dan id-dritt ġie rregolat mit-Trattat KE, fl-Artikolu 8 B, imbagħad fl-Artikolu 19 KE u fl-Artikolu 22 TFUE. Għal tfakkira tal-istorja leġiżlattiva, ara Shaw, J., u Khadar, L., “Article 39”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 1085 sa 1112, b’mod partikolari l-punti 39.33 u 39.34 (p. 1093 u 1094). L-istess japplika għall-elezzjonijiet muniċipali sa minn dan it-Trattat. Għal tfakkira storika ddettaljata, ara Groenendijk, K., “Article 40”, The EU Charter of Fundamental Rights : A Commentary, op. cit., p. 1113 sa 1123, b’mod partikolari l-punt 40.17 (p. 1118). Ara, fir-rigward tal-Artikolu 19 KE, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 66),u fl-istess sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42).


46      Ara t-tielet premessa tad-Direttivi 93/109 u 94/80, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 50).


47      Skont l-Artikolu 6(1) TUE, hija għandha l-istess valur legali bħat-Trattati.


48      Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) (iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”), “l-Artikolu 39(1) jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) [TFUE]” u l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt.


49      Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, dan l-artikolu “jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) [TFUE]” u l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 51).


50      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelzyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).


51      Ara l-Artikolu 2 TUE. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 64 u 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li għandha titqabbel mas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) ((C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 112), ibbażata fuq ir-rabta impliċita bejn tliet valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri d-demokrazija, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali). Dwar is-setgħa ta’ kontroll tal-istituzzjonijiet, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 159).


52      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(1) TUE jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63).


53      Ara l-għaxar premessa u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 93/109, kif ukoll l-erbatax‑il premessa u l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, dwar l-importanza ta’ dan il-fattur, Shaw, J., “Sovereignty at the Boundaries of the Polity”, op. cit., p. 478, li jipprovdi li “[i]d-drittijiet elettorali […] huma drittijiet komplementari għall-migrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, drittijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Unjoni li taġixxi bħala grupp politiku protettur sabiex tiffavorixxi sentiment iktar profond ta’ involviment min-naħa tal-migrant tal-Unjoni fl-Istat ospitanti kif ukoll f’ċerti aspetti tal-kultura politika tiegħu, u sabiex tillimita d-dannu fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet politiċi li l-migrant jista’ jkun vittma tiegħu minħabba li telaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu” (traduzzjoni libera).


54      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini u persuni li ma humiex jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni apparenti minħabba n-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland (C‑372/21, EU:C:2023:59, punt 29).


55      Ara f’dan is-sens, is-sitt premessa tad-Direttiva 93/109 u l-ħames premessa tad-Direttiva 94/80.


56      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:453, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 48).


58      Ara speċjalment, il-punti 17 u 18 (p. 9).


59      Ara f’dan ir-rigward, dwar il-finanzjament u l-aċċess għall-midja, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, punt 185 (p. 59 u 60).


60      Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2008, Yumak u Sadak vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:0708JUD00102260, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, dik il-Qorti tenfasizza li d-dibattitu politiku, li għalih jikkontribwixxu l-partiti politiċi, “jinsab fil-qalba nnifisha tal-kunċett ta’ soċjetà demokratika”.


61      Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-partiti politiċi Ewropej. Essenzjalment, dan jirriproduċi t-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 191 KE.


62      Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.


63      Fuq ir-rabta stabbilita bejn l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta u l-Artikolu 12(2) tagħha, dwar ir-rwol tal-partiti politiċi, ara Costa, O., “Article 39 – Droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales et au Parlement européen”, f’Picod, F., Rizcallah, C., u Van Drooghenbroeck, S., Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: commentaire article par article, it-tielet edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2023, p. 1043 sa 1068, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 1048), u fl-istess xogħol, Ducoulombier, P., “Article 12 – Liberté de réunion et d’association”, p. 313 sa 327, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 317 u 318). Ara wkoll, Shaw, J., u Khadar, L., op. cit., punt 39.04 (p. 1087), kif ukoll Groenendijk, K., op. cit., punt 40.26 (p. 1120).


64      Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB. Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.


66      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB, 18 ta’ Frar 1999, Matthews vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:0218JUD002483394, punt 44), li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-elezzjonijiet tal-membri tal-Parlament Ewropew.


67      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 111 sa 114).


68      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 1998, Parti communiste unifié de Turquie et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0130JUD001939292, punt 25). Fiha ġie ppreċiżat li “il-partiti politiċi jirrappreżentaw forma ta’ assoċjazzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija. Fid-dawl tal-importanza tagħha fis-sistema tal-[KEDB] […], ma jista’ jkun hemm ebda dubju li jaqgħu taħt l-Artikolu 11”. Fir-rigward tal-importanza tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika taċ-ċittadini f’kuntest iktar wiesa’, ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 88, 90 u 92), kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L‑Ażerbajġan (CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punti 52 u 53).


69      Dawn huma l-Artikolu 65 tal-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Artikolu 85 taż-zákon č. 247/1995 Sb. o volbách do Parlamentu České republiky a o změně a doplnění některých dalších zákonů (il-Liġi Nru 247/1995 dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament tar-Repubblika Ċeka u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet) tas‑27 ta’ Settembru 1995, kif ukoll l-Artikolu 20(5) sa (8) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi. Ara, għal tfakkira ddettaljata tal-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Anness I ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Il-Kummissjoni ssemmi l-Artikolu 21(4) u l-Anness tal-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Muniċipali.


71      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-opinjoni ta’ Antoš, M., “Politická participace cizinců v České republice”, Politologický časopis, Masarykova univerzita, Brno, 2012, Nru 2, p. 113 sa 127, b’mod partikolari p. 123 u 124.


72      Hija tirreferi għall-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju Ċek tal-Ombudsman tat‑23 ta’ Lulju 2014, intitolata “Občané EU žijící v ČR mají právo účastnit se politického života” (Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jgħixu fir-Repubblika Ċeka għandhom id-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja politika), disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.ochrance.cz/aktualne/obcane-eu-zijici-v-cr-maji-pravo-ucastnit-se-politickeho-zivota, l-aħħar paragrafu.


73      Madankollu, il-Kummissjoni tirreferi għar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill, ippreżentati fil‑25 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini (Dokument tax-Xogħol SWD(2021) 357 final). Hija tosserva li dan jindika li, waqt il-konsultazzjoni pubblika, u minkejja li din kellha biss rispons limitat mingħand il-pubbliku, instab tal-inqas kontributur wieħed li ddikjara li kien ipprova joħroġ għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fi Stat Membru ieħor u kien impossibbli li joħloq partit politiku jew jissieħeb f’partit politiku eżistenti.


74      Ara l-Anness II ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Il-Kummissjoni tirrileva li l-persuni ċċitati huma ta’ nazzjonalità Ċeka. Dawn huma, pereżempju, l-uniku kosmonawt Ċek (Vladimír Remek), Eks Ministru għall-Affarijiet Barranin (Josef Zieleniec), eks ambaxxatriċi Ċeka fil-Qatar u fil-Kuwajt magħrufa (Jana Hybášková), membru għal perijodu twil fil-bord tad-diretturi taċ-Česká národní banka (il-Bank Nazzjonali Ċek), magħruf fil-midja, u anki l-eks viċi gvernatur ta’ dan il-bank (Luděk Niedermayer), Eks Ministru għall-Ġustizzja (Jiří Pospíšil), jew anki akkademiku universitarju popolari u magħruf fil-midja (Jan Keller). Fir-rigward ta’ Franz Stros, ċittadin Ġermaniż, elett fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tfakkar li dan huwa awtur, eks ċittadin Ċekoslovakk.


76      Ir-Repubblika tal-Polonja, intervenjenti, tenfasizza li l-kandidati “mhux affiljati” f’partit – inkluż iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni – jibbenefikaw minn garanzija totali ta’ aċċess għall-forom ta’ kandidatura kollha previsti mil-liġi Ċeka u li l-għażla li l-kandidati joħorġu fuq il-listi ta’ partiti politiċi tiddependi biss fil-prattika mill-volontà reċiproka ta’ kooperazzjoni.


77      Hija tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-oneru tal-prova impost fuq il-Kummissjoni u tiċċita s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑399/17, EU:C:2019:200, punt 51).


78      Ara l-Anness II ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża, fil-kontroreplika tagħha, li distinzjoni bejn iċ-ċittadini Ċeki u mhux Ċeki ma tagħmilx sens peress li huwa komuni li kandidati fl-elezzjonijiet ikunu “mingħajr affiljazzjoni politika” u l-istatus tagħhom bl-ebda mod ma jvarja skont in-nazzjonalità tagħhom. Hija tikkontesta l-mod li bih il-Kummissjoni tirrelativizza l-informazzjoni dwar is-suċċessi elettorali ta’ ċerti kandidati (ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


79      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 37).


80      Dawn huma analizzati fl-istess sens mir-Repubblika tal-Polonja.


81      Ara b’mod partikolari l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali fl-elezzjonijiet muniċipali, invokati mill-Kummissjoni, mhux diskussi mir-Repubblika Ċeka, kif ukoll id-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 71 u 72 tagħhom.


82      Bi tweġiba għall-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja (ara l-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Kummissjoni tiddeduċi minnhom li din il-ġustifikazzjoni tinkludi wkoll is-sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jeleġġu fil-korpi interni tal-partiti politiċi ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, li jinterferixxu b’mod mhux xieraq fl-oqsma rriżervati għall-Istati Membri.


83      Skont il-Kummissjoni, dan il-limitu juri li r-rispett tal-identità nazzjonali “huwa rifless b’mod sħiħ fl-Artikolu 22 TFUE”.


84      Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 69), u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 76 u 77), kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 81 u 90).


85      Din hija s-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108). Skont ir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni taqra dan il-punt b’mod żbaljat minħabba l-formulazzjoni tiegħu li hija tenfasizza l-aħħar parti tiegħu, jiġifieri: “[j]istgħu jittresqu motivi ta’ interess ġenerali biex jiġġustifikaw miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat biss meta l-miżura in kwistjoni tieħu tali drittijiet in kunsiderazzjoni”.


86      Ara f’dan is-sens, il-ħames premessa tad-Direttiva 93/109 u r-raba’ premessa tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, is-sentenza Eman u Sevinger (punti 52 u 53).


87      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan ir-rigward, dwar ir-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerti karigi għaċ-ċittadini nazzjonali u tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ta’ assemblea parlamentari, il-ħames u l-għaxar premessa, kif ukoll l-Artikolu 5(3) u (4) tad-Direttiva 94/80. Fuq il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ manuvra, ara r-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 1.3.6 (p. 20), u l-analiżi ta’ Blacher, P., “Article 40 – Droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales”, f’Picod, F., Rizcallah, C., u Van Drooghenbroeck, S., op. cit., p. 1069 sa 1088, b’mod partikolari l-punt 16 (p. 1083 u 1084). Għal dak li jirrigwarda l-limitazzjonijiet tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura, speċjalment skont il-proporzjon ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ residenza u t-tul ta’ residenza, ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva 93/109 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, il-kummenti ta’ Shaw, J., u Khadar, L., op. cit., punt 39.74 (p. 1104), fir-rigward tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kif ukoll ta’ Groenendijk, K., op. cit., punti 40.27 u 40.28 (p. 1121), fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali.


88      Ara, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, punti 153 u 155 (p. 49 u 50). Ara wkoll, bħala eżempju, ir-Rapport ta’ Alina Ostling iffinanzjat mill-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (2014-2020) tal-Kummissjoni, intitolat “Fair EU Synthesis report : Electoral Rights for Mobile EU Citizens – Challenges and Facilitators of Implementation”, punt 4.1.2 (p. 27).


89      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).


90      Ara t-tieni u l-ħames premessa tal-Preambolu tal-Karta.


91      Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-artikolu, għandu jsir riferiment għall-punti 74, 84 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 127), u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 145). Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).


93      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, għandu jiġi kkonstatat, b’konformità mal-Artikolu 52(2) tal-Karta, li, bid-differenza għall-artikoli l-oħra tat-Trattat, bħal pereżempju, l-Artiklu 45(3) u l-Artikolu 65(2) TFUE, dan l-Artikolu 22 ma jipprovdix li, lil hinn mill-atti tad-dritt sekondarju meħuda abbażi tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ natura li jostakolaw id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.


94      Ara l-Artikolu 1(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/109, kif ukoll l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, il-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.