Language of document : ECLI:EU:C:2024:14

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C48/22 P

Google LLC,

Alfabett, Inc.

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet – Servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fuq l-internet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Abbuż permezz tal-effett ta’ lieva – Kompetizzjoni abbażi tal-mertu – Differenza fit-trattament permezz ta’ awtopreferenzjar – Dehra li tiffavorixxi r-riżultati tas-servizz rispettiv proprju ta’ tiftix speċjalizzat – Effetti ta’ esklużjoni potenzjali – Analiżi kontrofattwali – Kompetitur ipotetiku daqstant effettiv”






I.      Introduzzjoni

1.        L-appell ta’ Google LLC u Alphabet Inc. (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs IlKummissjoni (Google Shopping)  (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Fiha, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet ir-rikors tal-appellanti kontra d-deċiżjoni Google-Search-(Shopping) tal-Kummissjoni Ewropea tas‑27 ta’ Ġunju 2017 (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). F’tali deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’diversi swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet u tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. L-abbuż kien jikkonsisti b’mod partikolari f’li Google, meta turi r-riżultati ta’ tiftix fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha, tqiegħed fi żvantaġġ is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri meta mqabbla mas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. Permezz tar-rikors tagħhom, l-appellanti kienu talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom minnha.

2.        Il-kwistjonijiet legali mqajma fil-kawża ineżami dwar l-Artikolu 102 TFUE għandhom importanza legali u prattika sinjifikattiva.

3.        Minn naħa, għandu jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet id-differenza fit-trattament magħmula minn impriża f’pożizzjoni dominanti bejn kompetituri, b’mod partikolari fil-forma ta’ awtopreferenzjar fis-swieq diġitali, tiddevja mill-mezzi (normali) ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu u tista’ għalhekk tiġi kklassifikata bħala abbużiva. Partikolarment kontroversjali hija l-kwistjoni dwar jekk, għal dan l-għan, il-kriterji stretti rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner  (iktar ’il quddiem is-“sentenza Bronner”), sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ abbuż li jirriżulta minn rifjut ta’ aċċess għal “faċilità essenzjali” humiex applikabbli

4.        Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu ppreċiżati kriterji oħra li jippermettu li tiġi identifikata prattika li tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE. Fosthom hemm dik dwar jekk u b’liema mod il-Kummissjoni għandha turi, permezz ta’ analiżi kontrofattwali, li din il-prattika tipproduċi, tal-inqas, effetti ta’ esklużjoni potenzjali. Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’każ bħal dak tal-kawża ineżami, il-prova ta’ tali effett ta’ esklużjoni teħtieġx li l-Kummissjoni teżamina l-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv jew effikaċi (3).

II.    Ilfatti

A.      Ilfatti li wasslu għallkawża

5.        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma deskritti fil-punti 1 sa 20 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

6.        Google hija kumpannija stabbilita f’Mountain View, California (l-Istati Uniti), li toffri, b’mod partikolari, diversi funzjonijiet ta’ tiftix fuq l-internet mad-dinja kollha. Il-mutur ta’ tfittxija ġenerali disponibbli fl-indirizz tal-internet www.google.com jew f’indirizzi tal-internet reġjonali korrispondenti huwa l-iktar mutur ta’ tfittxija ġenerali magħruf. Alphabet, stabbilita wkoll f’Mountain View, ilha, mit‑2 ta’ Ottubru 2015, l-azzjonist uniku ta’ Google u l-kumpannija omm tal-grupp li għalih tappartjeni wkoll Google.

7.        L-utenti tal-internet jistgħu jibdew proċess ta’ tiftix billi jintroduċu termini ta’ tiftix fuq is-siti internet ta’ Google. Ir-riżultati tat-tiftix jiġu sseparati u sussegwentement jintwerew abbażi ta’ kriterji differenti u bl-użu ta’ algoritmi differenti.

8.        Fil-kawża ineżami, id-distinzjoni bejn it-tiftix ġenerali u t-tiftix speċifiku ta’ informazzjoni fuq l-internet hija partikolarment importanti. Tiftix ġenerali jista’ jkollu bħala għan diversi għanijiet u kunċetti ta’ tiftix. Għall-kuntrarju, tiftix speċifiku jsegwi għan ta’ tiftix speċifiku fir-rigward ta’ ċerti prodotti, servizzi, kontenut jew informazzjoni. Abbażi tat-termini ta’ tiftix introdotti mill-utenti, Google twettaq tiftix ġenerali, tiftix speċifiku jew kombinazzjoni taż-żewġ tfittxijiet u tippreżentalhom ir-riżultati bl-użu ta’ algoritmi.

9.        Google kienet f’kompetizzjoni, fil-perijodu kontenzjuż, ma’ operaturi oħra ta’ muturi ta’ tfittxija ġenerali, bħal Altavista, Yahoo, Bing jew Qwant, li kienu joffru parzjalment servizzi ta’ tiftix speċjalizzat (iktar ’il quddiem il-“muturi ta’ tfittxija fuq l-internet”). Barra minn hekk, kien hemm operaturi ta’ muturi ta’ tfittxija speċifiċi għal tqabbil tal-prezzijiet bħal Bestlist, Nextag, IdealPrice, Twenga, Kelkoo jew Prix.net (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ tqabbil tax-xiri”).

10.      L-għan tad-deċiżjoni kontenzjuża u tas-sentenza appellata huwa t-tiftix ta’ prodotti u l-preżentazzjoni tar-riżultati ta’ tali tiftix fuq is-sit internet ta’ Google għar-riżultati tat-tiftix ġenerali. Fir-rigward ta’ tiftix ta’ prodott, mutur ta’ tfittxija fuq l-internet jew servizz ta’ tqabbil tax-xiri juru siti internet differenti bħala riżultati li minnhom il-prodott imfittex jista’ jinxtara. Dawn jistgħu jkunu siti internet ta’ bejjiegħa jew ta’ pjattaformi tal-bejgħ bħal eBay jew Amazon.

11.      Google offriet għall-ewwel darba tiftix separat ta’ prodott flimkien mat-tiftix ġenerali fl‑2002 (fl-Istati Uniti) u fl‑2004 (fl-Ewropa). Bl-użu ta’ database pprovduta b’informazzjoni minn bejjiegħa, tal-“indiċi tal-prodotti”, ir-riżultati tat-tiftix ġew magħżula u murija skont ir-rilevanza tagħhom bl-użu ta’ algoritmi speċifiċi. Dawn kienu algoritmi ta’ tiftix differenti minn dawk użati fil-kuntest tat-tiftix ġenerali fuq sit internet permezz tal-proċess imsejjaħ “crawling” sabiex informazzjoni tiġi estratta mis-siti internet, tiġi indiċjata, tiġi integrata fl-“indiċi tal-web” ta’ Google, tiġi ssortjata u murija skont ir-rilevanza. Qabelxejn, Google għamlet possibbli t-tiftix speċifiku fuq sit internet isseparat imsejjaħ “Froogle”.

12.      Mill‑2003 ’l quddiem (fl-Istati Uniti) u mill‑2005 ’l quddiem (fl-Ewropa), Google integrat ir-riżultati tat-tiftix speċifiku f’dawk tat-tiftix ġenerali. Sal‑2007, ir-riżultati tat-tiftix tal-prodott inġabru flimkien u ntwerew fir-riżultati tat-tiftix ġenerali f’“Product OneBox” separatament u viżwalment distinti. Din il-“kaxxa” kienet tinkludi wkoll links lejn siti tan-negozju kif ukoll lejn is-sit Froogle b’għażla ikbar ta’ negozjanti u ta’ pjattaformi ta’ bejgħ. Barra minn Product OneBox, kienu jinsabu wkoll, bħala riżultati tat-tiftix ġenerali, siti internet ta’ servizzi oħra ta’ tqabbil tax-xiri.

13.      Fl‑2007, Google ssostni li hija biddlet il-wiri tar-riżultati tat-tiftix ta’ prodott fir-riżultati tat-tiftix ġenerali. Hija reġgħet biddlet l-isem tas-sit Froogle fi “Product Search” u l-Product OneBox fi “Product Universal” u sussegwentement f’“Shopping Units”. Hija ssupplimentat ukoll ir-riżultati tat-tiftix ta’ prodott b’ritratti u informazzjoni iktar iddettaljata, speċjalment dwar il-prezz tal-prodotti u l-evalwazzjoni tagħhom mill-klijenti. Għall-kuntrarju, ir-riżultati tat-tiftix ġenerali, li fihom kienu jidhru wkoll is-siti ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri oħra, baqgħu jinkludu sempliċi link blu, mingħajr ritratti jew test. Mekkaniżmu msejjaħ “Universal Search” għamilha possibbli li jiġu kklassifikati fil-paġna tar-riżultati ġenerali l-prodotti li jirriżultaw mill-Product OneBox u mill-Product Universal bir-riżultati tat-tiftix ġenerali. Minn Settembru 2010, Google ppermettiet lill-persuni li jirreklamaw u lill-utenti tal-internet, billi jagħfsu fuq it-test, li jaraw ir-ritratti tal-prodotti mfittxija u l-prezzijiet offruti f’format imkabbar meta mqabbel mar-reklami bil-kliem inizjali.

14.      Minbarra l-preżentazzjoni viżiva diverġenti tar-riżultati tat-tiftix tal-prodott fil-Product Universal jew fix-Shopping Units u dik tat-tiftix ġenerali, Google, skont il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża (4), introduċiet algoritmi ta’ aġġustament speċifiċi sa mill‑2011, b’mod partikolari l-algoritmu “Panda”. Dan ġie applikat biss għar-riżultati tat-tiftix ġenerali sabiex dawn jiġu sseparati skont ir-rilevanza, u, madankollu, mhux għar-riżultati tat-tiftix ta’ prodotti tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google li jidhru fi Product Universal jew fix-Shopping Units.

15.      Mill‑2013, il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google ppreżenta r-riżultati ta’ tiftix ta’ prodott kif ġej: ix-Shopping Units jinkludu, taħt it-titolu tat-terminu ta’ tiftix, link lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kif ukoll, taħt l-istampi tal-prodotti, links għas-siti tal-bejjiegħa u tal-pjattaformi ta’ bejgħ. Din il-preżentazzjoni kienet sostnuta mill-wiri ta’ ritratti, ta’ prezzijiet u ta’ evalwazzjonijiet tal-klijenti. B’kuntrast ma’ dan, il-links għal servizzi ta’ tqabbil tax-xiri oħra ma kinux murija fix-Shopping Units, iżda ntwerew biss bħala riżultati ta’ tiftix ġenerali bl-użu ta’ sempliċi link blu.

16.      Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni (5) miġbura fil-qosor fis-sentenza kkontestata, u li ma għadhomx ikkontestati fil-proċeduri tal-appell, kellhom bħala konsegwenza li l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-algoritmu Panda kellha bħala konsegwenza li s-siti internet ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri oħra kienu ta’ spiss jintwerew iktar baxxi fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali, peress li kienu jirreferu biss għas-siti internet ta’ bejjiegħa u pjattaformi oħra ta’ bejgħ, mingħajr madankollu ma jippreżentaw il-kontenut tagħhom stess. Madankollu, dawn l-algoritmi ma ġewx applikati għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, minkejja li kellu diversi karatteristiċi komuni għal dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u dawn setgħu jwassluh ukoll għar-relegazzjoni fir-riżultati ġeneriċi. B’hekk, mit-tnedija tal-Product Universal, ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kienu jidhru, fil-parti l-kbira tal-każijiet, jew fuq ir-riżultati kollha ta’ tfittxija ġenerali, jew taħt l-ewwel riżultati ġenerali, jiġifieri f’post viżibbli ferm, bil-għan, skont posta elettronika interna ta’ Google, li “jiżdied ħafna t-traffiku”. Il-viżibbiltà tal-links lejn servizzi ta’ tqabbil tax-xiri oħra kienet l-ogħla fl-aħħar tas-sena 2010 u naqset f’daqqa waħda u ħafna wara t-tnedija tal-algoritmu Panda fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fi Spanja. Il-preżentazzjoni tagħhom dejjem kienet limitata li tirriproduċi sempliċi link blu, jiġifieri mingħajr ritratti supplimentari u informazzjoni dwar il-prodotti, il-prezzijiet u l-bejjiegħa. Il-fatt li x-Shopping Units ma kinux suġġetti, bir-riżultati tat-tfittxija ta’ prodott tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, għall-istess mekkaniżmi ta’ klassifikazzjoni, b’mod partikolari għall-algoritmu Panda, u enfasizzahom f’“box”, f’post viżibbli ferm, ’il fuq ħafna fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali, flimkien mal-preżentazzjoni ta’ karatteristiċi grafiċi arrikkiti, inklużi ritratti u informazzjoni dinamika, kif previst minn Google, wasslu għal rata ta’ click-through iktar sinjifikattiva għal Google u għalhekk għal żieda fid-dħul tagħha.

17.      Il-kombinazzjoni tal-prattiki implimentati mill‑2008 li allegatament wasslet sabiex tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri nnifishom ta’ Google fuq is-sit tar-riżultati ta’ tiftix ġenerali meta mqabbla ma’ dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (iktar ’il quddiem, il-“prattika kkritikata”), hija s-suġġett ta’ din il-proċedura

B.      Ilproċedura amministrattiva u ddeċiżjoni kontenzjuża

18.      Mill‑2009, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti dwar il-prattika ta’ Google deskritta iktar ’il fuq. Fit‑30 ta’ Novembru 2010, hija fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (6). Din wasslet għall-adozzjoni, fit‑13 ta’ Marzu 2013, ta’ evalwazzjoni preliminari mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (7). Il-Kummissjoni, wara li semgħet lil-lanjanti, ċaħdet l-offerti ta’ impenji ppreżentati minn Google bejn April 2013 u Jannar 2014. Fil‑15 ta’ April 2015, hija reġgħet bdiet il-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil Google. Fl‑14 ta’ Lulju 2016 ġiet segwita minn dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

19.      Id-dettalji tal-proċedura amministrattiva jinsabu fil-punti 21 sa 39 tas-sentenza appellata.

20.      Fis‑27 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

21.      Din id-deċiżjoni tikkonkludi li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet u ta’ servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti, konformement mal-Artikolu 102 TFUE u mal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE. L-abbuż jirriżulta mill-fatt li, fir-riżultati tat-tiftix tal-muturi ta’ tfittxija ġenerali tagħha, Google ppreżentat ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha b’mod li viżibbilment jispikkaw iktar minn dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u applikat l-algoritmu Panda biss għal dawn tal-aħħar. Din il-prattika kellha l-effett li żżid it-traffiku tas-sit internet ta’ Google għar-riżultati tat-tiftix ġenerali lejn is-sit internet tagħha ta’ riżultati ta’ tiftix ta’ prodotti u li tnaqqas dak lejn is-siti internet tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Dan potenzjalment kellu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kemm fuq diversi swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet kif ukoll fuq dawk tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti. Kemm minn perspettiva ġeografika kif ukoll minn dik temporali, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ tali abbuż minn Jannar 2008 għal total ta’ tlettax-il pajjiż taż-ŻEE f’perijodi differenti rispettivament, jiġifieri fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fil-Polonja, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fin-Norveġja.

22.      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni timmotiva, essenzjalment, dawn il-konklużjonijiet kif ġej (8).

23.      Il-Kummissjoni tiddistingwi bejn żewġ swieq diġitali, jiġifieri s-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet (iktar ’il quddiem is-“suq tat-tiftix ġenerali” u dak tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fuq l-internet jew ta’ tqabbil tax-xiri (iktar ’il quddiem is-“suq għal servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti”), it-tnejn li huma ta’ dimensjoni nazzjonali (9). Fir-rigward tal-ewwel suq, hija tesponi li s-servizzi ta’ tiftix ġenerali offruti fuq is-siti internet, fis-sens ta’ pjattaformi “b’żewġ uċuħ”, huma f’kompetizzjoni sabiex jinkoraġġixxu l-ikbar numru possibbli ta’ utenti tal-internet għal użu (bla ħlas) u b’hekk iżidu d-domanda tal-persuni li jirreklamaw għal użu kummerċjali (bi ħlas) (10).

24.      Fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, il-Kummissjoni tinnota barrieri għad-dħul għoljin ħafna. Biex wieħed jidħol f’dawn is-swieq, jenħtieġu investimenti konsiderevoli. Mutur ta’ tfittxija fuq l-internet jista’ jiffunzjona b’mod korrett biss jekk ikun hemm biżżejjed utenti li jippreżentaw numru sinjifikattiv ta’ talbiet. Barra minn hekk, finanzjament suffiċjenti jippreżumi li reklami bi ħlas suffiċjenti jixxandru fuq is-sit internet ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija. Dawn iż-żewġ aspetti jiffavorixxu lill-mexxej tas-suq u jirrendu iktar diffiċli d-dħul ta’ operaturi ġodda f’dan is-suq (11). Google ilha tgawdi minn pożizzjoni dominanti sa mill‑2008, fis-swieq nazzjonali kollha tat-tiftix ġenerali fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka (hemm mhux qabel l‑2011) (12).

25.      Fir-rigward tas-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti, il-Kummissjoni tirrileva li s-suċċess ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri jiddependi qabel kollox fuq iż-żieda ġġenerata mit-traffiku, jiġifieri fuq in-numru ta’ klikks imwettqa mill-utenti tal-internet fuq is-sit internet ikkonċernat. Żieda għolja tippermetti lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jħajru lill-bejjiegħa jipprovdulhom iktar data dwar il-prodotti tagħhom, iżidu, fuq din il-bażi, l-offerta tagħhom u, min-naħa tagħhom, jagħmluhom iktar attraenti għall-bejjiegħa, għall-persuni li jirreklamaw, għall-utenti tal-internet u għax-xerrejja potenzjali u, b’dan il-mod iżidu d-dħul tagħhom (13).

26.      Skont il-Kummissjoni, il-prattika kkritikata kellha l-effett li tnaqqas it-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u li konsegwentement iżżid it-traffiku li joriġina minn dawn is-siti lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha. Madwar 95 % tal-klikks tal-utenti tal-internet kienu jirrappreżentaw l-ewwel għaxar riżultati ta’ tiftix ġenerali fuq is-sit internet ta’ Google, bil-biċċa l-kbira tagħhom jirrappreżentaw l-ewwel tlieta sa ħamsa, u għalhekk kienu jipproduċu l-ikbar traffiku. Il-pożizzjonament sekondarju tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jikkostitwixxi għalihom żvantaġġ kbir (14), li ma jistax effettivament jiġi ssostitwit minn sorsi oħra ta’ traffiku (15).

27.      Skont il-Kummissjoni, il-prattika kkontestata potenzjalment ipproduċiet effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali tas-servizzi tat-tiftix ġenerali u tas-servizzi tat-tiftix speċjalizzat ta’ prodotti. F’dawn is-swieq tal-aħħar, din il-prattika jista’ jkollha l-effett li l-kompetituri jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, tagħmel ħsara lill-innovazzjoni u tillimita l-kapaċità tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għas-servizzi l-iktar effiċjenti. L-istruttura kompetittiva ta’ dawn is-swieq hija għalhekk affettwata. Fis-swieq tas-servizzi tat-tiftix ġenerali, Google użat id-dħul addizzjonali ġġenerat mit-tiftix speċjalizzat ta’ prodotti sabiex issaħħaħ is-servizzi ta’ tiftix ġenerali tagħha u b’hekk żammet il-pożizzjoni dominanti tagħha f’dawn is-swieq (16).

28.      Il-Kummissjoni imponiet fuq Google multa ta’ EUR 2 424 495 000 għal din il-prattika, li għaliha Alphabet, bħala soċju uniku tagħha, hija responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 523 518 000 (17).

C.      Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

29.      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Settembru 2017, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Sussidjarjament, huma talbu l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

30.      Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija esposta fid-dettall fil-punti 79 sa 118 tas-sentenza appellata.

31.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), Infederation Ltd (iktar ’il quddiem “Foundem”), il-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV (iktar ’il quddiem il-“VDZ”), il-Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger e. V. (iktar ’il quddiem il-“BDZV”), il-Visual Meta GmbH, Twenga, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Computer & Communication Industry Association (iktar ’il quddiem iċ-CCIA) tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-appellanti.

32.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn fiha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE li jirriżulta minn abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Google fit-tlettax-il suq nazzjonali tas-servizzi tat-tiftix ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkonfermat il-konstatazzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Google f’din id-deċiżjoni fit-tlettax-il suq nazzjonali ta’ servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti. Il-Kummissjoni kkonfermat l-ammont sħiħ tal-multa imposta fuq l-appellanti wara li eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali mingħajr limiti tagħha.

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

33.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2022, l-appellanti ppreżentaw appell kontra s-sentenza appellata.

34.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2022, l-appellanti talbu li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-verżjoni tagħha li tikkorrispondi għall-Anness 1 tar-rikors tagħhom, l-Anness 2 tar-rikors tal-appell tagħhom jiġi ttrattat bħala kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti. Fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kienet diġà tat tali trattament kunfidenzjali. Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Marzu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba (18).

35.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ġunju 2022, PriceRunner International AB (iktar ’il quddiem “PriceRunner”) titlob, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Settembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. F’din id-deċiżjoni, it-trattament kunfidenzjali tal-Anness 2 tar-rikors tal-appell fir-rigward ta’ PriceRunner ġie rriżervat u din ġiet awtorizzata tippreżenta nota ta’ intervent.

36.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2022, FairSearch AISBL talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Settembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.

37.      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata,

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha,

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil PriceRunner għall-ispejjeż tal-intervent tagħha.

38.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39.      Iċ-CCIA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

40.      L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

41.      Il-BEUC jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tiegħu fil-kuntest tal-appell.

42.      Foundem titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala manifestament inammissibbli jew infondat fl-intier tiegħu u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

43.      Kelkoo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-kumplament tal-appell bħala inammissibbli u infondat, sa fejn huwa dirett kontra konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż relatati mal-intervent tagħha.

44.      Ladenzeile (preċedentement: Visual Meta GmbH), BDZV u VDZ jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-intervent tagħhom.

45.      Twenga titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravji tal-appellanti, tikkonferma s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

46.      PriceRunner titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom.

47.      Fis-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2023, il-partijiet ippreżentaw argumenti orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48.      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti rrinunzjaw għall-appell, kif imniżżel fil-proċess verbali tas-seduta, sa fejn dan kien dirett kontra l-parti tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet laqgħet it-talba tagħhom (punt 1 tad-dispożittiv).

IV.    Evalwazzjoni

A.      Ammissibbiltà

49.      It-talbiet ta’ Foundem u Kelkoo biex l-appell jiġi miċħud bħala (manifestament) inammissibbli ma jistgħux jintlaqgħu. La l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u lanqas l-osservazzjonijiet li huma pprovdew waqt is-seduta ma juru motivazzjoni valida f’dan ir-rigward.

50.      B’mod partikolari, l-argument ta’ Foundem li l-appell huwa bbażat fuq preżentazzjoni qarrieqa jew inkompleta tal-fatti rilevanti jew fuq evalwazzjoni mill-ġdid inammissibbli tagħhom ma jissodisfax ir-rekwiżiti rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita l-inammissibbiltà ta’ appell. Dan huwa l-każ biss jekk ikun intiż sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid tal-fatti u tal-provi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ appell (19). Madankollu, dan ma japplika għall-ebda aggravju mqajjem f’dan l-appell. Barra minn hekk, la l-argument ta’ Foundem u lanqas ta’ Kelkoo ma jindikaw b’mod ċar jekk u sa fejn l-allegata kontestazzjoni, fl-appell, tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali hija differenti mill-evalwazzjoni ġuridika allegatament żbaljata tagħha.

51.      Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.

B.      Aggravji

52.      L-appellanti qegħdin jinvokaw erba’ aggravji.

53.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli injorat il-fatt li Google ma kinitx obbligata tagħti lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri aċċess nondiskriminatorju għas-servizz ta’ tiftix tagħha fuq l-internet, b’mod partikolari għall-“kaxxi” intiżi għas-servizz ta’ tiftix ta’ prodotti.

54.      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta rrikonoxxiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tistabbilixxi li l-imġiba ta’ Google kienet titbiegħed mill-mezzi ta’ kompetizzjoni normali abbażi tal-mertu.

55.      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tar-rabta kawżali bejn il-prattika kkritikata u l-effetti probabbli tagħha, b’mod partikolari sa fejn hija ma kkontestatx l-assenza ta’ analiżi kontrofattwali fid-deċiżjoni kontenzjuża.

56.      Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina jekk il-prattika kkontestata kinitx ta’ natura li teskludi mis-suq kompetituri daqstant effettivi.

C.      Abbuż jew mezz ta’ kompetizzjoni abbażi talmertu (lewwel u ttieni aggravju)?

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

57.      L-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi meta kkonfermat il-prattika kkritikata bħala li ma segwietx il-mezzi li jaqgħu taħt kompetizzjoni normali abbażi tal-mertu u, għaldaqstant, bħala abbużiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Filwaqt li t-tieni aggravju jirrigwarda diversi lmenti dwar id-delimitazzjoni bejn il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u l-imġiba abbużiva b’mod ġenerali, l-ewwel aggravju jirrigwarda l-kwistjoni speċifika tal-applikabbiltà tal-kriterji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fis-sentenza Bronner (20) (iktar ’il quddiem il-“kriterji Bronner”).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat il-kriterji Bronner sabiex tevalwa n-natura abbużiva tar-rifjut ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti lill-kompetituri tagħha aċċess (nondiskriminatorju) għal input sostanzjali, bħal liċenzja għall-użu ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jew għal infrastruttura li hija proprjetà tagħha. Din il-ġurisprudenza ilha diskussa għal żmien twil taħt il-frażi “faċilità essenzjali” (“essential facility”) (21). Kif jidher fil-kawża ineżami, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji huwa ferm kontroversjali. Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għall-każijiet ta’ rifjut ta’ provvista jew ta’ aċċess inizjalment irrikonoxxuti. Għaldaqstant, meta tali rifjut ma jeżistix, bħal fil-kawża ineżami, u meta jkun hemm biss kundizzjonijiet irraġonevoli jew diskriminatorji ta’ provvista jew ta’ aċċess, l-applikazzjoni ta’ dan ir-rifjut ma titteħidx inkunsiderazzjoni.

59.      Kuntrarjament għall-ordni ta’ eżami tal-Qorti Ġenerali dwar il-ħames motiv (22), ser nindirizza l-ewwel wieħed (taħt 2) u mbagħad it-tieni aggravju (taħt 3) sabiex nivverifika jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonferma l-prattika kkritikata bħala abbużiva.

2.      Applikabbiltà talkriterji Bronner (lewwel aggravju)

a)      Sunt talilmenti talewwel aggravju

60.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi u interpretat ħażin il-kriterji Bronner billi ssostitwixxiet b’mod inammissibbli l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża (l-ewwel parti) u billi ddikjarathom inapplikabbli (it-tieni parti). Madankollu, dawn il-kriterji huma applikabbli għal kwalunkwe obbligu għal impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti lil kompetituri l-aċċess għal faċilità essenzjali u, bħala prinċipju, għall-forom kollha ta’ differenza fit-trattament. Ix-Shopping Units murija fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google jikkostitwixxu infrastruttura distinta żviluppata minnha. Il-pożizzjonament iktar favorevoli tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha jikkonċerna għalhekk il-kwistjoni ta’ aċċess mhux ugwali, iżda konformi mal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu għal din l-infrastruttura fis-sens tas-sentenza Bronner. Madankollu, bħala riżultat tad-deċiżjoni kontenzjuża, Google għandha tagħti lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri aċċess ugwali għax-Shopping Units. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet dan l-argument.

61.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta li l-Qorti Ġenerali wettqet sostituzzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, hija tirribatti, essenzjalment, li l-kaxxi tax-Shopping Units ma jikkostitwixxux infrastruttura distinta. Dawn pjuttost jagħmlu parti mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google, li għaliha hija diġà tat aċċess għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Il-kritika fformulata fid-deċiżjoni kontenzjuża ma tirrigwardax, essenzjalment, il-kwistjoni tal-aċċess għal infrastruttura distinta, iżda l-prattika ta’ Google li tikkonsisti f’li tagħti preferenza, fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha, lir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha meta mqabbla ma’ dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, li tali preferenza kapaċi teskludihom mis-suq. Il-kriterji Bronner la japplikaw b’mod ġenerali u lanqas għal tali każ ta’ awtopreferenzjar.

b)      Ilkonstatazzjonijiet talQorti Ġenerali li huma kkontestati

62.      L-ewwel aggravju jirreferi għall-osservazzjonijiet magħmula fil-punti 212 sa 249 tas-sentenza appellata, li, b’risposta għat-tieni parti tal-ħames aggravju, essenzjalment jikkonstataw dan li ġej.

63.      Il-Qorti Ġenerali tirreferi, qabelxejn, għall-premessi 649 sa 651 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jgħidu li l-kriterji Bronner ma humiex applikabbli għall-fatti tal-kawża ineżami għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, l-abbużi permezz tal-effett ta’ lieva kienu jikkostitwixxu forom ta’ abbuż stabbiliti sewwa u awtonomi li ma jifformawx parti mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. It-tieni nett, il-prattika kkontestata ma hijiex rifjut passiv ta’ aċċess għal paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, iżda vantaġġ attiv billi s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha jingħata preferenza meta mqabbla mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. It-tielet nett, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza Bronner, ma huwiex neċessarju, fil-kawża ineżami, sabiex jintemm l-abbuż, li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tittrasferixxi assi minn tagħha jew tikkonkludi kuntratti ma’ persuni li ma tkunx għażlet (23).

64.      Wara li esponiet il-kriterji Bronner, inkluż dak tan-natura indispensabbli tal-aċċess għall-faċilitajiet essenzjali sabiex tinżamm jew tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni (24), il-Qorti Ġenerali tistaqsi jekk il-kundizzjonijiet li fihom Google tagħti lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri l-aċċess għall-paġni tar-riżultati tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha għandhomx jissodisfaw dawn il-kriterji (25).

65.      Fl-ewwel lok, fir-rigward, b’mod partikolari, tat-Taqsima 7.2.4.2 u tal-premessi 662, 699 u 700(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din hija intiża, essenzjalment, sabiex tagħti lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, irrispettivament mit-tip ta’ riżultati, l-istess aċċess għall-paġni tar-riżultati tas-servizz ta’ tiftix ġeneral bħal dak li sa dak iż-żmien kien irriżervat għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google (26).

66.      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-premessi 341, 342, 344 u 649 sa 652 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-kriterji Bronner, iżda fuq il-ġurisprudenza dwar l-abbuż li jirriżulta mill-effett ta’ lieva sabiex tistabbilixxi l-abbuż. Hija kkonkludiet li Google użat il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tat-tiftix ġenerali bħala lieva sabiex tiffavorixxi s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti, b’din l-imġiba preferenzjali twassal għal esklużjoni potenzjali jew reali tal-kompetizzjoni fis-suq downstream (27). Il-Qorti Ġenerali żżid li “l-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google tippreżenta karatteristiċi li jagħmluha simili għal faċilità essenzjali, […] fis-sens li attwalment ma jeżisti ebda sostitut reali jew potenzjali disponibbli li jippermetti li tiġi ssostitwita b’mod ekonomikament vijabbli fis-suq”. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-punti 170 sa 173 tas-sentenza appellata u għat-Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-traffiku ta’ tiftix ġenerali mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google kien jirrappreżenta proporzjon qawwi tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u li dan it-traffiku ma setax effettivament jiġi ssostitwit b’sorsi oħra ta’ traffiku disponibbli għalihom, jew b’mod “ekonomikament vijabbli”. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat dan it-traffiku bħala “indispensabbli” għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (28). Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet, fit-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-prattika kkontestata setgħet “[twassal] għall-eliminazzjoni potenzjali ta’ kull kompetizzjoni” (29).

67.      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tesponi b’mod kemxejn ikkumplikat li, għalkemm il-prattika kkontestata tippreżenta “ċertu paralleliżmu ma’ problema ta’ aċċess”, din hija distinta, minħabba l-karatteristiċi essenzjali tagħha ta’ rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista fis-sens tal-kriterji Bronner. Għaldaqstant, dawn il-kriterji ma jkunx meħtieġ li japplikaw għal tali prattika awtonoma, anki jekk tista’ tipproduċi l-istess effetti ta’ esklużjoni (30). Fil-fatt, minn naħa, “rifjut” ta’ aċċess jimplika natura espressa, jiġifieri li teżisti “talba” jew, fi kwalunkwe każ, xewqa ta’ aċċess u “rifjut” relatat magħha. Min-naħa l-oħra, l-effett ta’ esklużjoni għandu jirriżulta prinċipalment mir-rifjut bħala tali u mhux minn prattika oħra, pereżempju fil-forma ta’ abbuż permezz ta’ effett ta’ lieva. Fl-assenza ta’ rifjut espress ta’ aċċess, prattiki li għandhom effetti paragunabbli, iżda li, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom li ma jsegwux il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, jikkostitwixxu ksur awtonomu tal-Artikolu 102 TFUE, ma għandhomx għalhekk jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stretti stabbiliti għal tali rifjut (31).

68.      Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-prattiki kollha ta’ esklużjoni, jew tal-inqas il-parti l-kbira tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu rifjut impliċitu ta’ provvista sa fejn dawn jirrendu, bħala regola ġenerali, iktar diffiċli l-aċċess għal suq. Madankollu, il-kriterji Bronner ma jistgħux jiġu applikati għal dawn il-prattiki kollha. Fil-fatt, dan imur kontra l-kliem u l-ispirtu tal-Artikolu 102 TFUE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistax jiġi limitat għall-prattiki abbużivi li jirrigwardaw oġġetti u servizzi “indispensabbli” fis-sens ta’ din is-sentenza (32). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza dwar il-problemi ta’ aċċess għal servizz, bħal fil-każ ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet u l-bejgħ marbut, ma talbitx il-prova tan-natura indispensabbli (33).

69.      Il-Qorti Ġenerali tqis għalhekk li l-kriterji Bronner ma humiex applikabbli fil-kawża ineżami (34). Id-differenza fit-trattament allegata fil-konfront ta’ Google minħabba l-effett ta’ lieva hija forma awtonoma ta’ abbuż (35).

70.      Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad, b’mod partikolari, l-argument ta’ Google li l-obbligu għal impriża f’pożizzjoni dominanti li taġixxi b’mod abbużiv li tittrasferixxi assi, li tikkonkludi kuntratti jew li tagħti aċċess għas-servizzi tagħha f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji jippreżupponi neċessarjament l-applikazzjoni tal-kriterji Bronner. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm rabta awtomatika bejn il-kriterji ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-abbuż u l-miżuri korrettivi li jippermettu li dan jiġi eliminat. Għaldaqstant, il-kriterju tan-neċessità li jiġu ttrasferiti assi jew li jiġu konklużi kuntratti sabiex jintemm il-ksur ma huwiex applikabbli għal ksur attiv li, bħal fil-kawża ineżami, huwa differenti minn sempliċi rifjut ta’ provvista (36).

c)      Evalwazzjoni

1)      Iddifferenza fittrattament permezz talawtopreferenzjar bħala forma awtonoma ta’ abbuż?

71.      L-argumenti (kemxejn ikkumplikati u superfluwi, tal-Qorti Ġenerali fil-punti 212 et seq. tas-sentenza appellata huma ġodda peress li jikklassifikaw espressament, għall-ewwel darba fil-ġurisprudenza, differenza fit-trattament fil-forma ta’ awtopreferenzjar mogħti lil impriża f’pożizzjoni dominanti b’effett ta’ lieva bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, kif ser nuri iktar ’il quddiem, din l-interpretazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza preċedenti għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ abbuż u għalhekk ma turi ebda żball ta’ liġi.

72.      Il-prattika kkritikata tikkonsisti, essenzjalment, fil-fatt li Google sfruttat il-pożizzjoni dominanti tagħha, fatt li ma huwiex ikkontestat, fis-suq tat-tiftix ġenerali upstream, permezz ta’ effett ta’ lieva, sabiex tagħti vantaġġ kompetittiv lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha meta mqabbel mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fis-suq downstream tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti li fih hija ma kellhiex tali pożizzjoni. Dan il-vantaġġ kien jirriżulta mill-preferenza mogħtija lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali wara talbiet għal tiftix ta’ prodotti speċifiċi mill-utenti tal-internet. Bl-użu ta’ algoritmi speċifiċi, b’mod partikolari l-algoritmu Panda, Google ppreżentat ir-riżultati tat-tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha fl-ewwel pożizzjoni u enfasizzati, b’informazzjoni viżwali u testwali attraenti, fix-Shopping Units. B’kuntrast ma’ dan, ir-riżultati tat-tiftix tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu jidhru fuq din il-paġna biss fi grad inferjuri bħala link blu. Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni wriet, u l-Qorti Ġenerali kkonfermat, li din il-prattika kellha influwenza dejjiema fuq l-imġiba tal-utenti u t-traffiku favur Google u għad-detriment tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. It-Taqsimiet 7.1 u 7.2 tad-deċiżjoni kontenzjuża jikklassifikaw din id-differenza fit-trattament permezz tal-awtopreferenzjar bħala forma awtonoma ta’ abbuż (37). F’dan ir-rigward, din id-deċiżjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-ġurisprudenza dwar l-abbuż li jirriżulta mill-użu tal-effett ta’ lieva (38).

73.      Kif ser nuri iktar ’il quddiem, din il-prattika kkritikata tikkostitwixxi devjazzjoni tal-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu li ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-kriterji Bronner.

74.      Għal dan l-għan, ser neżamina qabelxejn il-kriterji legali stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-kunċett ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, id-differenza fit-trattament bejn kompetituri minn impriża f’pożizzjoni dominanti (ara punt 2). Imbagħad ser nindirizza l-argument ta’ Google li tali differenza fit-trattament tista’ tikkostitwixxi abbuż biss jekk il-kriterji Bronner jiġu ssodisfatti (ara punt 3). Sussegwentement, ser neżamina fid-dettall l-ilmenti mqajma kontra l-konstatazzjonijiet fil-punti 212 et seq. tas-sentenza appellata (taħt 4).

2)      Kriterji ġenerali għall-evalwazzjoni ta’ abbuż permezz ta’ differenza fit-trattament bejn kompetituri

75.      Il-punt tat-tluq tal-identifikazzjoni tal-kriterji rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ devjazzjoni mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-merti u ta’ abbuż huwa l-Artikolu 102(c) TFUE. Din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament każ partikolari ta’ differenza fit-trattament min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti. Skont din id-dispożizzjoni, abbuż jista’, b’mod partikolari, jikkonsisti fl-“applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,”.

76.      Dan l-eżempju ta’ regola jirrigwarda qabelxejn diskriminazzjoni bejn diversi msieħba kummerċjali jew kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti (39). Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxux riproduzzjoni eżawrjenti ta’ prattiki abbużivi (40). Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa possibbli li forom ta’ differenza fit-trattament simili għal dan l-eżempju speċifiku jiġu kklassifikati bħala abbużivi, li huma wkoll ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

77.      Din il-premessa hija konformi, minn naħa, mal-prinċipju rrikonoxxut li jgħid li impriża li jkollha pożizzjoni dominanti għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (41). Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv, għalkemm indeterminat, li l-kundizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu stabbiliti f’kull każ partikolari. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, din hija prattika li, f’suq fejn, preċiżament minħabba l-preżenza tal-impriża dominanti, il-kompetizzjoni diġà ddgħajfet, għandha l-effett li tostakola, b’mezzi differenti minn dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni normali abbażi tal-mertu bejn operaturi ekonomiċi, iż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni residwa (42). Sabiex jiġi evalwat jekk il-prattika ta’ tali impriża hijiex abbużiva jew konformi mal-mezzi li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (43).

78.      Il-kwistjoni li tqum fil-kuntest tal-ewwel aggravju hija għalhekk dwar jekk id-differenza fit-trattament permezz ta’ awtopreferenzjar li hija kkritikata biha Google tikkostitwixxix prattika paragunabbli mal-eżempju tal-Artikolu 102(c) TFUE li toħloq żvantaġġ kompetittiv lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri b’mod li jitbiegħed mill-mezzi li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Għall-kuntrarju, Google tqis, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, li risposta affermattiva tista’ tingħata biss għal din il-kwistjoni jekk il-kriterji Bronner li għandhom jiġu interpretati b’mod strett, iżda li ma humiex issodisfatti fil-kawża ineżami, huma kumulattivi sabiex jiġi konkluż li jeżisti rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista.

79.      Jidhirli li dan l-argument ma huwiex fondat.

80.      Il-kriterji Bronner tipikament jikkonċernaw sitwazzjoni li fiha impriża f’pożizzjoni dominanti tirrifjuta lill-kompetituri tagħha l-aċċess għal infrastruttura li hija żviluppat għall-attivitajiet tagħha stess u li tagħha hija l-proprjetarja. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali rifjut jista’ jikkostitwixxi abbuż biss jekk, l-ewwel nett, dan ir-rifjut ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni min-naħa ta’ min jitlob l-aċċess, it-tieni nett, ma jistax jiġi oġġettivament iġġustifikat u, it-tielet nett, din l-infrastruttura nnifisha hija wkoll indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tal-kompetitur, fis-sens li ma kien jeżisti l-ebda sostitut reali jew potenzjali (44). Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fakkret l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali, kienet diġà aċċettat kriterji analogi fis-sentenza tagħha Magill fil-każ ta’ rifjut ta’ provvista jew ta’ rifjut ta’ liċenzja mill-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (45).

81.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, inqis li l-kriterji Bronner għandhom jiġu applikati f’limiti stretti u biss f’każijiet komparabbli ta’ rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista. Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ prattika bħal dik fil-kawża ineżami li, kif ser nuri fil-punti 88 et seq. iktar ’il quddiem, ma hijiex paragunabbli ma’ tali rifjut, iżda li madankollu tiddevja mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu, b’mod partikolari minħabba n-natura mhux xierqa u diskriminatorja tagħha.

82.      Sussegwentement ser nesponi għalfejn il-Qorti Ġenerali setgħet, b’mod definittiv, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra li dawn il-kriterji ma kinux applikabbli fil-kawża ineżami.

3)      Assenza ta’ każ partikolari ta’ abbuż li jirriżulta mirrifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista (kriterji Bronner)

83.      Kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, il-kriterji stretti Bronner huma dovuti għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista u għandhom biss kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minnhom (46).

84.      Fil-fatt, dawn il-kriterji huma ta’ natura eċċezzjonali u ma humiex ġenerali sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż (47). Huma intiżi sabiex jistabbilixxu, fil-każ speċifiku ta’ tali rifjut, bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-użu, bħala prinċipju, esklużiv ta’ dritt ta’ proprjetà (intellettwali) u l-libertà kuntrattwali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà jew iż-żamma tal-kompetizzjoni.

85.      Kif tirrileva wkoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 217 tas-sentenza appellata, il-kriterji stretti Bronner, b’mod partikolari dak tan-natura indispensabbli u dak tar-riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni, jikkostitwixxu l-espressjoni konkreta ta’ żewġ kunflitti ta’ għanijiet (48).

86.      Minn naħa, dawn il-kriterji jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi protett id-dritt iggarantit mid-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-impriża (f’pożizzjoni dominanti), li tagħżel l-imsieħba kummerċjali tagħha u li tiddisponi mill-proprjetà tagħha. Fil-fatt, kull obbligu ta’ aċċess jew ta’ provvista fir-rigward tal-kompetituri tagħha, impost mill-Artikolu 102 TFUE fuq din l-impriża, jimplika ndħil f’dan id-dritt u f’din il-libertà u għalhekk għandu jiġi mkejjel u ġġustifikat bir-reqqa (49).

87.      Min-naħa l-oħra, kriterji inqas stretti mill-kriterji Bronner sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ abbuż li jirriżulta minn rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista, jistgħu huma stess jaffettwaw b’mod eċċessiv il-kompetizzjoni, inkluż għad-detriment tal-konsumaturi. Huwa biss fil-każ fejn impriża tkun awtorizzata tuża b’mod esklużiv l-istituzzjonijiet li tkun żviluppat jew id-drittijiet ta’ proprjetà (intellettwali) għaliha nnifisha li jiġi promoss jew ippreżervat l-inċentiv oriġinali tagħha biex tinvesti fihom (50). Fi kliem ieħor, dan l-inċentiv huwa mutur ewlieni għall-investimenti u l-innovazzjonijiet li għandhom preċiżament l-għan li jippromwovu l-proċess kompetittiv. Madankollu, obbligu ta’ aċċess jew ta’ kunsinna impost mill-Artikolu 102 TFUE jista’ jnaqqas, jew saħansitra jxejjen dan l-inċentiv kemm għall-impriża f’pożizzjoni dominanti kif ukoll għall-kompetituri tagħha. Fil-fatt, huwa jkun jippermetti lill-kompetituri li jipparteċipaw fil-frott ta’ tali investimenti jew innovazzjonijiet tal-impriża f’pożizzjoni dominanti mingħajr ma jkollhom għalfejn jinvestu huma stess fl-iżvilupp ta’ infrastruttura kompetitriċi. Dan l-aġir, ikklassifikat ukoll bħala parassitiżmu (free riding), jista’ għalhekk jaffettwa l-kompetizzjoni fit-tul, inkluż il-benesseri tal-konsumaturi. Il-promozzjoni għal żmien qasir tal-kompetizzjoni, li hija bbażata fuq obbligu ta’ aċċess jew ta’ kunsinna, ma tistax tikkumpensa tali effett ħażin (51). F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-għan prinċipali tal-Artikolu 102 TFUE huwa li jħares il-kompetizzjoni kollha kemm hi, inklużi l-interessi tal-konsumaturi, u mhux l-interessi tal-kompetituri individwali (52).

88.      Fid-dawl ta’ dan ir-raġunament tal-kriterji Bronner, ma narax li l-klassifikazzjoni kompetittiva tal-prattika kkontestata, jiġifieri differenza fit-trattament permezz ta’ awtopreferenzjar, għandha tkun suġġetta għal kriterji daqstant stretti sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż. Dan inaqqas inġustament l-effett utli tal-Artikolu 102 TFUE (53).

89.      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn il-kriterji ma japplikawx meta impriża f’pożizzjoni dominanti, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza Bronner, diġà tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha, jew saħansitra, bħal fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, skont leġiżlazzjonijiet fis-seħħ, hija obbligata li tagħti aċċess iżda tissuġġetta dan l-aċċess għal kundizzjonijiet mhux raġonevoli. Tali prattika tista’ għalhekk tikkostitwixxi forom awtonomi ta’ abbuż sa fejn din tipproduċi tal-inqas effetti antikompetittivi potenzjali fis-suq inkwistjoni, jew saħansitra effetti ta’ esklużjoni. Dan huwa iktar u iktar simili meta l-aċċess għal tali infrastruttura, għal servizz jew għal input speċifiċi, huwa indispensabbli sabiex il-kompetituri tal-impriża dominanti jkunu jistgħu joperaw b’mod profittabbli f’suq downstream (54).

90.      Fil-fehma tiegħi, l-awtopreferenzjar allegat fil-konfront ta’ Google jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ aċċess inġusti għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, bil-kundizzjoni li jkollha mill-inqas effetti antikompetittivi potenzjali (punti 159 et seq. iktar ’il quddiem). Il-kriterji Bronner ma japplikawx għal tali forma ta’ abbuż.

91.      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, fil-kawża ineżami ma hemmx rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista fis-sens tal-kriterji Bronner. Bl-istess mod, fl-assenza ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, id-dritt għall-proprjetà ta’ Google fuq l-infrastrutturi tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha jew il-libertà kuntrattwali tagħha ma humiex ristretti b’mod irraġonevoli, u wisq inqas ir-rieda tagħha li twettaq investimenti jew innovazzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-intervenjenti tal-Kummissjoni sostnew b’mod konvinċenti, b’mod partikolari waqt is-seduta, li huma qatt ma kienu talbu lil Google taċċedi għall-kaxxi tax-Shopping Units bħala infrastruttura allegatament distinta jew li tikkonkludi kuntratt f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, huma eżiġew it-tneħħija tagħhom u t-treġġigħ lura għall-prassi inizjali ta’ preżentazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tar-riżultati tat-tiftix esklużivament skont ir-rilevanza tal-kriterji ta’ tiftix introdotti mill-utenti tal-internet.

92.      Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi fil-punti 177 u 178 tas-sentenza appellata, il-mudell tan-negozju ta’ Google huwa pjuttost ibbażat fuq l-offerta ta’ infrastruttura bħala regola, miftuħa, maħsuba sabiex tattira massimu ta’ utenti tal-internet u tiġġenera t-traffiku sabiex tikseb l-effetti ta’ network pożittivi neċessarji għas-suċċess ekonomiku tagħha. Għalhekk, skont il-loġika tal-mudell ekonomiku tagħha, minn dejjem qiegħda tagħti aċċess lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għall-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha. Madankollu, permezz tal-prattika kkritikata, hija ppreżentat ir-riżultati tagħhom, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ algoritmi speċifiċi li ma kinux applikabbli għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, b’mod u f’post tant subordinat li ġeneralment ma kinux interessanti għall-utenti tal-internet. Fi kliem ieħor, din id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-awtopreferenzjar kienet ibbażata fuq kundizzjonijiet ta’ aċċess mhux xierqa, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, li, billi eżerċitat influwenza qarrieqa fuq l-imġiba tal-utenti, li kellha effett negattiv fuq il-profittabbiltà tal-attività tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fis-suq downstream tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti. Kif jindikaw ġustament kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali (55), din il-prattika ġiet implimentata permezz ta’ effett ta’ lieva, jiġifieri l-użu minn Google tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet sabiex tikseb vantaġġi kompetittivi fis-suq downstream tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti li fih hija (għad) ma kellhiex tali pożizzjoni.

93.      Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 212 et seq. tas-sentenza appellata ma jistgħux għalhekk jiġu kkritikati b’mod definittiv.

94.      Kif jirriżulta wkoll mill-punti 234 et seq. tas-sentenza appellata, din il-konklużjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza preċedenti dwar kundizzjonijiet inadegwati ta’ aċċess jew ta’ provvista, li jwasslu wkoll għal differenza fit-trattament bejn l-impriża f’pożizzjoni dominanti u l-kompetituri tagħha.

95.      Il-każ ta’ awtopreferenzjar fil-kawża jippreżenta b’mod partikolari ċerta prossimità mal-każijiet ta’ kompressjoni tal-marġni ta’ kompetituri jew ta’ “kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet” (56). F’dawn il-każijiet, impriża tat-telekomunikazzjonijiet vertikalment integrata, dominanti fis-suq upstream, tisfrutta l-fatt li l-kompetituri attivi tagħha fis-suq downstream jiddependu fuq is-servizzi ta’ aċċess tagħha, f’dan il-każ l-aċċess għal-linja lokali, bi ħlas. Minħabba t-tariffi u l-aċċess privileġġat tagħha, b’mod partikolari bl-inqas spejjeż, din l-impriża tista’ toffri lill-klijenti finali prezzijiet iktar baxxi għas-servizzi tagħha fis-suq downstream, li ma jippermettux lill-kompetituri jibqgħu mingħajr ma jġarrbu telf, fid-dawl tal-ispejjeż ta’ aċċess ogħla f’dan is-suq, anki jekk ikunu wkoll effiċjenti (57). Il-marġni tagħhom huwa tant imnaqqas li ma jistgħux joperaw iktar b’mod effiċjenti u finalment jiġu eliminati mis-suq. Din hija b’mod konkret prattika tariffarja abbużiva tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li hija bbażata, b’mod definittiv, fuq differenza fit-trattament bejn din l-impriża u l-kompetituri tagħha fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-input essenzjali għall-attività downstream.

96.      Anki jekk din ma tinkludix impożizzjoni ta’ tariffi abbużivi, il-prattika kkontestata hija għal kollox paragunabbli mal-prattika deskritta iktar ’il fuq, kif issostni wkoll il-Kummissjoni. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 72 iktar ’il fuq, Google użat il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq upstream tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet sabiex tagħti vantaġġ kompetittiv lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fis-suq downstream tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti u tqiegħed fi żvantaġġ s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Madankollu, dawn tal-aħħar kienu, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali, li ma għandhomx iktar ikkontestati, dipendenti fuq it-traffiku li joriġina mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google, sabiex ikunu ekonomikament vijabbli u sabiex ikunu jistgħu jibqgħu f’dan is-suq.

97.      Barra minn hekk, kif isostnu l-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħha, id-devjazzjoni tat-traffiku li tirriżulta ma kinitx ibbażata fuq il-kwalità aħjar tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Għall-kuntrarju, din irriżultat biss mill-awtopreferenzjar u mill-effett ta’ lieva fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google, jiġifieri mill-użu tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet (58). Dan huwa kkonfermat mill-fatt imsemmi fil-premessa 343 tad-deċiżjoni kontenzjuża li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri Froogle, inizjalment offrut minn Google fuq sit internet isseparat, ma kienx suċċess u kienet biss il-prattika kkritikata li biddlet din is-sitwazzjoni b’mod dimostrabbli. Bl-istess mod, il-premessi 380 et seq. ta’ din id-deċiżjoni jesponu li servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kellu diversi karatteristiċi komuni għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, b’tali mod li kien suġġett għall-istess relegazzjonijiet tar-riżultati tat-tiftix ġenerali bl-applikazzjoni għalih tal-algoritmi ta’ aġġustament (59).

98.      Din il-forma ta’ differenza fit-trattament permezz tal-awtopreferenzjar tikkostitwixxi għalhekk imġiba li tiddevja mill-mezzi tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u hija abbużiva, peress li tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni (punti 159 et seq. iktar ’il quddiem).

99.      Iktar ’il quddiem ser nesponi fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel aggravju kontra l-kunsiderazzjonijiet inkwistjoni tal-Qorti Ġenerali (u tal-Kummissjoni) ma jistgħux jintlaqgħu.

4)      Ilmenti ddettaljati talewwel aggravju

i)      Lewwel parti talewwel aggravju

100. Bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li fil-punti 224 sa 228 tas-sentenza appellata li hija ssostitwixxiet lill-Kummissjoni b’mod inammissibbli. B’dan il-mod, minkejja l-assenza ta’ prova fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddistingwixxiet il-kawża ineżami ma’ dik li tat lok, b’mod partikolari, għas-sentenza Bronner. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet li Google kellha tagħti lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri aċċess nondiskriminatorju għas-servizz ta’ tiftix tagħha fuq l-internet, b’mod partikolari għall-“kaxxi” intiżi għas-servizz ta’ tiftix ta’ prodotti. Barra minn hekk, bl-osservazzjonijiet ikkritikati, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-elementi ta’ raġunament ta’ din id-deċiżjoni b’mod inammissibbli.

101. Inqis li din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata fl-intier tagħha.

102. Fil-kunsiderazzjonijiet ikkritikati, il-Qorti Ġenerali tikkonstata b’mod partikolari, l-ewwel nett, li l-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google għandha karatteristiċi li jqarrbuha lejn faċilità essenzjali (60), it-tieni nett, li l-Kummissjoni qieset li t-traffiku ġġenerat kien indispensabbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (61) u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-prattika kkritikata setgħet twassal għall-eliminazzjoni potenzjali ta’ kull kompetizzjoni (62).

103. Ċertament, il-konstatazzjoni li l-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google għandha karatteristiċi li tippreżenta “karatteristiċi li jagħmluha simili għal faċilità essenzjali” ma tidhirx b’mod preċiż fid-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, din hija biss evalwazzjoni preliminari u awtonoma mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-motivazzjoni essenzjali pprovduta mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ aġir abbużiv fil-premessi 341 sa 343, 444 et seq. u, b’mod partikolari, fil-premessi 539 et seq. tal-imsemmija deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali mbagħad tiċċita din l-evalwazzjoni fil-punti 225 sa 227 f’iktar dettall. L-osservazzjonijiet fil-punt 224 tas-sentenza appellata għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tagħhom. Fil-fatt, skonthom, ma teżisti ebda alternattiva ekonomikament vijabbli għal servizzi ta’ tqabbil tax-xiri għat-traffiku li joriġina mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google (63). L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li t-traffiku ta’ din il-parti tar-riżultati joqrob lejn il-kwalità ta’ faċilità essenzjali jew ta’ input ma tistax għalhekk titqies bħala sostituzzjoni inammissibbli tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

104. L-istess japplika għall-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 227 tas-sentenza appellata, li skontha t-traffiku li joriġina mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google huwa “indispensabbli” għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Kuntrarjament għall-impressjoni mogħtija mill-appellanti, din ma hijiex applikazzjoni (abbażi ta’ żball ta’ liġi) tal-kriterju tan-natura neċessarja jew indispensabbli fis-sens tas-sentenza Bronner (64). Bl-użu tal-kelma “indispensabbli” fil-punti 227 u 234 (in fine) tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi pjuttost għall-kriterji li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq sabiex tikkonstata abbuż li jikkonsisti f’kundizzjonijiet ta’ kunsinna mhux xierqa. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu abbużivi b’mod partikolari meta l-aċċess għal infrastruttura, għal servizz jew għal input huwa indispensabbli sabiex il-kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jkunu jistgħu joperaw b’mod profittabbli f’suq downstream.

105. Lanqas b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxiet b’mod inammissibbli l-elementi ta’ raġunament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Minn naħa, din id-deċiżjoni tirreferi wkoll, għalkemm mhux b’mod espliċitu daqs il-Qorti Ġenerali, għal din il-ġurisprudenza sabiex il-prattika kkritikata tiġi kklassifikata bħala abbużiva (65). Min-naħa l-oħra, il-premessi 542 et seq. tagħha jispjegaw fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li t-traffiku li joriġina mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google ma kienx sostitwibbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, jiġifieri li kien “indispensabbli”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirreferi wkoll għall-punt 219 tas-sentenza appellata.

106. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li bilkemm huwa ssostanzjat, huwa wkoll infondat.

107. Skont dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, fit-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-prattika kkontestata setgħet “[twassal] għall-eliminazzjoni potenzjali ta’ kull kompetizzjoni”. Ċertament, din il-konklużjoni ma tirriflettix eżattament il-kontenut tal-premessi 589 et seq. ta’ din id-deċiżjoni, li jimmotivaw b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom dawn il-prattiki għandhom effetti antikompetittivi potenzjali fis-swieq tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti (66). Il-premessa 594 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li għaliha tirreferi espressament il-Qorti Ġenerali, tesponi, madankollu, li l-prattika kkritikata hija ta’ natura li twassal lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri sabiex iwaqqfu s-servizz ta’ tiftix ta’ prodotti tagħhom (67). Għalkemm il-Qorti Ġenerali rriformulat b’mod konċiż din id-dikjarazzjoni, din tista’ tinftiehem fis-sens ta’ eliminazzjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, ma tistax tkun kwistjoni ta’ sostituzzjoni inammissibbli tal-elementi ta’ raġunament tal-imsemmija deċiżjoni.

108. Sa fejn l-appellanti għandhom l-intenzjoni li jilmentaw li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali b’hekk wettqu żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterji Bronner, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn il-kriterji ma humiex applikabbli fil-kawża ineżami (punti 75 et seq. iktar ’il fuq) sabiex dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

109. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

ii)    Ittieni parti talewwel aggravju

110. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 229 sa 248 tas-sentenza appellata. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kriterji Bronner ma kinux applikabbli, minkejja li d-deċiżjoni kontenzjuża ssuġġettat lil Google għal obbligu ta’ provvista.

111. Bl-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 237 sa 240 tas-sentenza appellata billi għamlet differenza fit-trattament stabbilita minn każ ta’ rifjut ta’ aċċess. Kuntrarjament għal dak li jafferma l-punt 239 ta’ din is-sentenza, ir-rifjut ta’ aċċess ikkritikat jikkostitwixxi każ speċifiku ta’ tali differenza fit-trattament. Il-kaxxi tax-Shopping Units huma faċilità distinta żviluppata minn Google li ppermettiet preżentazzjoni iktar vantaġġuża tar-riżultati tat-tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, iżda li ma kinitx aċċessibbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Dawn tal-aħħar kellhom biss aċċess inqas vantaġġuż għal paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google. Kuntrarjament għal dak li jindika l-punt 232 tas-sentenza appellata, id-differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix għalhekk prattika li taqa’ barra mill-kuntest tar-rifjut ta’ aċċess. Madankollu, il-kriterji Bronner kellhom jiġu applikati fil-konfront tagħha.

112. Fid-dawl ta’ dak li esponejt fil-punti 75 et seq. iktar ’il fuq, dan l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

113. Fihom, jiena esponejt ir-raġunijiet li għalihom il-kriterji Bronner ma jistgħux japplikaw għall-kawża ineżami tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-awtopreferenzjar. Dan ma huwiex preċiżament każ ta’ rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura, għal servizz jew għal input fis-sens tas-sentenza Bronner, iżda każ ta’ ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ aċċess jew ta’ provvista mhux xierqa wara aċċess diġà mogħti.

114. Għall-kuntrarju, id-distinzjoni, magħmula mill-appellanti, bejn, minn naħa, l-aċċess għall-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google u, min-naħa l-oħra, il-kaxxi separati tax-Shopping Units li jinsabu fihom, li jindikaw biss ir-riżultati ta’ tiftix ta’ Google tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, hija artifiċjali, jew saħansitra arbitrarja. B’mod partikolari, VDZ, BDZV u Ladenzeile esponew dan l-argument b’mod konvinċenti waqt is-seduta.

115. Anki jekk dawn ġew enfasizzati fil-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google, dawn il-kaxxi ma jikkostitwixxux infrastruttura distinta, fis-sens ta’ paġna tar-riżultati totalment awtonoma fuq il-livell tekniku, iżda, b’differenza mis-servizz indipendenti ta’ tiftix ta’ prodotti preċedenti tagħha Froogle, ġew, skont il-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali (68), deliberatament integrati minn Google fil-mutur ta’ tfittxija ġenerali tagħha u fil-mod ta’ funzjonament tiegħu, sabiex tkun tista’ tuża għall-vantaġġ tagħha l-effetti ta’ network li huma ġġenerati fih fis-suq tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti. L-algoritmi speċifiċi, li l-użu tagħhom wassal lill-kaxxi tax-Shopping Units sabiex juru biss ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, ġew korrispondentement attivati b’talbiet ta’ tiftix tal-utenti fuq il-mutur ta’ tfittxija ġenerali tagħhom. L-iżvantaġġ li jirriżulta mir-riżultati ta’ tiftix tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jikkonċerna għalhekk il-mod ta’ aċċess għall-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google u mhux kwistjoni ta’ aċċess għal infrastruttura allegatament distinta fil-forma ta’ kaxxi tax-Shopping Units. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 90 iktar ’il fuq, l-intervenjenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari waqt is-seduta, sostnew b’mod kredibbli li huma qatt ma kienu talbu l-aċċess għal dawn il-kaxxi, iżda li huma kienu, għall-kuntrarju, talbu t-tneħħija tagħhom.

116. F’dan l-isfond, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 240 tas-sentenza appellata ma tistax tiġi oġġezzjonata. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha turi li l-kriterji Bronner kienu ssodisfatti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur fil-kawża ineżami. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-prattika kkritikata kienet tikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż permezz tal-effett ta’ lieva, li wasslet għal imġiba “attiva”, u din fil-forma ta’ diskriminazzjoni pożittiva favur ir-riżultati ta’ tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

117. It-tieni lment huwa biss varjant tal-ewwel ilment u għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

118. L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, partikolarment fil-punti 219 u 243 tas-sentenza appellata li ddeskriviet b’mod inammissibbli u bi żball ta’ liġi d-deċiżjoni kontenzjuża bħala li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess jew ta’ provvista u mhux il-kwistjoni tal-aċċess għal infrastruttura distinta bħala tali. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 113 sa 116 iktar ’il fuq, dan l-ilment ma huwiex fondat.

119. Permezz tat-tielet ilment tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom din ċaħdet ukoll l-applikabbiltà tal-kriterji Bronner minħabba li fil-kawża ineżami la kienet teżisti talba espliċita għal aċċess u lanqas rifjut espliċitu ta’ aċċess.

120. Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tirreferi, tal-inqas impliċitament, għall-premessa 651 tad-deċiżjoni kontenzjuża li skontha l-kriterji Bronner ma humiex applikabbli għall-prattika kkontestata. Anki jekk ir-riferiment għall-assenza ta’ talba u għal rifjut ta’ aċċess ma għandux ekwivalenti espliċitu fil-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u huwa bbażat fuq approċċ pjuttost formalistiku, dawn fl-ebda każ ma huma determinanti għall-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, bħala tali, mingħajr żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tirrinunzja għall-applikazzjoni tal-kriterji Bronner fil-kawża ineżami.

121. Minn dan isegwi li t-tielet ilment huwa ineffettiv u għandu wkoll jiġi miċħud.

122. Ir-raba’ lment huwa dirett kontra l-punt 240 tas-sentenza appellata. Fih, il-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ rifjut ta’ provvista minħabba li dan ma kienx aġir “passiv”, iżda differenza fit-trattament “attiva”.

123. Sa fejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 75 et seq., l-aġir ikkritikat ma jikkonċernax każ ta’ rifjut ta’ aċċess fis-sens tal-kriterji Bronner, iżda differenza fit-trattament permezz ta’ awtopreferenzjar, dovuta b’mod definittiv, għall-użu ta’ algoritmi speċifiċi, ma hemmx lok li tiġi kkontestata l-klassifikazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-premessa 650 tad-deċiżjoni kontenzjuża, bħala aġir “attiv”.

124. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

125. Permezz tal-ħames ilment, l-appellanti jikkritikaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 246 tas-sentenza appellata. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-miżuri intiżi sabiex itemmu l-ksur ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura ġuridika tal-abbuż allegat. Fil-fatt, tali rabta ġiet stabbilita, fil-premessi 699 u 700 tad-deċiżjoni kontenzjuża, fir-rigward ta’ rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura kkritikata mill-Kummissjoni.

126. Kif diġà ġie rrilevat, dan l-ilment huwa bbażat għal darba oħra fuq il-premessa żbaljata li l-prattika kkritikata tikkostitwixxi rifjut ta’ aċċess jew ta’ provvista fis-sens tal-kriterji Bronner.

127. Għaldaqstant, dan il-ħames ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv.

128. Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda u dan fl-intier tiegħu.

3.      Evalwazzjoni ġenerali tależistenza ta’ devjazzjoni millmezzi talkompetizzjoni normali abbażi talmertu (ittieni aggravju)

a)      Fuq lgħan tattieni aggravju

129. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti, sostnuti miċ-CCIA, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi. L-ewwel nett, l-elementi ta’ motivazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża, li huma relatati biss mal-allegati effetti probabbli tal-prattika kkritikata, iżda mhux ma’ din tal-aħħar bħala tali, kienu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li kienet teżisti devjazzjoni mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, ipprovdiet elementi ta’ motivazzjoni addizzjonali għal dan il-għan, iżda mhux inklużi f’din id-deċiżjoni. It-tielet nett, l-elementi ta’ motivazzjoni addizzjonali ma jsostnux, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma inkludietx f’din l-evalwazzjoni l-aspetti favur il-kompetizzjoni mressqa minn Google, iżda biss bħala ġustifikazzjoni possibbli.

130. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma inammissibbli sa fejn huma diretti kontra l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-prattika kkritikata (l-ewwel parti), li l-appellanti ma kkontestawx quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tinkludi motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li din il-prattika kienet differenti mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu billi tiġi evalwata fil-kuntest ekonomiku tagħha. Sa fejn l-appellanti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali tal-Qorti Ġenerali (it-tieni parti), din hija ineffettiva. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma ssostitwixxewx il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda spjegaw biss għall-finijiet ta’ kompletezza r-raġunijiet li għalihom il-prattika kkritikata kienet titbiegħed mill-motivi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Barra minn hekk, fuq il-mertu, ma hemmx lok li jiġu kkontestati dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali (it-tielet parti).

131. Primarjament ser nindirizza l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni aggravju.

b)      Fuq lammissibbiltà talewwel parti tattieni aggravju

132. L-ewwel parti tat-tieni aggravju tirrigwarda b’mod partikolari l-ħames motiv, li l-Qorti Ġenerali indirizzat l-ewwel fil-punti 136 et seq. tas-sentenza appellata taħt it-titolu “Konformità tal‑prattiki inkwistjoni mal‑kompetizzjoni abbażi tal‑mertu”.

133. Mis-sommarju li jinsab fil-punt 122 tas-sentenza appellata jirriżulta li, permezz ta’ dan il-motiv, l-appellanti kienu sostnew, essenzjalment, li l-prattika kkritikata kienet tikkonsisti, fir-realtà, f’titjib kwalitattiv tas-servizz ta’ tiftix ġenerali ta’ Google. Peress li l-Kummissjoni ma wrietx li dan it-titjib kellu karatteristiċi li jiddevjaw mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, ma jistax ikun hemm abbuż. Għall-kuntrarju, hija imponiet fuq Google obbligu li tagħti lill-kompetituri tagħha l-aċċess għal “faċilità essenzjali” indispensabbli għalihom, mingħajr ma osservat il-kriterji stretti Bronner. Barra minn hekk, fl-imsemmi punt 122, il-Qorti Ġenerali ħabbret li ser teżamina, f’dan il-kuntest, l-argument li Google ma kellhiex għan antikompetittiv meta introduċiet ir-riżultati tat-tiftix speċifiċi minħabba li kienu jikkostitwixxu titjib fil-kwalità tas-servizz ta’ tiftix tagħha (69).

134. L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija intiża, b’mod partikolari, kontra l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 162 et seq. tas-sentenza appellata b’risposta għal dan il-ħames motiv. Hemmhekk, il-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-prattika kkritikata kienet tiddevja mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-ħames motiv għalhekk ikkontesta l-konstatazzjonijiet mill-premessa 341 tad-deċiżjoni kontenzjuża li tgħid li din il-prattika ma taqax fil-qasam tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. L-ewwel parti tat-tieni motiv tirriproduċi dan il-punt.

135. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. Kieku kien mod ieħor, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (70).

136. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi ddikjarata ammissibbli.

c)      Fuq ilfondatezza talewwel parti tattieni aggravju

137. Madankollu, nikkunsidra li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata.

138. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ma huwiex minnu li l-osservazzjonijiet fil-punti 162 et seq. tas-sentenza appellata jirreferu biss għall-effetti probabbli tal-prattika kkritikata, iżda mhux għal din il-prattika nnifisha. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, wettqet klassifikazzjoni ġuridika ta’ din il-prattika bħala tali sabiex tiġġustifika li hija tiddevja mill-mezzi tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u li b’hekk tissodisfa l-kunċett ta’ abbuż.

139. Fil-fatt, f’dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-premessa 344 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha l-Kummissjoni tikkonstata differenza fit-trattament bejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-forma ta’ preferenza mogħtija lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv ta’ Google (71). Hija tirreferi wkoll għall-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża li din id-differenza fit-trattament setgħet iddgħajjef il-kompetizzjoni fis-suq minħabba, l-ewwel nett, l-importanza tat-traffiku li jirriżulta mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google, it-tieni nett, l-imġiba tal-utenti waqt it-tiftix fuq l-internet u, it-tielet nett, il-fatt li t-traffiku ddevjat kien jirrappreżenta parti kbira minn dan it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u ma setax jiġi ssostitwit b’mod validu minn sorsi oħra (72).

140. Il-Qorti Ġenerali timmotiva din il-perspettiva fid-dettall bil-mod li ġej:

141. Hija tfakkar qabelxejn l-importanza tat-traffiku u tal-effetti ta’ network pożittivi li jirriżultaw minnu għas-suċċess ekonomiku ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri, kif espost fil-premessi 444 sa 450 tad-deċiżjoni kontenzjuża; b’kuntrast ma’ dan, it-tnaqqis ta’ dan it-traffiku jista’ jwassal għal ċirku vizzjuż, fuq żmien twil, għal ħruġ mis-suq (73). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali teżamina l-analiżi tal-imġiba tal-utenti esposta fil-premessi 454 sa 461 u 535 ta’ din id-deċiżjoni. Skonthom, l-utenti kienu jikkonċentraw ruħhom, ġeneralment, fuq l-ewwel tlieta sa ħames riżultati ta’ tiftix u ma jagħtux attenzjoni jew ftit li xejn jagħtuhom attenzjoni lir-riżultati li jiġu wara, u b’mod partikolari, għar-riżultati taħt il-parti immedjatament viżibbli tal-iskrin (fold) (74). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu fit-Taqsimiet 7.2.4.1 u 7.2.4.2 tad-deċiżjoni kontenzjuża (75) fir-rigward tal-effetti tat-traffiku ddevjat mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google. Dan jirrappreżenta proporzjon qawwi ta’ dan it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u ma setax effettivament jiġi ssostitwit minn sorsi oħra, inkluż ir-reklami bil-kliem, l-applikazzjonijiet fuq it-telefon ċellulari, it-traffiku dirett, ir-riferimenti lejn is-siti msieħba, in-networks soċjali jew il-muturi ta’ tfittxija oħra (76).

142. Minn dan il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-importanza tat-traffiku ta’ Google li jirriżulta mill-paġni ta’ tiftix ġenerali tagħha u n-natura mhux sostitwibbli tiegħu huma ċirkustanzi rilevanti li jistgħu jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ prattiki li ma jifformawx parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu. Hija ma llimitatx ruħha li tikkonstata l-eżistenza ta’ effett ta’ lieva, iżda kklassifikat ġuridikament il-prattika ta’ Google li takkumpanja dan l-effett, billi bbażat ruħha fuq kriterji rilevanti. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni pprovat b’mod korrett il-vantaġġ u l-effetti tiegħu, hija kellha d-dritt tqis li dan kien jiddevja mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu (77).

143. Dawn l-osservazzjonijiet juru li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-fond il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx legalment tikkonkludi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-prattika kkritikata kienet, bħala tali, u mhux biss l-effetti tagħha, inkompatibbli mal-mezzi tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Fid-dawl tal-vantaġġ intenzjonat kif ukoll effettiv permezz tagħha tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google fuq is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, dan kien il-każ skont il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali. Mill-perspettiva tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali, din hija klassifikazzjoni legali li saret abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali eżawrjenti u tal-produzzjoni tal-provi tal-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk Google osservatx jew abbużatx mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu meta mqabbla mal-funzjonament tas-swieq diġitali kkonċernati.

144. Dan l-approċċ huwa kompatibbli mar-rekwiżiti rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza. Skont il-ġurisprudenza, in-natura abbużiva ta’ mġiba għandha tiġi evalwata u pprovata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha (78). Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni billi tirreferi b’mod partikolari għall-punt 152 tas-sentenza appellata, għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk prattika tiddevjax mill-mezzi tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, u minn dik dwar jekk din tistax ukoll tirrestrinġi l-kompetizzjoni, anki jekk dawn iż-żewġ kriterji jikkostitwixxu elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ abbuż.

145. L-appellanti ma jistgħux validament joġġezzjonaw għall-fatt li l-Qorti Ġenerali kkritikat il-premessa 341 tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-ilment taċ-CCIA bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (79). Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, din il-premessa, meħuda waħedha, tista’ tiġi interpretata ħażin fis-sens li l-Kummissjoni ma ddeduċietx mill-effetti ta’ esklużjoni (potenzjali) li hija kkonstatat li l-prattika kkritikata ddevjat mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Ċertament, kif indikajt fil-punt 143 iktar ’il fuq, ma nistax naqbel ma’ din l-evalwazzjoni. Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali nnifisha, il-premessa 341 għandha tinqara flimkien mal-premessa 342 tad-deċiżjoni kontenzjuża (80). Fiha, il-Kummissjoni rreferiet għaċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq sabiex tiġġustifika speċifikament id-devjazzjoni mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod definittiv, l-ilment taċ-CCIA (81). L-argument tar-rikorrenti huwa għalhekk ineffettiv.

146. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’ u għandha tiġi miċħuda.

d)      Elementi ta’ motivazzjoni addizzjonali tassentenza appellata (ittieni parti tattieni aggravju)

147. Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li adottat elementi ta’ motivazzjoni għad-devjazzjoni mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu li ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet ir-raġunament tal-Kummissjoni b’tagħha stess.

148. L-ewwel nett, dawn l-elementi ta’ motivazzjoni addizzjonali jikkonċernaw kriterju ta’ evalwazzjoni ġuridika iktar strett għall-impriżi “superdominanti” (82); it-tieni nett, l-evalwazzjoni li, fid-dawl tal-infrastruttura, bħala regola, miftuħa tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google, din hija “anomalija”, meta ċerti riżultati ta’ tiftix speċifiċi huma ffavoriti meta mqabbla mar-riżultati tat-tiftix kompetituri (83) u, it-tielet nett, l-evalwazzjoni li din il-prattika hija diskriminatorja (84).

149. L-appellanti għandhom jaqblu sa fejn il-Qorti Ġenerali tagħmel kunsiderazzjonijiet addizzjonali fil-punti 176 sa 185 tas-sentenza appellata, li għall-inqas parzjalment ma jikkorrispondux fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

150. Fid-dawl tal-infrastruttura li bħala regola hija miftuħa disponibbli minn Google, il-Qorti Ġenerali tqis bħala anomalija l-fatt li tagħti preferenza lir-riżultati tat-tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha meta mqabbla ma’ dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Tali differenza fit-trattament għandha tiġi ġġustifikata mill-awtur tagħha fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni (85). Dan jintwera wkoll mir-Regolament (UE) 2015/2120 (86), li jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi universali tal-internet obbligu ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jiġifieri mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza tat-traffiku (87). Id-differenza mill-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu hija iktar u iktar evidenti peress li, wara l-falliment ta’ Froogle fis-suq tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti, il-prattika kkritikata tirriżulta minn bidla fl-imġiba ta’ Google fis-suq tat-tiftix ġenerali, li fih hija tokkupa pożizzjoni “superdominanti”. Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni, tar-rwol tagħha bħala bieb ta’ aċċess għall-internet u tal-barrieri qawwija ferm għad-dħul fis-suq tat-tiftix ġenerali, Google kellha obbligu msaħħaħ li ma tippreġudikax, permezz tal-imġiba tagħha, kompetizzjoni fis-suq marbut mas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti (88).

151. Fil-fehma tiegħi, din it-tieni parti tat-tieni aggravju hija madankollu ineffettiva. Fil-fatt, anki jekk il-Qorti Ġenerali kienet issupplimentat jew saħansitra ssostitwixxiet b’mod inammissibbli wħud mill-elementi ta’ raġunament fid-deċiżjoni kontenzjuża b’dan il-mod (89), l-osservazzjonijiet fil-punti 162 et seq. ta’ din is-sentenza – kif irrilevat fil-punti 138 et seq. – kienu biżżejjed fihom innifishom, sabiex iħallu mhux ikkontestata l-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-prattika kkritikata ddevjat mill-mezzi ta’ kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu (90).

152. Għaldaqstant, l-elementi ta’ raġunament addizzjonali adottati mill-Qorti Ġenerali ma kinux ikunu neċessarji – tal-inqas f’dan il-kuntest u minkejja l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-kunsiderazzjoni li tgħid li l-awtopreferenzjar ikkritikat huwa anomalija u diskriminazzjoni fir-rigward tal-infrastruttura, bħala regola, miftuħa pprovduta minn Google, ma huwiex minnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jsibu ebda sostenn espliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

153. Dan jirriżulta minn dan li ġej.

154. Kif, l-ewwel nett, ikkonfermat il-formulazzjoni introduttiva fil-punt 180 tas-sentenza appellata (91), l-evalwazzjoni tar-Regolament 2015/2120 – li ma hijiex imsemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża – tikkonsisti biss minn kunsiderazzjonijiet sussidjarji li jsostnu l-konklużjoni fil-punt 179 ta’ din is-sentenza. It-tieni nett, ir-riferiment għall-pożizzjoni “superdominanti” ta’ Google fid-diversi swieq (nazzjonali) tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fil-punti 182 u 183 ta’ din is-sentenza huwa bbażat, tal-inqas impliċitament, fuq il-premessi 271 sa 283 ta’ din id-deċiżjoni, li fihom il-Kummissjoni kkonstatat li l-ishma tas-suq f’dan ir-rigward huma fil-biċċa l-kbira sew iktar minn 90 %. It-tielet nett, l-affermazzjoni, fil-punti 181 u 184 ta’ din is-sentenza, li Google biddlet l-imġiba tagħha f’dawn is-swieq wara l-waqfien tas-servizz ta’ tiftix speċjalizzat ta’ prodotti Froogle, hija dovuta għall-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 343, 490 u 491 tal-imsemmija deċiżjoni. Ir-raba’ nett, l-osservazzjonijiet jirrepetu fil-punt 184 ta’ din is-sentenza biss dawk il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 344 dwar l-awtopreferenzjar ta’ Google (92). Il-ħames u l-aħħar nett, il-konklużjoni milħuqa fil-punt 185 in fine li l-prattika kkritikata tmur lil hinn mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu tirreferi biss għall-kunsiderazzjonijiet prinċipali fil-punti 170 sa 173, iżda mhux għall-kunsiderazzjonijiet addizzjonali kkritikati mill-appellanti tal-Qorti Ġenerali fil-punti 176 et seq. ta’ din is-sentenza.

155. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda.

156. Peress li l-ilmenti tal-appellanti dwar it-tieni parti huma ineffettivi, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata t-tielet parti tat-tieni aggravju, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li jinsabu fil-punti 176 et seq. tas-sentenza appellata humiex, fihom innifishom, ivvizzjati bi żball ta’ liġi. Dan jikkonċerna wkoll l-ilment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma inkludietx l-aspetti favur il-kompetizzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, iżda eżaminathom biss bħala ġustifikazzjoni possibbli.

157. Fl-aħħar mill-aħħar, sa fejn dawn l-ilmenti jew osservazzjonijiet jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kriterji Bronner, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 83 et seq. iktar ’il fuq sabiex jiġu miċħuda.

158. Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu.

D.      Rabta kawżali bejn ilprattika kkritikata u leffetti li potenzjalment jirrestrinġu lkompetizzjoni – ħtieġa għal analiżi kontrofattwali? (Ittielet aggravju)

1.      Suġġett u ammissibbiltà tattielet aggravju

159. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta ma kkontestatx l-assenza ta’ analiżi kontrofattwali fid-deċiżjoni kontenzjuża. Tali analiżi biss tippermetti li jintwera li l-allegati effetti li potenzjalment jirrestrinġu l-kompetizzjoni jirriżultaw essenzjalment mill-prattika kkritikata u mhux minn ċirkustanzi oħra.

160. Dan l-aggravju jikkontesta l-konstatazzjonijiet fil-punti 368 et seq. tas-sentenza appellata bħala risposta għall-ewwel parti tat-tielet motiv. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilmenti li l-Kummissjoni ma wrietx li l-prattika kkritikata kienet wasslet għal tnaqqis tat-traffiku għad-detriment tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fil-fatt, skont l-argument żviluppat fir-rikors, dan it-tnaqqis kien dovut biss għall-effett, mhux ikkontestat, li madankollu ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, tal-algoritmi ta’ aġġustament speċjali. Madankollu, dawn servew biss sabiex titjieb il-kwalità tar-riżultati tat-tiftix. L-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-promozzjoni kkontestata tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, minn naħa, u l-allegata esklużjoni tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, min-naħa l-oħra, għalhekk ma hijiex stabbilita. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kellha tiddetermina kif it-traffiku kien jevolvi li kieku l-pożizzjonament u l-preżentazzjoni iktar favorevoli tar-riżultati tat-tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ma kinux jitwettqu fix-Shopping Units.

161. Dan it-tielet aggravju jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 377 sa 379 tas-sentenza appellata, li din l-analiżi kontrofattwali kellha ssir minn Google u mhux mill-Kummissjoni. It-tieni nett, il-punti 374 u 376 ta’ din is-sentenza huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn fihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, għall-finijiet ta’ tali analiżi, iż-żewġ elementi li jikkostitwixxu l-prattika kkritikata huma indispensabbli. It-tielet nett, fil-punt 572 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-effetti u l-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ din il-prattika.

162. Kuntrarjament għal dak li jsostnu ċerti partijiet intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju huma ammissibbli. Dawn il-partijiet ma jirrigwardawx evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Pjuttost, huma jikkontestaw il-legalità tal-kriterji adottati mill-Qorti Ġenerali sabiex tivverifika jekk u b’liema mod il-Kummissjoni kellha twettaq analiżi kontrofattwali intiża sabiex tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn prattika kkostitwita minn elementi differenti u l-effetti dannużi eventwali tagħha fuq il-kompetizzjoni.

2.      Fuq lewwel parti tattielet aggravju

163. Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellanti jilmentaw qabel kollox li l-Kummissjoni, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-realtà kkonstatat li l-prattika kkritikata kellha effetti reali, u mhux biss potenzjali, fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, dan wassal għal tnaqqis tat-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha f’dan ir-rigward ukoll fuq il-punt 519 tas-sentenza kkontestata. Il-Kummissjoni kellha għalhekk twettaq analiżi kontrofattwali ta’ dawn l-effetti reali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat biss effetti potenzjali ta’ din il-prattika.

164. Din l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija, fil-fehma tiegħi, manifestament infondata.

165. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, fil-punti 67, 228, 450, 454, 519 u 667 tas-sentenza appellata, fuq it-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kontenzjuża (93), li fiha l-Kummissjoni esponiet li l-prattika kkritikata kellha effetti antikompetittivi potenzjali f’diversi swieq nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-punti 438 et seq. u 518 et seq. ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali titlaq ukoll mill-prinċipju li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni kellha biss turi l-eżistenza ta’ effetti potenzjali tal-prattika inkwistjoni, b’tali mod li l-prova ta’ effetti li realment jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma kinitx neċessarja. Barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali b’risposta għall-ewwel parti u għar-raba’ parti tar-raba’ aggravju ma ġewx ikkontestati mill-appellanti fl-appell tagħhom.

166. Madankollu, il-konstatazzjoni ċċitata mill-appellanti fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kontenzjuża tirreferi biss għat-tnaqqis reali, li issa ma huwiex ikkontestat, tat-traffiku li jirriżulta mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-appell lanqas ma jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward fil-punti 401 sa 422 tas-sentenza appellata. Ir-riferiment li sar fil-punt 519 ta’ din is-sentenza ma jistax għalhekk jiġi kklassifikat mill-ġdid fis-sens li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni jew kellha turi li l-prattika kkontestata kellha effetti reali fuq il-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-argument tal-appellanti li jgħid li prova ta’ kawżalità ta’ effetti reali kienet neċessarja huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

167. Barra minn hekk, l-appellanti, sostnuti miċ-CCIA, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 377 sa 379 tas-sentenza appellata, injorat il-fatt li l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi kontrofattwali tal-allegati effetti li realment jew potenzjalment jirrestrinġu l-kompetizzjoni ta’ din il-prattika u kellha tipprovdi motivazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll li b’mod inammissibbli qalbet l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward.

168. L-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huma, ċertament, diffiċilment komprensibbli. Hija tirrileva, fil-punt 377 tas-sentenza appellata, li l-identifikazzjoni ta’ xenarju kontrofattwali, bħal fil-kawża ineżami, tista’ tikkostitwixxi eżerċizzju arbitrarju, jekk mhux impossibbli, jekk dan ix-xenarju kontrofattwali “ma jeżistix fir-realtà għal suq li oriġinarjament kellu karatteristiċi simili għas-suq […] li [fih] dawn il-prattiki ġew implimentati”. Fil-fatt, xenarju kontrofattwali affidabbli għandu jikkorrispondi għal sitwazzjoni reali, “oriġinarjament simili, iżda li l-evoluzzjoni tiegħu ma hijiex affettwata mill-prattiki kollha inkwistjoni”. Il-Qorti Ġenerali żżid, essenzjalment, li, kuntrarjament għal sitwazzjoni li fiha jistgħu jiġu mqabbla żewġ evoluzzjonijiet reali, evalwazzjoni tal-effetti potenzjali li, għalkemm hija realistika, għandha effettivament tiddeskrivi sitwazzjoni probabbli. Fil-punti 378 u 379 ta’ din is-sentenza, hija tiċħad l-argument li l-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi, b’mod spontanju jew sistematiku, xenarju kontrofattwali wara analiżi kontrofattwali ppreżentata mill-impriża kkontestata. Dan ikun jammonta għall-obbligu, ineżistenti, tagħhom li jipprovaw li l-prattika kkritikata kellha effetti reali. Barra minn hekk, analiżi kontrofattwali ppreżentata minn din l-impriża, intiża sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti potenzjali ta’ din il-prattika, għandha tippermetti li jiġu identifikati l-effetti kollha tagħha, u mhux biss l-effetti parzjali tagħha.

169. Fil-fehma tiegħi, dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jinftiehmu la fis-sens li l-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, jkunu ċaħdu obbligu fuq il-Kummissjoni li twettaq analiżi kontrofattwali tal-effetti reali jew potenzjali ta’ prattika, u lanqas ma jindikaw inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward għad-detriment tal-impriża kkritikata. Għall-kuntrarju, dawn għandhom jitqiegħdu fil-kuntest globali tar-risposta tal-Qorti Ġenerali għall-argument żviluppat fl-ewwel parti tat-tielet aggravju u jiġu interpretati biss f’dan il-kuntest.

170. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 372 u 374 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment tiċħad l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ analiżi kontrofattwali bil-motivazzjoni li dan l-argument u x-xenarji kontrofattwali prodotti insostenn tiegħu jaqsmu b’mod arbitrarju l-prattika kkritikata, komposta minn żewġ elementi indissoċjabbli. Fil-fatt, l-effetti kumulattivi ta’ dawn l-elementi magħquda, jiġifieri, minn naħa, il-preferenza mogħtija lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google bil-preżentazzjoni enfasizzata tar-riżultati tat-tiftix tagħha fil-kaxxi tax-Shopping Units u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-algoritmi speċifiċi ta’ relegazzjoni tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, ma jistgħux jiġu evalwati separatament. Minn dan il-Qorti Ġenerali tiddeduċi, fil-punt 376 ta’ din is-sentenza, li l-uniku xenarju kontrofattwali rilevanti kellu jkun dak li fih l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma ġie kkunsidrat, għaliex inkella l-effetti magħquda kienu jiġu mifhuma biss parzjalment.

171. Dan juri li r-risposta tal-Qorti Ġenerali għall-argumenti tinsab primarjament fil-punti 372 sa 376, filwaqt li l-osservazzjonijiet fil-punti 377 sa 379 tas-sentenza appellata, li jibdew bil-frażi “[m]ill-bqija”, kif issostni l-Kummissjoni, għandhom biss funzjoni supplimentari jew sussidjarja.

172. Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut mill-appellanti u miċ-CCIA li d-distinzjoni magħmula fil-punt 377 tas-sentenza appellata bejn analiżi kontrofattwali skont jekk dawn jirrigwardawx effetti reali jew potenzjali ma hijiex valida. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, żvilupp reali ex post fil-passat għandu jitqabbel fid-dawl tal-ksur ma’ żvilupp ipotetiku filwaqt li tiġi kkunsidrata sitwazzjoni lil hinn minn tali ksur (94). Barra minn hekk, ma narax għalfejn, kif setgħet issuġġerixxiet il-Qorti Ġenerali, obbligu sistematiku għall-Kummissjoni li tistabbilixxi xenarju kontrofattwali fil-każ ta’ effetti potenzjali biss iwassal sabiex hija tkun meħtieġa tipproduċi l-prova ta’ effetti reali.

173. Madankollu, minn dawn l-osservazzjonijiet ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni u, jekk ikun il-każ, tiċħad analiżi kontrofattwali solida tal-impriża kkritikata li tista’ tikkontesta l-konstatazzjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju, fil-punti 380 et seq. tas-sentenza appellata, hija eżaminat fid-dettall il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tiċħad l-analiżi (95) pprovduti minn Google matul il-proċedura amministrattiva u tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-prattika li ġiet ikkritikata biha u t-tnaqqis tat-traffiku mill-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (96).

174. Peress li l-appellanti joġġezzjonaw speċifikament l-osservazzjonijiet fil-punti 377 sa 379 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħhom huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda.

175. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-punti 372 sa 376 tas-sentenza appellata humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi u jekk kienx madankollu neċessarju li ssir analiżi kontrofattwali fis-sens imressaq mill-appellanti, ser neżamina t-tieni parti tat-tielet aggravju.

176. L-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha għalhekk tiġi miċħuda.

3.      Fuq ittieni parti tattielet aggravju

177. Permezz tat-tieni parti, l-appellanti, sostnuti miċ-CCIA, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li analiżi kontrofattwali setgħet tirrigwarda biss il-kombinazzjoni taż-żewġ elementi tal-prattika li biha ġiet ikkritikata Google, imsemmija fil-punt 170 iktar ’il fuq. Il-punti 374, 376 u 525 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi sa fejn taw interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ analiżi kontrofattwali għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, huwa biżżejjed li tiġi kkunsidrata sitwazzjoni li ma tqisx wieħed biss minn dawn l-elementi, jiġifieri l-pożizzjonament u l-preżentazzjoni fil-kaxxi tax-Shopping Units, sabiex jitneħħa l-abbuż. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ xenarju kontrofattwali realistiku, plawżibbli jew probabbli, irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taż-żewġ elementi, meħtieġa fil-punt 376 ta’ din is-sentenza, inklużi l-algoritmi ta’ aġġustament speċifiċi, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju, ma huwiex realistiku u jfixkel b’mod inammissibbli l-effetti rispettivi tal-element awtorizzat u mhux awtorizzat ta’ din il-prattika kkombinata.

178. Inqis ukoll li din it-tieni parti tat-tielet aggravju hija infondata.

179. Kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 372, 417, 419 u 525 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati f’dan ir-rigward mill-appellanti, l-imġiba kkritikata hija bbażata fuq żewġ elementi indissoċjabbli, jiġifieri, minn naħa, l-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament speċifiċi li jirrelegaw biss ir-riżultati tat-tiftix tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u, min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni enfasizzata fil-kaxxi tax-Shopping Units tar-riżultati ta’ tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google biss. Dawn iż-żewġ elementi jaħdmu flimkien għall-finijiet ta’ awtopreferenzjar ta’ Google. Fil-fatt, huwa biss fil-kombinazzjoni tagħhom li huma jinfluwenzaw l-imġiba tal-utenti b’tali mod li t-traffiku huwa, f’dan ir-rigward, orjentat għall-benefiċċju tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha.

180. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, din ir-rabta indissolubbli ma tistax tiġi sseparata għall-finijiet ta’ analiżi kontrofattwali tar-rabta kawżali bejn il-prattika kkritikata u l-effetti tagħha (reali jew potenzjali). Tali approċċ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti tekniċi u ekonomiċi kkombinati taż-żewġ elementi. B’mod partikolari, huwa jkun jinjora l-influwenza komuni tagħha fuq l-imġiba tal-utenti. Fil-fatt, iċ-ċifri ta’ klikks għoljin tal-utenti għall-benefiċċju tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google huma bbażati mhux biss fuq il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni preferenzjali tar-riżultati tat-tiftix tagħha fil-kaxxi tax-Shopping Units, iżda wkoll fuq ir-relegazzjoni parallela, ikkontrollata b’algoritmu u fuq il-preżentazzjoni inqas attraenti tar-riżultati ta’ tiftix tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, li jċaħħadhom mill-attenzjoni tal-utenti. L-analiżi kontrofattwali sseparata rrakkomandata mill-appellanti għalhekk la tkun plawżibbli u lanqas realistika, iżda pjuttost arbitrarja (97).

181. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 372 tas-sentenza appellata, li “l-analiżi tal-effetti ta’ dawn l-[elementi] meħuda flimkien ma għandhiex issir billi l-effetti ta’ aspett wieħed minn […] jiġu iżolati minn dawk tal-aspett l-ieħor ta’ dawn l-[elementi]”. Bl-istess mod, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 376 ta’ din is-sentenza, li skontha l-uniku xenarju kontrofattwali rilevanti jkun dak li ma jkun ibbażat fuq l-ebda wieħed miż-żewġ elementi “għaliex inkella l-effetti magħquda ta’ dawn [l-elementi] konġunti kienu jiġu mifhuma biss parzjalment”.

182. L-appellanti ma jistgħux joġġezzjonaw li l-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament speċifiċi ma ġietx ikkontestata bħala tali mill-Kummissjoni. Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, dan l-aspett ma huwiex determinanti. Fil-fatt, hija l-kombinazzjoni speċifika tagħhom mal-preżentazzjoni preferenzjali tar-riżultati tat-tiftix ta’ prodotti tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google li ppermettew biss l-effetti dannużi potenzjali fuq il-kompetizzjoni (98) identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża.

183. Il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 372 sa 376 tas-sentenza appellata ma jistgħux għalhekk jiġu kkritikati.

184. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda.

4.      Fuq ittielet parti tattielet aggravju

185. Mill-evalwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni parti jirriżulta li t-tielet parti tat-tielet aggravju lanqas ma tista’ tintlaqa’. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni, fil-punt 572 tas-sentenza appellata, tal-effetti u tal-ġustifikazzjoni oġġettiva tal-prattika kkritikata.

186. Pjuttost, fil-punt 572, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ebda żball ta’ liġi mill-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-inseparabbiltà taż-żewġ elementi tal-prattika kkritikata li l-effetti negattivi potenzjali tagħha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-benesseri tal-konsumaturi ma jistgħux jiġu kkontrobilanċjati minn eventwali titjib fl-effiċjenza attribwit biss lil wieħed minn dawn l-elementi, jiġifieri l-algoritmi ta’ aġġustament speċifiċi. Dan japplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jintweriex titjib speċifiku fl-effiċjenza jew le permezz tal-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament speċifiċi bħala tali (99).

187. Minn dan isegwi li t-tielet parti kif ukoll it-tielet aggravju fl-intier tiegħu għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati.

E.      Lapplikabbiltà talkriterju talkompetitur daqstant effettiv (irraba’ aggravju) (Irraba’ aggravju)?

188. Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tikkritika n-nuqqas tal-Kummissjoni li tevalwa l-effetti tal-prattika kkritikata fuq kompetituri daqstant effettivi. Skont l-għan tal-Artikolu 102 TFUE, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza, l-effetti jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma ġeneralment ipprovati biss fil-każ fejn din l-imġiba jkollha effett sfavorevoli fuq kompetituri eżistenti jew ipotetiċi daqstant effettivi. Madankollu, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni la analizzat l-effiċenzja tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u lanqas ħadet inkunsiderazzjoni tali kompetitur ipotetiku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 538 tas-sentenza appellata, li, fl-assenza ta’ kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tapplika l-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv.

189. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tirribatti li, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, paragun ma’ kompetitur eżistenti jew ipotetiku daqstant effettiv ma kienx neċessarju. Peress li Google ma kinitx ikkritikata b’abbuż b’rabta mal-ipprezzar, hija ma kellhiex tapplika l-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tista’ tipproduċi l-prova ta’ effetti potenzjali fuq il-kompetizzjoni taħt kwalunkwe forma, kif għamlet fid-deċiżjoni kontenzjuża.

190. Il-Qorti Ġenerali tittratta l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tal-prattika kkritikata fil-punti 518 et seq. u bil-kriterju ta’ kompetitur daqstant effettiv fil-punti 538 sa 543 tas-sentenza appellata. Fil-punt 527 ta’ din is-sentenza (100), hija tafferma, qabelxejn, li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li din il-prattika wasslet għal tnaqqis tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u żieda ta’ dan it-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv ta’ Google, u b’hekk affettwat b’mod suffiċjenti s-sitwazzjoni ta’ grupp kbir ta’ kompetituri tagħha sabiex tkun tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi. Sussegwentement, fil-punti 538 sa 541 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tapplika, għal dan l-għan, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv. Dan jagħmel sens biss fil-każ ta’ kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet li ma teżistix fil-kawża ineżami. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha turi biss l-effetti li potenzjalment jirrestrinġu l-kompetizzjoni tal-prattika kkritikata (101). F’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-mutur ta’ tfittxija ta’ prodotti Google kien iktar effikaċi minn dak tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

191. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-eżistenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni li tapplika l-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv.

192. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju timplika, bħala regola ġenerali, li jiġi eżaminat jekk l-istrateġija tal-ipprezzar ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti hijiex ta’ natura li tipprekludi mis-suq kompetitur daqstant effettiv bħal din l-impriża (102). Għal dan l-għan, huwa neċessarju li ssir analiżi tal-prezzijiet u tal-ispejjeż, ġeneralment ibbażata fuq l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża f’pożizzjoni dominanti nnifisha (103).

193. Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 102 TFUE ma huwiex intiż sabiex jiżgura li kompetituri inqas effettivi mill-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu jinżammu fis-suq. Il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu protetta minn din id-dispożizzjoni tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni (104).

194. Madankollu, din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi interpretata b’mod żbaljat fis-sens li l-attività ta’ kompetituri inqas effettivi, b’mod partikolari ta’ kompetituri iżgħar li ma għandhomx jew ma humiex f’pożizzjoni li jikkumpensaw l-ekonomiji ta’ skala jew il-vantaġġi ta’ ffrankar tal-ispejjeż imwettqa minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ma jistħoqqilha ebda protezzjoni jew ma għandha l-ebda rwol għall-finijiet taż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva (105).

195. Għall-kuntrarju, skont l-istruttura tas-suq, b’mod partikolari fejn l-aċċess għalih kien protett minn ostakoli importanti, il-preżenza ta’ kompetitur inqas effettiv tista’ tikkontribwixxi sabiex tintensifika l-pressjoni kompetittiva fuq dan is-suq u, b’dan il-mod, tiġi eżerċitata limitazzjoni fuq l-imġiba tal-impriża f’pożizzjoni dominanti (106). Dan japplika iktar u iktar meta, fid-dawl ta’ tali struttura tas-suq, huwa improbabbli li impriża oħra tista’ tkun effettiva daqs dik li tgawdi minn pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, jekk, fid-dawl tal-preżenza ta’ tali impriża, il-kompetizzjoni tiddgħajjef sal-punt li anki l-kompetituri li għandhom l-istess effiċjenza ma jistgħux jistabbilixxu ruħhom f’dan is-suq, il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn impriżi inqas effettivi ma tistax, iktar u iktar, tiġi injorata. Fil-fatt, hija tippermetti wkoll li jiġi evitat li l-istruttura tas-suq u l-alternattivi disponibbli għall-klijenti ma jaggravawx minħabba l-aġir kummerċjali tal-impriża dominanti u jservu għalhekk l-għan fundamentali taż-żamma tal-kompetizzjoni segwit mill-Artikolu 102 TFUE (107). F’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja loġikament eskludiet ukoll il-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv (108).

196. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv għalhekk ma japplikax b’mod ġenerali, u wisq inqas kundizzjoni sine qua non sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti huwiex konformi mal-mezzi ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu (109). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll din l-interpretazzjoni diversi drabi u enfasizzat li, bħala prinċipju, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma humiex legalment obbligati li japplikaw dan il-kriterju. Fil-fatt, dan huwa biss metodu fost oħrajn li jippermetti li tiġi evalwata l-kapaċità ta’ prattika tal-ipprezzar li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni (110). Barra minn hekk, jekk l-applikazzjoni tagħha ma tkunx possibbli, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jkunu obbligati jeżaminaw l-argumenti rilevanti mressqa mill-impriża kkonċernata (111).

197. B’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv ma għandux jiġi estiż għal prattiki li ma humiex relatati mal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet li għalihom kien inizjalment maħsub skont il-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni (112). F’dan ir-rigward, jidhirli li affermazzjonijiet ambigwi fil-ġurisprudenza għandhom jiġu ċċarati jekk mhux ikkoreġuti (113).

198. Il-prattika kkritikata ma għandha l-ebda rabta mal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tapplika l-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jew għal kompetituri ipotetiċi analogi sabiex tkun tista’ tikkonstata li din il-prattika kienet tipproduċi effetti potenzjali ta’ esklużjoni għad-detriment tagħhom.

199. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju huwa infondat u għandu wkoll jiġi miċħud.

F.      Konklużjoni intermedja

200. Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li jiġu miċħuda l-erba’ aggravji u, għaldaqstant, l-appell kollu fl-intier tiegħu.

V.      Fuq lispejjeż

201. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

202. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tagħha għamlu talba f’dan is-sens, hemm lok li l-appellanti jiġu kkundannati jbatu kemm l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk relatati mal-appell u tal-partijiet intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni.

203. Skont l-Artikolu 140(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

204. Konsegwentement, hemm lok li jiġi deċiż li l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Fid-dawl tal-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma pparteċipatx fil-proċedura tal-appell.

205. Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent ieħor, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Peress li ċ-CCIA sostniet it-talbiet tal-appellanti, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

VI.    Konklużjoni

206. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:

1.      L-appell huwa miċħud.

2.      Google LLC u Alphabet Inc. huma kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), Infederation Ltd, Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, il-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, Visual Meta GmbH, Twenga u Kelkoo.

3.      L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u Computer & Communications Industry Association għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Deċiżjoni C(2017) 4444 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE Ewropea (ŻEE) (il-Każ AT.39740 – Google Search (Xiri))


3      Bl-Ingliż “as-efficient-competitor-test” jew “AEC-test”.


4      Ara b’mod partikolari l-premessi 356 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-punt 59 et seq., 282 et seq. u 369 et seq. tas-sentenza appellata.


5      Punt 59 sa 62 tas-sentenza appellata; ara wkoll il-premessi 371 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


6      Regolament tal-Kummissjoni (KE) tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


7      Regolament tal-Kunsill (KE) tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)


8      Ara wkoll il-punti 40 sa 78 tas-sentenza appellata.


9      Premessi 154 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


10      Ara wkoll il-punt 43 tas-sentenza appellata.


11      Premessi 254, 269, 270 u 285 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; ara wkoll il-punti 46 sa 47 tas-sentenza appellata.


12      Premessi 264 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; punt 54 tas-sentenza appellata.


13      Premessa 444 tad-deċiżjoni kontenzjuża; punt 64 tas-sentenza appellata.


14      Premessi 452 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; punt 65 tas-sentenza appellata.


15      Premessi 539 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; punt 66 tas-sentenza appellata.


16      Premessi 89 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża; punt 67 tas-sentenza appellata.


17      Premessi 710 et seq. u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża; punt 78 tas-sentenza appellata.


18      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 2022, Google et Alphabet vs IlKummissjoni (C‑48/22 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:207).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 46), u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, DI vs BĊE (C‑513/21 P, EU:C:2023:500, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998 (C‑7/97, EU:C:1998:569, punti 37 et seq.).


21      Ara, iktar reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi Deutsche Telekom vs IlKummissjoni u Slovak Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P u C‑165/19 P, EU:C:2020:678, punti 56 et seq.), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punti 55 et seq.).


22      Ara l-punti 136 et seq. tas-sentenza appellata.


23      Punt 212 tas-sentenza appellata.


24      Punti 213 sa 217 tas-sentenza appellata.


25      Punti 218 et seq. tas-sentenza appellata.


26      Punti 219 sa 222 tas-sentenza appellata.


27      Punt 223 tas-sentenza appellata.


28      Punti 224 sa 227 tas-sentenza appellata, li jirreferu għall-premessi 285 sa 305, 544, 568, 580 u 588 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


29      Punt 228 tas-sentenza appellata, li jirreferi għall-premessa 594 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


30      Punti 229 sa 231 tas-sentenza appellata, li jirreferu għas-649 premessa tad-deċiżjoni kontenzjuża.


31      Ara f’dan is-sens, il-punti 232 u 233 li jien ifformulajt mill-ġdid għal fehim aħjar tas-sentenza appellata.


32      Punt 234 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi Deutsche Telekom vs IlKummissjoni u Slovak Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P u C‑165/19 P, EU:C:2020:678, punti 85 sa 89).


33      Punt 235 tas-sentenza appellata, li jirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 55 sa 58); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs IlKummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 75); u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs IlKummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 961).


34      Punt 236 tas-sentenza appellata li jirreferi għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punti 48 u 49).


35      Punti 237 sa 240 tas-sentenza appellata, li jirreferu b’mod partikolari għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2010:483, punt 32), kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 45).


36      Punti 241 sa 247 tas-sentenza appellata.


37      Ara l-premessi 331 et seq., b’mod partikolari l-premessi 334 u 341 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


38      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs IlKummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 25).


39      F’dan is-sens is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑525/16, EU:C:2018:270, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2010:483, punt 32).


40      Sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 172); tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26); u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast (C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 46).


41      Ġurisprudenza stabbilita, ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 153), u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      F’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      F’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 78), tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 40 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      F’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41); tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 44); u tat‑12 Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 79). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punt 61).


45      Sentenza tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punti 50 et seq.). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health. (C‑418/01, EU:C:2004:257, punti 35 et seq.).


46      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punti 45 et seq.), u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punti 78 et seq.).


47      Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi Deutsche Telekom vs IlKummissjoni u Slovak Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P u C‑165/19 P, EU:C:2020:678, punt 63) jistabbilixxu dan b’mod konċiż: “Il-kundizzjonijiet Bronner jissuġġettaw il-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva għal standard ġuridiku partikolarment għoli. Huma jirrappreżentaw, b’xi mod, ‘quċċata’ fil-qafas ġuridiku tal-Artikolu 102 TFUE”.


48      Konklużjonijiet fil-qosor tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punti 63 sa 65).


49      Ara f’dan is-sens, sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 46); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punt 64).


50      Din il-problema, magħrufa wkoll bħala “problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti”, hija deskritta f’iktar dettall mill-Kummissjoni fil-premessa 16(e) u (f) tal-Linji Gwida tagħha dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali (ĠU 2022, C 248, p. 1).


51      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 47); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punt 65).


52      F’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 73). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punt 65).


53      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 58 in fine).


54      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punti 50 et seq.), u Slovak Telekom vs IlKummissjoni (C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punti 50 et seq.). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 54 sa 58 u 70 sa 72), u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs IlKummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punti 75 u 96).


55      Premessi 331 et seq. u 652 tad-deċiżjoni kontenzjuża; punti 223 u 237 sa 240 tas-sentenza appellata.


56      Sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603); tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs IlKummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062); u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238), u Slovak Telekom vs IlKummissjoni (C‑165/19 P, EU:C:2021:239).


57      Ara s-sitwazzjonijiet deskritti fis-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 4), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 16), u Slovak Telekom vs IlKummissjoni (C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punt 16).


58      Ara l-punti 287 u 288 tas-sentenza appellata, li jgħidu li d-differenza fit-trattament ma hijiex dovuta għal differenza oġġettiva bejn żewġ tipi ta’ riżultati ta’ tiftix, iżda għad-deċiżjoni ta’ Google li tittratta r-riżultati tat-tiftix tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri b’mod inqas favorevoli minn dawk tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, billi tippreżentahom u tippożizzjonahom b’mod inqas viżibbli.


59      Ara wkoll il-punt 61 tas-sentenza appellata.


60      Punt 224 tas-sentenza appellata.


61      Punt 227 tas-sentenza appellata.


62      Punt 228 tas-sentenza appellata.


63      Punt 226 tas-sentenza appellata b’riferiment għall-premessi 285 sa 305, 544, 568, 580 u 588 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


64      Ara f’dan is-sens il-punt 239 tas-sentenza appellata.


65      Ara l-premessi 335 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża li jirreferu għall-ġurisprudenza dwar il-każijiet ta’ kompressjoni tal-marġni.


66      It-titolu ta’ din it-taqsima, fil-verżjoni oriġinali tagħha bil-lingwa Ingliża, huwa fformulat kif ġej: “The Conduct has potential anti-competitive effects on several markets”.


67      Il-verżjoni Ingliża oriġinali taqra kif ġej: “[…] the Conduct is capable of leading competing comparison shopping services to cease providing their services” (enfasi miżjuda minni).


68      Ara l-punti 333 sa 335 tas-sentenza appellata, li jirreferu għall-premessi 414 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni parti tat-tieni motiv.


69      Ara wkoll il-punti 136, 139, 142 sa 145 u 158 tas-sentenza appellata.


70      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, LItalja vs IlKummissjoni (C‑280/14, EU:C:1994:792, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


71      Punt 168 tas-sentenza appellata.


72      Punt 169 tas-sentenza appellata li jirreferi għat-Taqsimiet 7.2.2 sa 7.2.4 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


73      Punti 170 u 171 tas-sentenza appellata.


74      Punt 172 tas-sentenza appellata.


75      Il-premessi 539 et seq. ta’ din id-deċiżjoni.


76      Punt 173 tas-sentenza appellata.


77      Punti 174 u 175 tas-sentenza appellata (enfasi miżjuda minni).


78      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 78), u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 40 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs IlKummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punt 92).


79      Punt 195 tas-sentenza appellata.


80      Punt 196 tas-sentenza appellata.


81      Punt 197 tas-sentenza appellata.


82      Punti 180, 182 u 183 tas-sentenza appellata.


83      Punti 176 sa 184 tas-sentenza appellata.


84      Punt 180 tas-sentenza appellata; ara wkoll il-punti 240 u 279 et seq. ta’ din is-sentenza.


85      Punti 176 sa 179 tas-sentenza appellata.


86      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).


87      Punt 180 tas-sentenza appellata.


88      Punti 181 sa 184 tas-sentenza appellata.


89      Dwar din is-sostituzzjoni pprojbita, ara s-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs IlKummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 56); tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energia España et vs IlKummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 73); u tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs IlKummissjoni (C‑321/21 P, EU:C:2023:713, punt 105).


90      Ara iktar ’il fuq, il-punti 83 et seq..


91      “Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat, għal finijiet ta’ kompletezza […]”. “It may be observed, for the sake of completeness […]”, fil-verżjoni Ingliża; u saħansitra iktar espliċita fil-verżjoni Franċiża: “Il peut d’ailleurs être observé, à titre surabondant […]”.


92      Ara wkoll il-premessi 378 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-punt 168 tas-sentenza appellata.


93      Il-premessi 589 et seq. ta’ din id-deċiżjoni.


94      Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 118 sa 121); tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 74). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża IlKummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P, EU:C:2022:576, punti 288 et seq.).


95      Taqsima 7.2.3.2 u l-premessi 464 et seq. u 523 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża.


96      Ara b’mod partikolari l-punt 392 tas-sentenza appellata.


97      Mifhuma b’dan il-mod, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 377 tas-sentenza appellata ma tistax tiġi oġġezzjonata.


98      Premessi 344 et seq. u 589 et seq. ta’ din id-deċiżjoni.


99      Ara f’dan ir-rigward il-punti 568, 577, 588 u 590 tas-sentenza appellata.


100      B’riferiment għall-konstatazzjonijiet fil-punti 420, 506 u 520 sa 526 tas-sentenza appellata.


101      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 441 tas-sentenza appellata.


102      F’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 53).


103      F’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 54), u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 56 in fine).


104      F’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 21 u 22); tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs IlKummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134); u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 45).


105      Ara, madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punt 45), li għandu l-intenzjoni li jinterpreta din il-ġurisprudenza fis-sens li din ma tikkostitwixxi mezz ta’ protezzjoni għall-impriżi inqas kapaċi u inqas effikaċi u bl-ebda mod ma tkun qiegħda tipproteġi lil dawk l-iktar meritevoli li jistgħu jservu ta’ stimulu għall-kompetittività tas-suq.


106      F’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 60).


107      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:343, punti 71 u 73).


108      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 59), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 101). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:343, punti 71 sa 73).


109      Is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 82) ma tippermetti ebda interpretazzjoni oħra. Fir-rigward tal-prattiki ta’ esklużjoni, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv bħala wieħed mill-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti hijiex ibbażata fuq l-użu ta’ mezzi li jaqgħu taħt kompetizzjoni normali ħlief sa fejn dan jista’ jiġi eżaminat (enfasi miżjuda minni).


110      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punti 57 sa 61); tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 81 u 82); u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 56 sa 58); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:343, punti 61, 63 u 71 sa 74).


111      Ara, a contrario, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs IlKummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 141).


112      Ara l-punti 23 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Post Danmark Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:343, punti 59 u 60)


113      Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 59).