Language of document : ECLI:EU:C:2024:31

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C632/22

AB Volvo

vs

Transsaqui SL,

parti interessata:

Ministerio Fiscal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Akkordju dwar it-trakkijiet – Talba għal kumpens – Notifika tal-att promotur lis-sussidjarja tal-kumpannija omm – Regolament (KE) Nru 1393/2007”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (2) f’sitwazzjoni fejn rikorrent ikollu l-intenzjoni jinnotifika att promotur lil sussidjarja tal-kumpannija li huwa għandu l-intenzjoni li jħarrek għal talba għal kumpens.

2.        Il-kwistjoni essenzjali hija jekk, fl-isfond tas-sentenza Sumal (3) tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-kuntest ta’ akkordju dwar it-trakkijiet, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet, l-infurzar privat seta’ jiġi dirett kemm lejn il-kumpannija omm kif ukoll lejn is-sussidjarji tagħha, l-atti promoturi kontra l-kumpannija omm jistgħux jiġu nnotifikati lis-sussidjarja tagħha.

 Ilkuntest ġuridiku

 Id-dritt talUnjoni Ewropea

3.        Taħt it-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).”

 Id-dritt Spanjol

4.        L-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni effettiva tal-imħallfin u tal-qrati fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tagħha, mingħajr ma qatt jistgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

2.      Bl-istess mod, kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għall-qorti ordinarja ddeterminata minn qabel bil-liġi; għal difiża u assistenza ta’ avukat; li tiġi informata bl-akkużi miġjuba kontriha; għal proċess pubbliku mingħajr dewmien żejjed u bil-garanziji kollha; għall-użu ta’ provi utli għad-difiża tagħha; li ma tinkriminax ruħha; li ma ssirx ammissjoni ta’ ħtija; u għall-preżunzjoni tal-innoċenza.”

5.        L-Artikolu 155 tal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (4), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Notifika lill-partijiet li għadhom ma dehrux jew li ma humiex irrappreżentati minn mandatarju ġudizzjarju. Indirizz.”, jipprovdi:

“1.      Meta l-partijiet ma jkunux irrappreżentati minn mandatarju ġudizzjarju jew meta l-konvenut jiġi nnotifikat dwar il-proċedura jew ordnat biex jidher, in-notifiki għandhom isiru b’riferiment għall-indirizzi tal-partijiet.

[…]

3.      Għall-finijiet tan-notifika tal-avviżi, jistgħu jiġu indikati bħala domiċilju: l-indirizz li jidher fl-atti tal-awtorità lokali jew li huwa uffiċjalment irreġistrat għal finijiet oħra, jew l-indirizz li jidher fir-reġistru uffiċjali jew fil-pubblikazzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet professjonali fil-każ, rispettivament, ta’ impriżi u ta’ entitajiet oħra jew ta’ persuni li jeżerċitaw professjoni li fiha s-sħubija f’ordni professjonali hija obbligatorja. Il-post fejn titwettaq attività mhux temporanja professjonali jew ta’ impjieg jista’ jiġi indikat ukoll bħala l-indirizz għal dawn il-finijiet.

[…]

Jekk it-talba titressaq kontra persuna ġuridika, l-indirizz ta’ kull persuna elenkata bħala direttur, maniġer jew aġent tal-kumpannija, jew bħala president, membru jew rappreżentant tal-bord ta’ kwalunkwe assoċjazzjoni mniżżla f’reġistru uffiċjali jista’ wkoll jiġi indikat bħala domiċilju.”

 Ilfatti talkawża prinċipali, ilproċedura u ddomandi preliminari

6.        Matul l‑2008, Transsaqui SL xtrat żewġ trakkijiet Volvo.

7.        Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (5) tat‑2 ta’ Mejju 1992 (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (innotifikata bin-numru C(2016) 4673) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016”) (6). AB Volvo kienet waħda mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi manifatturi ta’ trakkijiet, fosthom Volvo, kienu pparteċipaw f’akkordju fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Ġie kkonstatat li d-destinatarji tad-deċiżjoni kienu pparteċipaw f’kollużjoni u/jew huma responsabbli għaliha. L-arranġamenti kollużorji kienu jinkludu ftehimiet u/jew prattiki miftiehma fuq il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet grossi sabiex jiġu allinjati l-prezzijiet grossi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kif ukoll il-ħinijiet u l-mogħdija tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet imposti mill-istandards Euro 3 sa 6. Fir-rigward ta’ Volvo, it-tul tal-ksur ġie stabbilit mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

8.        Fit‑12 ta’ Lulju 2018, Transsaqui ippreżentat rikors kontra Volvo quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia, Spanja), fejn talbet kumpens għall-danni li ġarrbet bħala riżultat tal-ħlas addizzjonali impost fuqha, fir-rigward tal-akkordju fuq it-trakkijiet identifikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016. L-ammont mitlub kien jammonta għal EUR 24 420.69, li jikkorrispondi għall-ammont ta’ dan il-ħlas addizzjonali. Bħala bażi legali għall-azzjoni tagħha, Transsaqui invokat l-Artikoli 72 u 76 tal-Ley 15/2007 de Defensa de la Competencia (il-Liġi 15/2007 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tat‑3 ta’ Lulju 2007 (7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju u d-Direttiva 2014/104/UE (8).

9.        Minkejja l-fatt li s-sede ta’ Volvo tinsab f’Göteborg (l-Isvezja), Transsaqui indikat bħala d-domiċilju ta’ Volvo għan-notifika taċ-ċitazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ risposta l-indirizz tas-sussidjarja ta’ din il-kumpannija fi Spanja, Volvo Group España, SAU, li tinsab f’Madrid (Spanja).

10.      Il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) awtorizzat ir-rikors, li warajh intbagħtu kopji tar-rikors u tal-atti sottomessi quddiemha, permezz ta’ ittra rreġistrata, lill-indirizz professjonali ta’ Volvo Group España f’Madrid. Madankollu, l-aċċettazzjoni tal-oġġett postali ġiet irrifjutata permezz ta’ nota miktuba bl-idejn li tindika l-indirizz ta’ Volvo fl-Isvezja. Fid-dawl ta’ dan, il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) tat seduta lil Transsaqui sabiex din tkun tista’ tressaq osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett. Transsaqui sostniet li l-aġir ta’ Volvo Group España, li kien jikkonsisti f’rifjut tan-notifika taċ-ċitazzjoni għat-tressiq ta’ risposta fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra Volvo, kien biss strateġija ta’ mala fide sabiex tiddewwem il-proċedura, fid-dawl tal-fatt li din tal-aħħar kienet qed iżżomm 100 % tal-kapital azzjonarju tal-ewwel waħda, b’tali mod li t-tnejn li huma kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

11.      Il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) ordnat, permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2019, in-notifika lill-konvenuta, Volvo, fl-indirizz professjonali tas-sussidjarja tagħha Volvo Group España, skont il-“prinċipju ta’ unità tal-impriżi”. Għal dan l-għan, hija ressqet talba għal kooperazzjoni ġudizzjarja lill-qrati ta’ Madrid. B’hekk sar tentattiv, permezz tal-qrati ta’ Madrid, li ssir notifika f’dak l-indirizz fil‑5 ta’ Settembru 2019, iżda avukat li identifika ruħu bħala r-“rappreżentant legali ta’ Volvo Group España” irrifjuta li jirċievi n-notifika, filwaqt li ppreċiża li n-notifika kellha ssir fl-uffiċċji ta’ Volvo fl-Isvezja. It-tieni tentattiv tal-qrati ta’ Madrid biex iwettqu n-notifika fid-domiċilju professjonali tas-sussidjarja f’Madrid kellu suċċess. Din ġiet aċċettata minn persuna li ddikjarat li kienet tagħmel parti mid-dipartiment legali.

12.      Peress li l-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) qieset li n-notifika kienet saret bil-mod dovut u peress li Volvo, li kienet irċeviet notifika tal-atti, ma dehritx fit-terminu stabbilit fil-proċedura, il-konvenut ġie ddikjarat kontumaċi u l-kawża tkompliet. Sar tentattiv biex tiġi nnotifikata d-deċiżjoni rilevanti lil Volvo fl-indirizz professjonali tas-sussidjarja tagħha, Volvo Group España, iżda din il-kumpanija reġgħet irrifjutat in-notifika fuq il-bażi li ma kienx l-indirizz korrett. Fis‑26 ta’ Frar 2020, il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) tat sentenza fejn laqgħet ir-rikors ta’ Transsaqui u kkundannat lil Volvo tħallas lil Transsaqui danni fl-ammont ta’ EUR 24 420.69, flimkien mal-interessi legali kif ukoll l-ispejjeż.

13.      Il-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) innotifikat din is-sentenza lil Volvo permezz ta’ ittra rreġistrata indirizzata lid-domiċilju professjonali tas-sussidjarja f’Madrid u rċevuta minn persuna preżenti fl-indirizz li ffirmat il-konferma ta’ rċevuta fl‑10 ta’ Marzu 2020. Peress li din is-sentenza kienet finali, l-ispejjeż ġew intaxxati skont it-talba għal tassazzjoni sottomessa minn Transsaqui. Il-qorti nnotifikat lil Volvo, fl-indirizz ta’ Madrid, għall-finijiet tal-motivi, u l-konferma ta’ rċevuta ġiet iffirmata. Peress li l-konvenuta ma kkontestatx l-ispejjeż fit-terminu indikat, il-qorti approvat dawn l-ispejjeż għal ammont ta’ EUR 8 310.64 u nnotifikat id-digriet tagħha lil Volvo permezz ta’ posta rreġistrata fid-domiċilju professjonali tas-sussidjarja f’Madrid, fejn ġiet iffirmata l-konferma ta’ rċevuta. Fuq talba ta’ Transsaqui, is-sentenza ġiet eżegwita u nħarġet ordni ta’ ħlas fuq l-assi ta’ Volvo permezz ta’ digrieti tal-qorti, innotifikati fl-indirizz professjonali tas-sussidjarja Volvo Group España f’Madrid fis‑17 ta’ Marzu 2021.

14.      F’sensiela ta’ ittri indirizzati lill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) bi tweġiba għal kull tentattiv ta’ notifika ta’ komunikazzjoni ġudizzjarja, Volvo Group España spjegat ir-raġunijiet għar-rifjut tagħha li tirċievi n-notifika ta’ atti u avviżi indirizzati lil Volvo, peress li s-sede ta’ din tal-aħħar tinsab fl-Isvezja. Hija sostniet, inter alia, li, l-ewwel nett, għalkemm Volvo Group España u Volvo jifformaw parti mill-istess grupp ta’ impriżi, kull waħda minnhom għandha personalità ġuridika distinta u l-ewwel waħda ma għandhiex il-kwalità ta’ direttur tat-tieni waħda u lanqas ma hija awtorizzata taċċetta notifiki għat-tieni waħda; it-tieni nett, skont il-leġiżlazzjoni proċedurali Spanjola, il-konvenut għandu jiġi nnotifikat biċ-ċitazzjoni fis-sede tiegħu u numru ta’ qrati Spanjoli, fi proċeduri relatati mal-akkordju dwar it-trakkijiet, iddeċidew li n-notifika fis-sede tal-kumpannija omm konvenuta li tinsab fi Stat Membru ieħor, minflok fl-indirizz professjonali ta’ sussidjarja fi Spanja, hija korretta minkejja r-rabtiet bejn il-kumpanniji; it-tielet nett, meta l-kumpannija konvenuta tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, in-notifika għandha ssir skont ir-Regolament Nru 1393/2007; u r-raba’ nett, ir-rikorrent ma jistax jevita r-regoli dwar in-notifika taċ-ċitazzjoni billi juża indirizzi alternattivi li ma jappartjenux lill-konvenut, peress li, fil-każ kuntrarju, ikunu jeżistu motivi għar-reviżjoni tas-sentenza.

15.      Fil‑15 ta’ Ġunju 2021, Volvo ssottomettiet quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju, talba għal reviżjoni tas-sentenza definittiva mogħtija mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) fil-kontumaċja u li tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tad-danni lil Transsaqui għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Volvo sostniet li hija kienet ressqet din it-talba fit-terminu legali ta’ tliet xhur mid-data li fiha hija saret taf bir-raġuni għal reviżjoni, sa fejn hija kellha “għarfien indirett” tas-sentenza li fiha ġiet ikkundannata fil-mument tan-notifika tad-digrieti ta’ eżekuzzjoni fl-indirizz professjonali tas-sussidjarja tagħha fi Spanja, fis‑17 ta’ Marzu 2021.

16.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi n-notifika ta’ ċitazzjoni fuq il-kumpannija omm li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, fid-domiċilju professjonali ta’ sussidjarja ta’ din il-kumpannija.

17.      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2022, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2022, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kontenzjuż relatat mal-akkordju tat-trakkijiet deskritti f’din id-deċiżjoni, l-Artikolu 47 tal-[Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, jista’ jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta’ kumpannija omm li kontriha titressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni titqies li ssir b’mod korrett meta tali notifika tkun saret (jew ipprovat issir) fid-domiċilju tal-kumpannija sussidjarja ddomiċiljata fl-Istat li fih tkun tressqet il-proċedura ġudizzjarja u l-kumpannija omm, iddomiċiljata fi Stat Membri ieħor, ma tkunx dehret għall-proċedura u tkun baqgħet kontumaċi?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tkun kompatibbli mal-Artikolu 53 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) dwar in-notifika tal-kumpanniji omm iddomiċiljati fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tat-tilwim relatat mal-akkordju tat-trakkijiet?”

18.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Volvo, Transsaqui, il-Gvern Ċek u dak Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni. Volvo, Transsaqui, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑18 ta’ Ottubru 2023.

 Analiżi

 Fuq lewwel domanda preliminari

19.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jippermettux li atti ġuridiċi indirizzati lil kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru wieħed jiġu nnotifikati b’mod validu lil sussidjarja ta’ din il-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

 Rimarki preliminari

20.      Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (9). Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, bħala prinċipju, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru  (10). Madankollu, huma jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, inter alia, f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt. F’dawn is-sitwazzjonijiet, persuni ddomiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġu mħarrka fi Stat Membru ieħor fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ (11).

21.      Transsaaqui hija minn Spanja. It-trakkijiet ġew akkwistati fi Spanja, fejn seħħ id-dannu. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi li l-qrati Spanjoli għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, biex jisimgħu azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali kontra kumpannija stabbilita fl-Isvezja, sakemm l-avveniment dannuż seħħ f’post fejn għandhom ġurisdizzjoni.

 IrRegolament Nru 1393/2007

22.      Għalkemm il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli tidher li ma hijiex ikkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, dawn ma jaqblux dwar jekk l-att promotur kellux jiġi nnotifikat minn Spanja lill-Isvezja skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007.

23.      Volvo ssostni li n-notifika tal-att promotur kellha ssir skont l-imsemmi regolament u li Transsaqui ma tistax tevita d-dispożizzjonijiet li jirregolaw in-notifika tal-att promotur billi tuża indirizzi alternattivi mhux relatati ma’ Volvo. Transsaqui ssostni li Volvo qed taġixxi b’mala fide proċedurali u li Volvo u s-sussidjarja Spanjola tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti, u, fl-aħħar mill-aħħar, li hija ma setgħetx tippreżenta r-rikors tagħha li kieku kellha tbati l-ispejjeż ta’ traduzzjoni lejn l-Isvediż.

24.      Fid-dawl ta’ din it-tilwima, qabel ma jiġu ttrattati ż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija b’mod espliċitu mill-qorti nazzjonali fl-ewwel domanda tagħha (12), għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 għandhomx effett fuq dan il-każ.

–       Kamp ta’ applikazzjoni

25.      Il-funzjonament it-tajjeb ta’ suq intern jeħtieġ ċertu livell ta’ regolamentazzjoni u ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-proċedura ċivili internazzjonali, u għalhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni (13) adotta progressivament qafas li jipprovdi għall-koordinazzjoni ta’ proċeduri ċivili bejn l-Istati Membri (14), kif ukoll għall-kooperazzjoni ġudizzjarja. It-trażmissjoni ta’ atti għall-finijiet ta’ notifika bejn l-Istati Membri taqa’ taħt din l-aħħar kategorija. Għal dan l-għan (15), ir-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi mekkaniżmu konness ta’ notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali bejn l-Istati Membri.

26.      Hemm żewġ modi prinċipali ta’ kif għandhom jiġu nnotifikati l-atti ġudizzjarji taħt ir-Regolament Nru 1393/2007: (i) notifika diretta, jiġifieri li l-parti rikjedenti tista’ tinnotifika l-att direttament lid-destinatarju, permezz ta’ persuni awtorizzati fl-Istat Membru fejn isseħħ in-notifika, u (ii) trażmissjoni permezz tal-awtoritajiet kompetenti, meta l-parti rikjedenti tista’ tibgħat l-att lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika. L-awtoritajiet kompetenti mbagħad jinnotifikaw l-att lid-destinatarju, konformement mal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

27.      Ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa intiż qabel kollox għall-mod kif l-atti huma trażmessi għall-finijiet ta’ notifika.

28.      Il-kwistjoni dwar jekk u meta l-atti jiġu trażmessi għall-finijiet ta’ notifika hija, possibbilment, iktar delikata. L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi li għandu japplika “fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument [att] ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trażmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk.” (16) Dan iwassal għall-mistoqsija, liema liġi tiddeċiedi jekk l-atti għandhomx jiġu nnotifikati barra l-pajjiż: ir-regolament innifsu jew id-dritt nazzjonali?

29.      Din il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 tista’ tinftiehem fis-sens li timplika li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa esklużivament iddeterminat mid-dritt nazzjonali (17), li jfisser li l-Istati Membri għandhom prijorità sabiex jiddeterminaw jekk u meta l-atti jiġu trażmessi għall-finijiet ta’ notifika.

30.      Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mod ieħor.

31.      Fis-sentenza Alder (18), hija ntalbet tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li jipprevedi li l-atti ġudizzjarji indirizzati (mill-Istat Membru A) lil parti li r-residenza jew il-post ta’ soġġorn abitwali tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B) jiġu inklużi fil-proċess (li jinsab fl-Istat Membru A) u jitqiesu li ġew effettivament innotifikati, jekk din il-parti ma tkunx ħatret rappreżentant awtorizzat li jirċievi n-notifiki u huwa residenti fl-Istat Membru (Stat Membru A) li fih isseħħ il-proċedura ġudizzjarja.

32.      Fis-sentenza Alder (19), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li huwa d-dritt proċedurali nazzjonali li għandu jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007. Hija kkonstatat li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprekludi d-dritt proċedurali ċivili inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment inferiet dan minn qari sistematiku tal-premessi u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, flimkien ma’ raġunament a contrario: peress li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (20) kif ukoll il-premessa 8 (21) jagħmlu riferiment espress għal sitwazzjoni li fiha ma għandux japplika dak ir-regolament, huwa japplika fiċ-ċirkustanzi l-oħra kollha. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet espressament mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot (22) u ddeċidiet li bl-esklużjoni taż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (23) “ġaladarba d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju jirrisjedi barra mill-pajjiż, in-notifika ta’ dan l-att taqa’ neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, u għaldaqstant għandha, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, issir b’mezzi stabbiliti mir-Regolament innifsu għal dan il-għan.” (24)

33.      B’mod kruċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jekk il-leġiżlatur nazzjonali jitħalla bil-kompitu li jiddetermina f’liema każijiet tirriżulta tali ħtieġa, tiġi prekluża kull applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007, peress li ma huwiex eskluż li l-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet diverġenti f’dan ir-rigward” (25).

34.      Inqis li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jikkorrispondi kompletament kemm mal-kooperazzjoni armonjuża f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll mar-raġunament tad-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern (26).

35.      Għaldaqstant, wieħed jista’ jassumi b’ċertezza li jeżisti prinċipju ġenerali li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1393/2007, li jgħid li atti indirizzati lil konvenut iddomiċiljat fi Stat Membru differenti minn dak fejn tinbeda l-proċedura għandhom imperattivament jiġu nnotifikati fl-Istat Membru tal-konvenut. Barra minn hekk, dan il-prinċipju huwa konformi mar-raġunament wara s-sistema sħiħa tad-dritt proċedurali ċivili tal-Unjoni, fejn il-kunċett ta’ domiċilju huwa ċentrali.

36.      Nixtieq ninnota b’mod każwali li dan il-prinċipju ma jimplikax li l-aspetti kollha tan-notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’kuntest transkonfinali huma koperti minn dan ir-regolament. Ċertament jeżistu każijiet fejn hija l-liġi nazzjonali li għandha tiddetermina ċerti aspetti speċifiċi tan-notifika (27). Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jistax ibiddel is-sitwazzjonijiet li fihom in-notifika tal-att lil persuna ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

–       Implikazzjonijiet għallkawża inkwistjoni

37.      Fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, ir-raġunament imfassal hawn fuq jimplika li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 huma applikabbli.

38.      Huwa paċifiku li Volvo hija ddomiċiljata (28) fi Stat Membru (l-Isvezja) li ma huwiex dak li fih hija ġiet imħarrka (Spanja). Barra minn hekk, huwa paċifiku li Volvo u s-sussidjarji tagħha jikkostitwixxu persuni ġuridiċi differenti. Barra minn hekk, Volvo ma ħatritx lis-sussidjarja tagħha bħala r-rappreżentant awtorizzat tagħha fi Spanja għall-finijiet tan-notifika ta’ atti ġuridiċi.

39.      Konsegwentement, in-notifika tal-atti ġudizzjarji inkwistjoni għandha ssir konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007. F’dan ir-rigward, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu proċeduri ġudizzjarji effiċjenti u rapidi u sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-Regolament Nru 1393/2007 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trażmissjoni diretta ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji bejn l-entitajiet magħżula mill-Istati Membri.

40.      F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-prinċipju li persuna mħarrka f’proċedimenti ċivili għandha d-dritt li tiġi nnotifikata personalment bl-att promotur fi żmien xieraq sabiex tipprepara d-difiża tagħha jikkostitwixxi element fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq. F’dan il-każ, kemm l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007 jiggarantixxu d-drittijiet tal-konvenuti li ma jkunux dehru. F’tali sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm jiġi stabbilit li l-att ġie nnotifikat lill-konvenut skont ir-Regolament Nru 1393/2007.

41.      Minn dan isegwi li kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor (l-Isvezja) għandha d-dritt li ma tidhirx meta l-att promotur ikun ġie nnotifikat fid-domiċilju tal-kumpannija sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (Spanja). Bl-istess mod, sussidjarja (li tinsab fi Spanja) ma tistax tkun obbligata li tirċievi n-notifika ta’ att promotur indirizzat lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (l-Isvezja).

 L-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta

42.      Sussegwentement, ser neżamina jekk l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jqiegħdux inkwistjoni din il-konstatazzjoni provviżorja.

43.      Volvo ssostni li l-azzjonijiet għall-kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni oġġettiv tar-Regolament Nru 1393/2007 u li l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għar-rimedji ġudizzjarji fil-qasam tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali jew għal dawk ibbażati fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016 ma tistax tiġi eskluża abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 101 TFUE.

44.      Il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni jaqblu, essenzjalment, ma’ din l-evalwazzjoni.

45.      Min-naħa l-oħra, Transsaqui tinferixxi mis-sentenza Sumal li l-kunċett ta’ “unità jew impriża ekonomika” żviluppat fiha huwa applikabbli wkoll fil-qasam proċedurali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet f’din is-sentenza li sussidjarja tista’ tiġi mħarrka fil-kuntest ta’ akkordju.

46.      Fid-dawl ta’ din is-sentenza, Transsaqui tqis li, peress li sussidjarja tista’ tiġi mħarrka u tkun responsabbli in solidum mal-kumpannija omm tagħha għad-dannu kkawżat fil-kuntest ta’ akkordju minħabba li jiffurmaw l-istess impriża waħda, din is-sussidjarja għandha titħalla tkun id-destinatarja taċ-ċitazzjoni nnotifikata lill-impriża.

47.      Transsaqui żżid li, f’dan il-każ, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ikun inutli li tiġi nnotifikata ċ-ċitazzjoni fl-Isvezja meta l-att ġuridiku li jimmotiva l-proċedura kollha, jiġifieri l-bejgħ ta’ trakkijiet, ikun twettaq fi Spanja.

48.      Transsaqui tqis li, billi ddeċidiet li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, jista’ jiġi interpretat fis-sens li kumpannija omm, li hija s-suġġett ta’ azzjoni għall-kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju, hija validament innotifikata b’ċitazzjoni meta l-att promotur ikun ġie nnotifikat fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, iddomiċiljata fl-Istat li fih tressqu l-proċeduri legali, u l-kumpannija omm, iddomiċiljata fi Stat Membru ieħor, ma tkunx dehret fil-proċedura u tkun baqgħet inadempjenti.

49.      Fis-sentenza Sumal, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni bbażata fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni, entità legali li ma hijiex indikata f’din id-deċiżjoni bħala li wettqet il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ madankollu tinżamm responsabbli fuq din il-bażi minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur imwettaq minn entità ġuridika oħra, fejn dawn iż-żewġ entitajiet jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u jikkostitwixxu għalhekk impriża li hija l-awtriċi tal-ksur fis-sens ta’ dan l-Artikolu 101 TFUE (29). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat il-fatt li d-determinazzjoni tal-entità li għandha tikkumpensa d-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni (30) u li l-kunċett ta’ “impriża” taħt l-Artikolu 101 TFUE jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (31).

50.      Inqis li l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta ma jqiegħdux inkwistjoni l-prinċipju bażilari li joħroġ mir-Regolament Nru 1393/2007 li atti indirizzati lil konvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu nnotifikati f’dan l-Istat Membru. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jistgħux u ma għandhomx jiġu mwarrba. Sempliċement, is-sentenza Sumal ma fiha ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.

51.      L-ewwel nett, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sumal huwa kkonċentrat esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet ta’ dritt sostantiv. F’dan il-każ, il-konswetudni hija li tiġi prevista ċerta flessibbiltà sabiex il-vittmi ta’ aġir antikompetittiv ikunu jistgħu jitolbu kumpens adegwat. Huwa kruċjali għal individwu li jkun jaf lil liema entità jista’ jirrikorri biex jikseb id-danni. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “unità ekonomika” jipprekludi li konvenut, pereżempju, jittrasferixxi kapital minn kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha u vice versa. Billi ffokat fuq l-“istess unità ekonomika”, il-Qorti tal-Ġustizzja allinjat ir-realtà legali mar-realtà ekonomika. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli dwar il-metodi ta’ notifika tal-att promotur, għandha tiġi evitata kull ambigwità. Wara kollox, dan huwa aspett fundamentali tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri ċivili.

52.      It-tieni nett, l-osservanza tar-rekwiżiti kollha li għalihom hija suġġetta n-notifika ta’ att ġudizzjarju b’mod korrett hija kwistjoni sensittiva, b’mod partikolari meta jiġu eżaminati l-effetti proċedurali li jirriżultaw min-notifika. Pereżempju, il-proċedimenti ċivili huma ġeneralment legalment u formalment pendenti hekk kif l-att promotur ikun ġie nnotifikat. Għall-kuntrarju, nuqqas ta’ notifika jew notifika difettuża tista’ tikkostitwixxi raġuni għar-rifjut tar-rikonoxximent (32) jew tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza (33). B’mod iktar ġenerali, in-notifika korretta ta’ att ġudizzjarju hija kwistjoni ta’ ekwità tal-proċeduri.

53.      It-tielet nett, it-taffija tal-effett tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 billi tiġi permessa n-notifika ta’ att lil persuna oħra (ġuridika) (f’dan il-każ sussidjarja) tista’ finalment tkun ekwivalenti għal nuqqas ta’ fiduċja reċiproka fil-kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-fiduċja reċiproka timplika u hija bbażata fuq l-ipoteżi li r-rekwiżiti proċedurali – speċjalment dawk li jirriżultaw direttament mid-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1393/2007) – ġew osservati u ssodisfatti meta jkunu nbdew proċeduri. Li mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament wieħed iżid qari flimkien tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jservix, fil-fehma tiegħi, għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, iżda jikkostitwixxi miżura mnaqqsa iżda sinjifikattiva sabiex din tinqered de facto.

54.      Fl-aħħar nett, nixtieq nindirizza l-kwistjoni tat-traduzzjoni tal-atti, li qamet waqt is-seduta. Transsaqui sostniet li n-notifika ta’ dokument lil Volvo fl-Isvezja – konformement mar-Regolament Nru 1393/2007 – toħloq diffikultajiet kunsiderevoli għal impriża żgħira bħal Transsaqui. B’mod iktar speċifiku, hija sostniet li Volvo ma kinitx ser taċċetta li tirċievi atti miktuba bl-Ispanjol. Fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni hija purament ipotetika għar-raġunijiet li ġejjin. Fl-ewwel lok, fil-kawża prinċipali, lanqas ma kien hemm tentattiv ta’ notifika tal-att promotur fl-Isvezja skont ir-Regolament. Fit-tieni lok, il-qorti nazzjonali ma tagħmel – lanqas b’mod impliċitu – ebda mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull kunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tar-regolament setgħetx tostakola l-aċċess ta’ Transsaqui għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri partikolari hija ta’ natura purament ipotetika. Fl-aħħar lok, inqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma indipendenti mill-problema legali prinċipali li tikkostitwixxi s-suġġett tal-mistoqsijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

55.      Fil-qosor, ma nara ebda post għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għal din il-kawża.

 Id-Direttiva 2014/104

56.      Għalkemm l-Artikolu 101 TFUE ma għandux effett fuq il-każ inkwistjoni, l-istess japplika, b’estensjoni, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 li hija ta’ livell inferjuri.

57.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu madankollu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2014/104 f’ebda mument ma tittratta l-kwistjoni taċ-ċitazzjoni jew notifika ta’ atti ġudizzjarji. Sussegwentement, il-premessa 11 tad-Direttiva, f’termini ċari li jikkostitwixxu tawtoloġija legali, tiddikjara li, fl-assenza tad-dritt tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri u li dawn ir-regoli u proċeduri għandhom josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

58.      Madankollu, peress li jeżisti d-dritt proċedurali tal-Unjoni applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni, fil-forma tar-Regolament Nru 1393/2007, ma jeżisti, f’dan ir-rigward, ebda spazju għall-awtonomija proċedurali nazzjonali kif ukoll għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Ir-riferiment għad-dritt nazzjonali fid-Direttiva 2014/104 ma jistax iwassal sabiex jiġu emendati l-prinċipji stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ġenerali li jinsab fir-Regolament Nru 1393/2007, li jgħid li l-atti indirizzati lil konvenut iddomiċiljat fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-proċedura tinbeda għandhom neċessarjament jiġu nnotifikati fl-Istat Membru tal-konvenut.

 Ilkunsiderazzjonijiet finali

59.      Fl-aħħar, nixtieq nindika li nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà taf bil-problema inkwistjoni fil-kawża Sumal. Fil-fatt, fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Pitruzzella, li l-konklużjonijiet tiegħu ġew essenzjalment segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jammetti espressament li “l-għoti lilha tal-fakultà li taġixxi fil-konfront tas-sussidjarja ddomiċiljata fl-Istat Membru tagħha, jevita l-kumplessitajiet prattiċi marbuta man-notifikazzjoni barra mill-pajjiż tar-rikors u mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna eventwali.” (34) Ma nistax ma naqbilx ma’ din id-dikjarazzjoni. Fi kliem iktar sempliċi, ir-rikorrenti jaffaċċjaw l-għażla li jħarrku lill-kumpannija omm, lis-sussidjarja tagħha jew lit-tnejn li huma. Madankollu, fir-rigward tad-dritt proċedurali applikabbli għal dawn is-sitwazzjonijiet, ma hemm ebda għażla. Rikorrent ma jistax joqgħod jagħżel hu fis-sens li jħarrek lis-sussidjarja u jinnotifika l-att promotur lill-kumpannija omm jew vice versa. Is-sustanza ta’ kull sitwazzjoni ma għandha ebda impatt fuq il-proċedura.

 Irrisposta proposta

60.      Ir-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda hija, għalhekk, li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li atti ġuridiċi indirizzati lil kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru jiġu nnotifikati b’mod validu lil sussidjarja ta’ din il-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. L-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta ma jbiddlux din il-konstatazzjoni.

 Ittieni domanda

61.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 53 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jeżiġi li n-notifika ta’ att promotur issir fis-sede tal-kumpannija destinatarja ta’ dan l-att u mhux fl-indirizz ta’ sussidjarja ta’ din il-kumpannija.

62.      Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li kieku l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 101 TFEU kellhom jemendaw ir-regoli dwar in-notifika tal-atti stabbiliti fir-Regolament Nru 1393/2007, il-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) taf titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, ir-risposta tidher evidenti fir-rigward tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, min-naħa l-oħra, ikun diffiċli li din il-kwistjoni tiġi deċiża b’mod ċar mingħajr ma jkun magħruf preċiżament la l-kuntest tas-sentenza stess u lanqas il-motivazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali skont id-dritt nazzjonali.

63.      Peress li ma għandi ebda problema bil-ġurisprudenza nazzjonali li straħet fuqha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma hemmx lok li din il-ġurisprudenza tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 53 tal-Karta u li eventwalment jiġu bbilanċjati d-drittijiet fundamentali potenzjalment kontradittorji. Fi kliem ieħor, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, fil-fehma tiegħi, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jittrattaw b’mod eżawrjenti u jibbilanċjaw id-drittijiet u l-interessi potenzjali kunfliġġenti tal-partijiet varji.

 Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li atti ġuridiċi indirizzati lil kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru jiġu nnotifikati b’mod validu lil sussidjarja ta’ din il-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta ma jbiddlux din il-konstatazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79 u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).


3      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Sumal”).


4      BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575.


5      ĠU 1994, L 1, p. 3.


6      Espożizzjoni sommarja ta’ din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6).


7      BOE Nru 159, tal‑4 ta’ Lulju 2007, p. 12946.


8      Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


9      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


10      Ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.


11      Ara l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.


12      Jiġifieri l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 101 TFUE.


13      Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl‑1 ta’ Mejju 1999.


14      Ara r-Regolament Nru 1215/2012 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).


15      Ara, f’dan is-sens, essenzjalment, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1393/2007.


16      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007. Enfasi tiegħi.


17      Ara, f’dan is-sens, bħala eżempju, Sujecki, B., f’Gebauer, M., Wiedmann, T., Europäisches Zivilrecht, it-tielet edizzjoni, C.H. Beck, München, 2021, Kapitolu 38 (Europäische Zustellungsverordnung), Erwgr., punt 6.


18      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012 (C‑325/11, EU:C:2012:824) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Alder”).


19      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012 (C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 26).


20      Skont din id-dispożizzjoni, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma japplikax meta l-indirizz tad-destinatarju li għandu jiġi nnotifikat bl-att ma jkunx magħruf.


21      Din il-premessa tippreċiża li r-Regolament ma għandux japplika għan-notifika ta’ att lir-rappreżentant awtorizzat ta’ parti fl-Istat Membru fejn qegħdin jitwettqu l-proċeduri, irrispettivament mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.


22      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Alder (C‑325/11, EU:C:2012:583, punt 49).


23      Jiġifieri fl-ipoteżi fejn l-indirizz tad-destinatarju li għandu jiġi nnotifikat bl-att ma jkunx magħruf u l-ipoteżi fejn in-notifika ta’ att issir lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qegħdin iseħħu l-proċeduri.


24      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 25).


25      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 27).


26      Kien hemm partijiet minn duttrina li madankollu huma kritiċi fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alder. Ara, pereżempju, Cornet, F., “Cour de justice de l’Union européenne – 19 décembre 2012, Aff. C‑325/11. Note de doctrine”, Revue critique de droit international privé, 102(3) 2013, p. 700 sa 709, f’p. 707, li tinferixxi mis-“silenzju” tar-regolament dwar il-kwistjoni ta’ meta l-atti li għandhom jiġu nnotifikati għandhom jiġu trażmessi lil Stat Membru ieħor, li din il-kwistjoni taqa’ fuq l-Istati Membri.


27      Ovvjament ma jienx f’pożizzjoni li nagħti l-eżempji immaġinabbli kollha f’dan l-istadju. Huwa għal din ir-raġuni li ser nillimita ruħi għal ftit mistoqsijiet magħżula fuq bażi ta’ każwalità iżda li xorta waħda huma illustrattivi: min eżattament għandu jiffirma att, kif għandha ssir in-notifika lit-tfal jew kif l-atti għandhom jiġu nnotifikati fl-Istat Membru tad-domiċilju.


28      Fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-kunċett ta’ “domiċilju” fir-Regolament Nru 1393/2007, huwa sigur li wieħed jistrieħ f’dan ir-rigward fuq il-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jgħid li persuna ġuridika tkun iddomiċiljata fil-post fejn ikollha s-sede statutorja, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha.


29      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012.


33      Ara l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012.


34      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:293, punt 68).