Language of document : ECLI:EU:C:2019:624

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Teħid ta’ kampjuni (sampling) – Artikolu 2(ċ) – Produttur ta’ fonogrammi – Dritt ta’ riproduzzjoni – Riproduzzjoni ‘ta’ parti’ – Artikolu 5(2) u (3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Artikolu 5(3)(d) – Kwotazzjonijiet – Direttiva 2006/115/KE– Artikolu 9(1)(b) – Dritt ta’ distribuzzjoni – Drittijiet fundamentali – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 13 – Libertà tal-arti”

Fil-Kawża C‑476/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Pelham GmbH,

Moses Pelham,

Martin Haas

vs

Ralf Hütter,

Florian Schneider-Esleben,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pelham GmbH kif ukoll għal M. Pelham u M. Haas, minn A. Walter, Rechtsanwalt,

–        għal R. Hütter u F. Schneider-Esleben, minn U. Hundt-Neumann, kif ukoll minn H. Lindhorst, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, D. Segoin u E. Armoët, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), kif ukoll tal-Artikolu 9(1)(b) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Pelham (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Pelham”) kif ukoll M. Pelham u M. Haas (iktar ’il quddiem, flimkien, “Pelham et”) u, min-naħa l-oħra, R. Hütter u F. Schneider-Esleben (iktar ’il quddiem “Hütter et”) dwar l-użu, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni tax-xogħol mużikali “Nur mir”, kompost minn M. Pelham u M. Haas u prodott mill-kumpannija Pelham, ta’ sekwenza ritmika ta’ madwar żewġ sekondi meħuda minn fonogramma tal-grupp mużikali Kraftwerk, li tiegħu huma membri Hütter et.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Produtturi ta’ Fonogrammi Kontra r-Riproduzzjoni Mhux Awtorizzata tal-Fonogrammi Tagħhom, iffirmata f’Genève fid-29 ta’ Ottubru 1971 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

(a)      ‘fonogramma’ tfisser kull fissazzjoni esklużivament sonora ta’ ħsejjes li joħorġu minn eżekuzzjoni jew minn ħsejjes oħra;

(b)      ‘produttur ta’ fonogrammi’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun l-ewwel li tiffissa l-ħsejjes li joħorġu minn eżekuzzjoni jew minn ħsejjes oħra;

(c)      ‘kopja’ tfisser mezz li fih ħsejjes meħuda direttament jew indirettament minn fonogramma u li jinkorpora t-totalità jew parti sostanzjali tal-ħsejjes iffissati f’din il-fonogramma;

(d)      ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ tfisser kull att li l-għan tiegħu jkun li jiġu offruti kopji, direttament jew indirettament, lill-pubbliku b’mod ġenerali jew lil parti minnu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Kull Stat Kontraenti jintrabat li jipproteġi lill-produtturi ta’ fonogrammi li huma ċittadini tal-Istati Kontraenti l-oħra kontra l-produzzjoni ta’ kopji magħmula mingħajr il-kunsens tal-produttur u kontra l-importazzjoni ta’ tali kopji, meta l-produzzjoni jew l-importazzjoni jkunu intiżi għal distribuzzjoni lill-pubbliku, kif ukoll kontra d-distribuzzjoni ta’ dawn il-kopji lill-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

5        Il-premessi 3, 4, 6, 7, 9, 10, 31 u 32 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(3)      L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

[…]

(6)      Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern u inkonsistenza leġislattiva. L-impatt ta’ dawn id-differenzi leġislattivi u inċertezzi jsir aktar sinjifikanti b’aktar żvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttament li jaqsam il-fruntieri ta’ proprjetà intellettwali. Dan l-iżvilupp qiegħed u għandu jikber aktar. Differenzi u inċertezzi legali sinifikanti dwar il-protezzjoni jistgħu jfixklu ekonomiji ta’ ċertu daqs għal prodotti u servizzi ġodda li jkunu jinkludu drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati.

(7)      Il-qafas legali tal-Komunità għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandu, għalhekk, jiġi adattat u supplimentat ukoll sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament faċli tas-suq intern. Għal dan il-għan, dawk id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor jew li jistgħu jikkawżaw inċertezzi legali li jimpedixxu l-funzjonament faċli tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa għandhom jiġu aġġustati, u reazzjonijiet nazzjonali inkonsistenti għall-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu evitati, filwaqt li differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern mhux meħtieġ li jitneħħew jew jiġu evitati.

[…]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. […]

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. […] Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.”

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

[…]

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

[…]”

7        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 4 tagħha. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu:

“3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(d)      kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-Direttiva 2006/115

8        Il-premessi 2, 5 u 7 tad-Direttiva 2006/115 jiddikjaraw:

“(2)      Il-kiri u s-self ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati qegħdin ikollhom rwol dejjem aktar importanti b’mod partikolari għall-awturi, artisti u produtturi ta’ fonogrammi u films. Il-piraterija qiegħda ssir theddida li dejjem tikber.

[…]

(5)      Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

[…]

(7)      Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.”

9        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-għan ta’ l-armonizzazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, suġġett għall-Artikolu 6, id-dritt ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tal-kiri jew tas-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u ta’ materja oħra kif stipulat fl-Artikolu 3(1).”

10      L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku l-oġġetti indikati fil-punti (a) sa (d), inklużi kopji tagħhom, bil-bejgħ jew b’xi mod ieħor, minn hawn ‘il quddiem ‘id-dritt ta’ distribuzzjoni’:

[…]

(b)      għall-produtturi tal-fonogrammi, rigward il-fonogrammi tagħhom;

[…]”

11      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115 huwa fformulat kif ġej:

“[…] kull Stat Membru jista’ jagħmel dispożizzjoniet għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta’ produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, hekk bħad-dispożizzjonijet previsti fil-liġi tiegħu rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      Il-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati) tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273, iktar ’il quddiem l-“UrhG”) tipprovdi, fl-Artikolu 24 tagħha:

“1.      Xogħol indipendenti li nħoloq billi ntuża b’mod liberu x-xogħol ta’ ħaddieħor jista’ jiġi ppubblikat u użat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur tax-xogħol li ntuża.

2.      Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-użu ta’ xogħol mużikali li permezz tiegħu melodija tittieħed b’mod rikonoxxibbli minn xogħol sabiex isservi bħala bażi għal xogħol ġdid.”

13      L-Artikolu 85(1) tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/115, jipprevedi, fl-ewwel u fit-tieni każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-produttur ta’ fonogramma għandu d-dritt esklużiv li jirriproduċi u li jxandar il-fonogramma.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Hütter et huma membri tal-grupp mużikali Kraftwerk. Dan il-grupp ippubblika, fl-1977, fonogramma li fuqha kien jinsab ix-xogħol mużikali “Metall auf Metall”.

15      M. Pelham u M. Haas huma l-kompożituri tax-xogħol mużikali “Nur mir”, li ħareġ fuq fonogrammi prodotti mill-kumpannija Pelham fl-1997.

16      Hütter et isostnu li Pelham et ikkupjaw, f’forma elettronika, kampjun (sample) ta’ madwar żewġ sekondi ta’ sekwenza ritmika mix-xogħol mużikali “Metall auf Metall” u integraw dan il-kampjun, permezz ta’ repetizzjonijiet suċċessivi, fix-xogħol mużikali “Nur mir”, minkejja li kien possibbli għalihom li jdoqqu l-imsemmija sekwenza.

17      Hütter et iqisu, prinċipalment, li Pelham et kisru d-dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur li huma detenturi tiegħu bħala produttur ta’ fonogrammi. Sussidjarjament, huma jsostnu li kien hemm ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali li tiegħu huma d-detenturi bħala artisti kif ukoll id-drittijiet tal-awtur ta’ R. Hütter fuq ix-xogħol mużikali. B’mod iktar sussidjarju, huma jallegaw li Pelham et kisru l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

18      Hütter et ippreżentaw rikors quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) u talbu l-waqfien tal-ksur, l-għoti ta’ danni, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u l-konfiska tal-fonogrammi sabiex jinqerdu.

19      Din il-qorti laqgħet l-imsemmi rikors u l-appell ippreżentat minn Pelham et, quddiem l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), ġie miċħud. Fuq appell għal reviżjoni ppreżentat minn Pelham et quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), is-sentenza mogħtija mill-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) ġiet annullata u s-sentenza ntbagħtet lura quddiem dik il-qorti sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid. L-imsemmija qorti reġgħet ċaħdet l-appell ippreżentat minn Pelham et. Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ċaħdet għal darba oħra l-appell għal reviżjoni l-ġdid ippreżentat minn Pelham et. Din is-sentenza tal-aħħar ġiet annullata mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), li bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Il-qorti tar-rinviju tosserva li s-suċċess tal-proċedura għal reviżjoni jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll tal-Artikolu 9(1)(b) u tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115.

21      Fl-ewwel lok, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk Pelham et, bl-użu tar-reġistrazzjoni sonora ta’ Hütter et fil-kuntest tal-produzzjoni tal-fonogramma tagħhom stess, ippreġudikawx id-dritt esklużiv ta’ dawn tal-aħħar li jirriproduċu u li jxandru l-fonogramma li fuqha jinsab ix-xogħol “Metall auf Metall”, kif previst fl-Artikolu 85(1) tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/115. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk tali preġudizzju jistax jiġi kkonstatat meta, bħal f’dan il-każ, żewġ sekondi ta’ sekwenza ritmika jiġu estratti minn fonogramma u mbagħad ittrasferiti f’fonogramma oħra, u jekk din tal-aħħar tikkostitwixxix kopja ta’ fonogramma oħra fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115.

22      Fit-tieni lok, fil-każ li jiġi kkonstatat tali preġudizzju għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk Pelham et jistgħux jinvokaw id-“dritt għal użu liberu”, previst fl-Artikolu 24(1) tal-UrhG u applikabbli b’analoġija għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi, li jipprovdi li xogħol indipendenti li jkun inħoloq billi ntuża b’mod liberu x-xogħol ta’ ħaddieħor jista’ jiġi ppubblikat u sfruttat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur tax-xogħol użat. Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan il-kuntest, li tali dispożizzjoni ma għandhiex ekwivalenti espliċita fid-dritt tal-Unjoni u għalhekk għandha dubju dwar il-konformità tagħha ma’ dan id-dritt, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tillimita l-qasam tal-protezzjoni tad-dritt esklużiv tal-produttur ta’ fonogrammi għar-riproduzzjoni u għad-distribuzzjoni ta’ din il-fonogramma.

23      Fit-tielet lok, skont il-qorti tar-rinviju, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, previsti fid-dritt nazzjonali, għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 u għad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, huma bbażati fuq l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 u fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115. Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’dan il-kuntest, hija għandha dubju, minn naħa, dwar jekk l-Istati Membri għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll tal-Artikolu 9(1)(b) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu direttiva tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu evalwati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl. 1949 I, p. 1), iżda għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni meta din id-direttiva ma tħalli lill-Istati Membri ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija drittijiet fundamentali, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Ikun hemm ksur tad-dritt esklużiv tal-produttur ta’ fonogrammi skont l-Artikolu 2(ċ) tad-[Direttiva 2001/29] li jirriproduċi l-fonogramma tiegħu jekk jiġu estratti frazzjonijiet żgħar ta’ ħoss mill-fonogramma tiegħu sabiex jiġu ttrasferiti lejn fonogramma oħra?

2)      Fonogramma li tinkludi frazzjonijiet żgħar ta’ ħoss ittrasferiti minn fonogramma oħra hija kopja ta’ fonogramma oħra fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-[Direttiva 2006/115]?

3)      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu dispożizzjoni li, bħall-Artikolu 24(1) tal-[UrhG], tillimita l-portata tal-protezzjoni tad-dritt esklużiv tal-prodottur tal-fonogramma għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(ċ) tad-[Direttiva 2001/29]) u għad-distribuzzjoni (Artikolu 9(1)(b) tad-[Direttiva 2006/115]) tal-fonogramma tiegħu b’mod li xogħol distint maħluq bl-użu liberu tal-fonogramma tiegħu jista’ jintuża mingħajr il-kunsens tiegħu?

4)      Xogħol jew suġġett ieħor protett, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-[Direttiva 2001/29], jintuża għall-finijiet ta’ kwotazzjoni jekk ma jkun hemm xejn li jindika li qiegħed jintuża xogħol jew suġġett ieħor protett ta’ persuna oħra?

5)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ produttur ta’ fonogramma (Artikolu 2(ċ) tad-[Direttiva 2001/29] u Artikolu 9(1)(b) tad-[Direttiva 2006/115]) u l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet (Artikolu 5(2) u (3) tad-[Direttiva 2001/29] u l-ewwel [subparagrafu] tal-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2006/115]) jipprovdu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali?

6)      B’liema mod id-drittijiet fundamentali previsti fil-[Karta] għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni tad-dritt esklużiv tal-produttur ta’ fonogrammi għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(ċ) tad-[Direttiva 2001/29]) u għad-distribuzzjoni (Artikolu 9(1)(b) tad-[Direttiva 2006/115]) tal-fonogramma tiegħu u l-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet (Artikolu 5(2) u (3) tad-[Direttiva 2001/29] u l-ewwel [subparagrafu] tal-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2006/115])?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u s-sitt domanda

26      Permezz tal-ewwel u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandux, fid-dawl tal-Karta, jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti lill-produttur ta’ fonogrammi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tal-fonogramma tiegħu jippermettilux joġġezzjona għat-teħid minn terz ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, mill-fonogramma tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra.

27      Skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt esklużiv għall-produtturi ta’ fonogrammi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-“riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti” tal-fonogrammi tagħhom.

28      Id-Direttiva 2001/29 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “riproduzzjoni […] kollha jew parti” ta’ fonogramma, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dawn il-kelmiet għandha għalhekk tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, imfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li r-riproduzzjoni minn utent ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, ta’ fonogramma għandha, bħala prinċipju, titqies li hija riproduzzjoni “ta’ parti” ta’ din il-fonogramma, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u li għalhekk tali riproduzzjoni taqa’ taħt id-dritt esklużiv mogħti minn din id-dispożizzjoni lill-produttur ta’ tali fonogramma.

30      Din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 hija konformi, minn naħa, mal-għan ġenerali ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta mill-premessi 4, 9 u 10 tagħha, huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, u, min-naħa l-oħra, mal-għan speċifiku tad-dritt esklużiv tal-produttur ta’ fonogrammi, iddikjarat fil-premessa 10, li huwa li jiġi protett l-investiment imwettaq minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, kif tfakkar l-istess premessa, l-investiment meħtieġ sabiex jinħolqu prodotti, bħalma huma fonogrammi, huwa wieħed kunsiderevoli, b’tali mod li huwa meħtieġ li tiġi ggarantita, għall-produtturi tagħhom, il-possibbiltà li jiksbu profitt sodisfaċenti.

31      B’dan premess, meta utent, fl-eżerċizzju tal-libertà tal-arti, jieħu kampjun sonoru minn fonogramma, sabiex jużah, f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’, f’xogħol ġdid, għandu jitqies li tali użu ma jikkostitwixxix “riproduzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29.

32      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-premessi 3 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva hija intiża li żżomm, u dan b’mod partikolari fl-ambjent elettroniku, bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħhom, li issa jinsab stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti kif ukoll tal-interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 41).

33      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li bl-ebda mod ma jirriżulta, la mill-Artikolu 17(2) tal-Karta u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt tal-proprjetà intellettwali rrikonoxxut f’din id-dispożizzjoni huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha għalhekk tiġi żgurata b’mod assolut (sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 43; tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 41; u tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 61).

34      Fil-fatt, dan id-dritt għandu jiġi bbilanċjat mad-drittijiet fundamentali l-oħra, fosthom il-libertà tal-arti, iggarantita mill-Artikolu 13 tal-Karta, li, sa fejn taqa’ taħt il-libertà tal-espressjoni, protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta u mill-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, tippermetti l-parteċipazzjoni fl-iskambju pubbliku ta’ informazzjoni u ta’ ideat kulturali, politiċi u soċjali ta’ kwalunkwe tip (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1988, Müller et vs L-Isvizzera, CE:ECHR:1988:0524JUD001073784, punt 27; u Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 1999, Karataş vs It-Turkija, CE:ECHR:1999:0708JUD002316894, punt 49).

35      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li t-teknika tat-“teħid ta’ kampjuni” (sampling), fejn utent jieħu, ħafna drabi bl-użu ta’ tagħmir elettroniku, kampjun minn fonogramma u juża dan il-kampjun għall-finijiet tal-ħolqien ta’ xogħol ġdid, tikkostitwixxi forma ta’ espressjoni artistika li taqa’ taħt il-libertà tal-arti, protetta mill-Artikolu 13 tal-Karta.

36      Fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà, l-utent ta’ kampjun sonoru (sample), fil-kuntest tal-ħolqien ta’ xogħol ġdid, jista’ jkun meħtieġ jibdel il-kampjun meħud mill-fonogramma b’tali mod li dan il-kampjun ma jingħarafx meta jinstema’ f’tali xogħol.

37      Issa, jekk jitqies li kampjun, meħud minn fonogramma u użat f’xogħol ġdid, f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’, għall-finijiet ta’ ħolqien artistiku proprju, jikkostitwixxi “riproduzzjoni” ta’ din il-fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, dan mhux biss imur kontra t-tifsira normali ta’ din il-kelma fil-lingwa ta’ kuljum, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, iżda jikser ukoll ir-rekwiżit ta’ bilanċ ġust imfakkar fil-punt 32 ta’ din l-istess sentenza.

38      B’mod partikolari, tali interpretazzjoni tkun tippermetti lill-produttur ta’ fonogrammi joġġezzjona f’tali każ għat-teħid minn terz, għal finijiet ta’ ħolqien artistiku, ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, mill-fonogramma tiegħu, u dan minkejja li tali teħid ma jkunx ser jippreġudika l-possibbiltà tal-imsemmi produttur li jikseb profitt sodisfaċenti mill-investiment tiegħu.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għas-sitt domanda hija li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu, fid-dawl tal-Karta, jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti minn din id-dispożizzjoni lill-produttur ta’ fonogrammi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tal-fonogramma tiegħu jippermettilu joġġezzjona għall-użu minn terz ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, meħud mill-fonogramma tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra, sakemm dan il-kampjun ma jkunx inkluż f’din il-fonogramma l-oħra f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li fonogramma li tinkludi kampjuni mużikali ttrasferiti minn fonogramma oħra tikkostitwixxi “kopja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ din il-fonogramma.

41      Skont l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, għall-produtturi ta’ fonogrammi, dritt esklużiv ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-fonogrammi tagħhom, inklużi kopji, permezz ta’ bejgħ jew b’mod ieħor.

42      La l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/115 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “kopja”, fis-sens tal-imsemmi artikolu.

43      Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni kkonċernata u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

44      Għandu jitfakkar li d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-produttur ta’ fonogrammi previst fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115 għandu l-għan li joffri lill-imsemmi produttur, permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu, il-possibbiltà li jifdi l-investimenti magħmula minnu fir-rigward tal-produzzjoni ta’ fonogrammi, investimenti li jistgħu jkunu ta’ natura għolja u aleatorja ħafna, kif jiddikjaraw il-premessi 2 u 5 tad-Direttiva 2006/115.

45      F’dan ir-rigward, mill-premessa 2 jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija lill-produttur ta’ fonogrammi minn din id-direttiva hija intiża b’mod partikolari li tiġi miġġielda l-piraterija, jiġifieri, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ kopji ffalsifikati ta’ fonogrammi. Id-distribuzzjoni ta’ tali kopji tikkostitwixxi fil-fatt theddida partikolarment serja għall-interessi tal-produttur ta’ tali fonogrammi, sa fejn tista’ twassal għal tnaqqis sinjifikattiv tad-dħul li dan tal-aħħar jiġġenera mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-fonogrammi.

46      Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biss mezz li jirriproduċi t-totalità jew parti sostanzjali tal-ħsejjes li jkunu ffissati f’fonogramma li jkun intiż, minħabba l-karatteristiċi tiegħu, li jieħu post il-kopji legali ta’ din il-fonogramma u, għaldaqstant, jista’ jikkostitwixxi kopja ta’ din il-fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/115.

47      Għall-kuntrarju, dan ma jkunx il-każ ta’ mezz li, mingħajr ma jirriproduċi t-totalità jew parti sostanzjali tal-ħsejjes li jkunu ffissati f’fonogramma, jinkorpora biss kampjuni mużikali, jekk ikun il-każ f’forma mibdula, li jiġu ttrasferiti minn din il-fonogramma bil-għan li jinħoloq xogħol ġdid u indipendenti minn din tal-aħħar.

48      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, fid-dawl tal-għan imfittex, hija kkorroborata mill-kuntest tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha din id-dispożizzjoni.

49      F’dan ir-rigward, kif tiddikjara l-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115, din id-direttiva hija intiża li tqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri filwaqt li jiġu osservati l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati l-leġiżlazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati ta’ diversi Stati Membri.

50      Waħda minn dawn il-konvenzjonijiet hija l-Konvenzjoni ta’ Genève, li, skont il-preambolu tagħha, hija b’mod partikolari intiża li tindirizza ż-żieda dejjem tikber fir-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ fonogrammi u l-ħsara li tirriżulta minn dan għall-interessi tal-produtturi.

51      Fl-Artikolu 2 tagħha, din il-konvenzjoni tinkludi dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, li jipprevedi speċifikament li l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom jiġu protetti kontra l-produzzjoni u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ “kopji” magħmula mingħajr il-kunsens tagħhom tal-fonogrammi tagħhom.

52      Issa, skont l-Artikolu 1(c) tal-imsemmija konvenzjoni, “kopja” tfisser mezz li fih ħsejjes meħuda direttament jew indirettament minn fonogramma u li jinkorpora “t-totalità jew parti sostanzjali” tal-ħsejjes iffissati f’din il-fonogramma.

53      Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma humiex parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti f’din il-konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar ma tistax titqies li ħadet post l-Istati Membri fil-qasam tal-applikazzjoni tagħha, jekk xejn għaliex mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet fl-imsemmija konvenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 41). Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din il-konvenzjoni hija waħda mill-konvenzjonijiet internazzjonali msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza u li għalhekk, sa fejn huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 35; tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 189; kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, Syed, C‑572/17, EU:C:2018:1033, punt 20).

54      Minn dan isegwi li, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “kopja”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, għandu jiġi interpretat b’mod koerenti ma’ dan l-istess kunċett, kif jinsab fl-Artikolu 1(c) u fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li fonogramma li tinkludi kampjuni mużikali ttrasferiti minn fonogramma oħra ma tikkostitwixxix “kopja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ din il-fonogramma meta ma tirriproduċix it-totalità jew parti sostanzjali ta’ din l-istess fonogramma.

 Fuq it-tielet domanda

56      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 24(1) tal-UrhG, applikabbli b’analoġija għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi, xogħol indipendenti li nħoloq billi ntuża x-xogħol ta’ ħaddieħor jista’ jintuża u jiġi sfruttat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur tax-xogħol li ntuża. Hija tispeċifika li tali “dritt għal użu liberu” ma jikkostitwixxix, bħala tali, deroga mid-drittijiet tal-awtur iżda jirrappreżenta iktar limitazzjoni inerenti għall-qasam ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, limitazzjoni li hija bbażata fuq l-idea li l-ħolqien kulturali ma huwiex possibbli mingħajr ispirazzjoni minn xogħlijiet preċedenti ta’ awturi oħra.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li riproduzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru jistax jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għajr dawk previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

58      Kif jirriżulta kemm mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, tal-10 ta’ Diċembru 1997 (COM(97) 628 finali), u kemm mill-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29, il-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, kif enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 34, u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 16).

59      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-armonizzazzjoni mwettqa permezz tal-imsemmija direttiva hija intiża li żżomm, u dan b’mod partikolari fl-ambjent elettroniku, bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħhom, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti kif ukoll tal-interess ġenerali.

60      Issa, il-mekkaniżmi li jippermettu li jinstab bilanċ ġust bejn dawn id-diversi drittijiet u interessi huma stabbiliti fid-Direttiva 2001/29 stess, sa fejn tipprevedi, b’mod partikolari, minn naħa, fl-Artikoli 2 sa 4 tagħha, id-drittijiet esklużivi tad-detenturi ta’ drittijiet u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5 tagħha, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet li jistgħu, jew anki għandhom, jiġu ttrasposti mill-Istati Membri, mekkaniżmi dawn li madankollu għandhom jissawru permezz ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva kif ukoll permezz tal-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li d-drittijiet fundamentali li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta, u li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom, huma ispirati mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew li aderixxew għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jeħtieġ li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jiġu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jippreġudikawx l-isfruttament normali tax-xogħol jew ta’ oġġett protett ieħor u li ma jikkawżawx dannu mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet, jikkontribwixxi wkoll għall-bilanċ ġust imfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

63      F’dan il-kuntest, jekk, minkejja r-rieda espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, kull Stat Membru jitħalla jintroduċi derogi mid-drittijiet esklużivi tal-awtur, imsemmija fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dan ikun ta’ theddida għall-effettività tal-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mwettqa mill-imsemmija direttiva, kif ukoll għall-għan ta’ ċertezza legali mfittex minnha (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 34 u 35). Fil-fatt, mill-premessa 31 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta espliċitament li d-differenzi li kienu jeżistu fil-livell tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet għal ċerti atti suġġetti għal restrizzjonijiet kellhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, u għalhekk il-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 hija intiża li tiżgura dan il-funzjonament tajjeb.

64      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 32 tal-istess direttiva, l-Istati Membri huma marbuta japplikaw dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet b’mod koerenti. Issa, ir-rekwiżit ta’ koerenza fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u ta’ dawn il-limitazzjonijiet ma jkunx jista’ jiġi żgurat jekk l-Istati Membri jkunu ħielsa li jipprevedu tali eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għajr dawk previsti espliċitament fid-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 38 u 39), u dan filwaqt li, mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 ma tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jestendu l-portata tal-imsemmija eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 27).

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li Stat Membru ma jistax jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għajr dawk previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

 Fuq ir-raba domanda

66      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li tikkonċerna l-ipoteżi li fiha jiġi kkonstatat ksur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-produttur ta’ fonogrammi previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3)(d) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri sitwazzjoni fejn ma jkunx possibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

67      Skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva meta jkunu involuti kwotazzjonijiet magħmula, pereżempju, għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew ma’ oġġett protett ieħor li jkun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kemm-il darba, sakemm dan ma jirriżultax impossibbli, jiġi indikat is-sors, inkluż l-isem tal-awtur, u kemm-il darba dawn il-kwotazzjonijiet isiru konformement ma’ prattika aċċettata u sa fejn ikun iġġustifikat mill-għan imfittex.

68      Qabel kollox, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, li tirreferi għal “xogħol jew suġġett ieħor” protett, l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għall-użu ta’ xogħol mużikali protett, kemm-il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

69      B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jeħtieġ, għall-applikazzjoni tiegħu, kif tfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-użu inkwistjoni jitwettaq “skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku” segwit, b’tali mod li l-użu inkwistjoni għal finijiet ta’ kwotazzjonijiet ma għandux imur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

70      Fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva 2001/29, tal-kelma “kwotazzjoni”, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ din il-kelma għandha tiġi ddeterminata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.

71      Fir-rigward tat-tifsira normali tal-kelma “kwotazzjoni” fil-lingwa ta’ kuljum, għandu jiġi osservat li l-karatteristiċi essenzjali tal-kwotazzjoni huma l-użu, minn utent li ma jkunx l-awtur tiegħu, ta’ xogħol jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ silta minn xogħol bil-għan li tiġi spjegata idea, li tiġi difiża opinjoni jew inkella li ssir konfrontazzjoni intellettwali bejn dan ix-xogħol u l-ideat tal-imsemmi utent, fejn l-utent ta’ xogħol protett li jkollu l-intenzjoni jinvoka l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni għandu għalhekk ikollu l-għan li jinteraġixxi mal-imsemmi xogħol, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu.

72      B’mod partikolari, meta l-persuna li toħloq xogħol mużikali ġdid tuża kampjun sonoru (sample) meħud minn fonogramma li jkun jista’ jiġi identifikat meta jinstema’ dan ix-xogħol il-ġdid, l-użu ta’ dan il-kampjun sonoru jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jikkostitwixxi “kwotazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 tal-Karta, kemm-il darba l-imsemmi użu jkollu l-għan li jinteraġixxi max-xogħol li minnu jkun ittieħed il-kampjun, fis-sens tal-punt 71 ta’ din is-sentenza, u kemm-il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 5(3)(d).

73      B’dan premess, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax ikun hemm tali interazzjoni meta ma jkunx possibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

 Fuq il-ħames domanda

75      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-ħames domanda taqa’ b’mod partikolari fil-kuntest tal-applikazzjoni mill-qorti tar-rinviju, bil-għan li tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll tal-Artikolu 9(1)(b) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115.

76      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jħallux lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom, sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu direttiva tal-Unjoni ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu evalwati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mil-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja iżda għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni meta din id-direttiva ma tħalli lill-Istati Membri ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha.

77      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għar-raba’ domanda, għandu jitqies li, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni sħiħa.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jolqot l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59).

79      Fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jiġi osservat li, peress li t-traspożizzjoni ta’ direttiva mill-Istati Membri taqa’ fi kwalunkwe każ fis-sitwazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 51 tal-Karta, fejn l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali previst fil-Karta għandu jintlaħaq meta ssir tali traspożizzjoni, irrispettivament mill-marġni ta’ diskrezzjoni li jkollhom l-Istati Membri fil-kuntest ta’ din it-traspożizzjoni.

80      B’dan premess, meta, f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni tal-Istati Membri ma tkunx iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni jew miżura nazzjonali timplimenta dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jibqa’ possibbli għall-awtoritajiet u għall-qrati nazzjonali li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni la tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ma tikkomprometti s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29).

81      B’hekk, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li din l-applikazzjoni tiddependi mill-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva “jħallu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali”, bil-kundizzjoni li dan il-fatt jinftiehem li jirreferi għal-livell ta’ armonizzazzjoni magħmul mill-imsemmija dispożizzjonijiet, u bil-kundizzjoni li tali applikazzjoni tkun possibbli biss sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlux armonizzazzjoni sħiħa.

82      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-għan tad-Direttiva 2001/29 huwa li tarmonizza biss ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, u li diversi dispożizzjonijiet tagħha juru, barra minn hekk, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 57).

83      Fir-rigward tad-dritt esklużiv tad-detenturi, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza tfakkar li skont din id-dispożizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt esklużiv għall-produtturi ta’ fonogrammi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-“riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti” tal-fonogrammi tagħhom.

84      B’hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi, b’mod inekwivoku, id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-produtturi ta’ fonogrammi fl-Unjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma hija marbuta ma’ ebda kundizzjoni u lanqas ma hija suġġetta, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha jew tal-effetti tagħha, għall-intervent ta’ xi tip ta’ att, ikun liema jkun.

85      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-kontenut materjali tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 39, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 43).

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-kontenut materjali tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandu, fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti minn din id-dispożizzjoni lill-produttur ta’ fonogrammi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tal-fonogramma tiegħu jippermettilu joġġezzjona għall-użu minn terz ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, meħud mill-fonogramma tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra, sakemm dan il-kampjun ma jkunx inkluż f’din il-fonogramma l-oħra f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’.

2)      L-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li fonogramma li tinkludi kampjuni mużikali ttrasferiti minn fonogramma oħra ma tikkostitwixxix “kopja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ din il-fonogramma meta ma tirriproduċix it-totalità jew parti sostanzjali ta’ din l-istess fonogramma.

3)      Stat Membru ma jistax jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għajr dawk previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

4)      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

5)      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-kontenut materjali tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.