Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Pelham GmbH, Moses Pelham, Martin Haas vs Ralf Hütter, Florian Schneider-Esleben

(Kawża C-476/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Teħid ta’ kampjuni (sampling) – Artikolu 2(ċ) – Produttur ta’ fonogrammi – Dritt ta’ riproduzzjoni – Riproduzzjoni ‘ta’ parti’ – Artikolu 5(2) u (3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Artikolu 5(3)(d) – Kwotazzjonijiet – Direttiva 2006/115/KE– Artikolu 9(1)(b) – Dritt ta’ distribuzzjoni – Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 13 – Libertà tal-arti)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pelham GmbH, Moses Pelham, Martin Haas

Konvenuti: Ralf Hütter, Florian Schneider-Esleben

Dispożittiv

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandu, fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti minn din id-dispożizzjoni lill-produttur ta’ fonogrammi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tal-fonogramma tiegħu jippermettilu joġġezzjona għall-użu minn terz ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, meħud mill-fonogramma tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra, sakemm dan il-kampjun ma jkunx inkluż f’din il-fonogramma l-oħra f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’.

L-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li fonogramma li tinkludi kampjuni mużikali ttrasferiti minn fonogramma oħra ma tikkostitwixxix “kopja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ din il-fonogramma meta ma tirriproduċix it-totalità jew parti sostanzjali ta’ din l-istess fonogramma.

Stat Membru ma jistax jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tal-produttur ta’ fonogrammi, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għajr dawk previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-kontenut materjali tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni.

____________

1     ĠU C 347, 16.10.2017.