Language of document : ECLI:EU:C:2019:624

Kawża C476/17

Pelham GmbH et

vs

Ralf Hütter u Florian SchneiderEsleben

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Teħid ta’ kampjuni (sampling) – Artikolu 2(ċ) – Produttur ta’ fonogrammi – Dritt ta’ riproduzzjoni – Riproduzzjoni ‘ta’ parti’ – Artikolu 5(2) u (3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Artikolu 5(3)(d) – Kwotazzjonijiet – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 9(1)(b) – Dritt ta’ distribuzzjoni – Drittijiet fundamentali – Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 13 – Libertà tal-arti”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Portata – Użu minn terz ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, meħud minn fonogramma għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra – Inklużjoni – Eċċezzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 2(ċ))

(ara l-punti 27, 34, 35, 37 sa 39, u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2006/115 – Dritt ta’ distribuzzjoni – Kopja – Kunċett – Fonogramma li tinkludi kampjuni mużikali ttrasferiti minn fonogramma oħra – Esklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 9(1)(b))

(ara l-punti 47, 51, 52, 54, 55, u d-dispożittiv 2)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Eċċezzjoni jew limitazzjoni għajr dawk previsti fid-Direttiva – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2(ċ) u 5)

(ara l-punti 58, 65, u d-dispożittiv 3)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kunċett ta’ kwotazzjonijiet – Sitwazzjoni fejn ikun impossibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(d))

(ara l-punti 72, 74, u d-dispożittiv 4)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Portata – Armonizzazzjoni kompleta

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 2(ċ))

(ara l-punti 84 sa 86, u d-dispożittiv 5)

Permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, interpretat id-drittijiet esklużivi tal-produtturi ta’ fonogrammi għar-riproduzzjoni u għad-distribuzzjoni tal-fonogrammi tagħhom kif ukoll l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet, kif previsti fid-Direttivi 2001/29 (1) u 2006/115 (2), fil-kuntest tat-teħid ta’ kampjun sonoru (sampling) minn xogħol mużikali għall-finijiet li jintuża sabiex jinħoloq xogħol mużikali ġdid.

R. Hütter u F. Schneider-Esleben (iktar ’il quddiem “Hütter et”) huma membri tal-grupp mużikali “Kraftwerk”. Dan kien ippubblika, fl-1977, fonogramma li fuqha kien jinsab ix-xogħol mużikali “Metall auf Metall”. M. Pelham u M. Haas huma l-kompożituri tax-xogħol mużikali “Nur mir”, li kien jinsab fuq fonogrammi prodotti mill-kumpannija Pelham fl-1997. Hütter et sostnew li Pelham kienet ikkupjat, f’forma elettronika, kampjun (sample) ta’ madwar żewġ sekondi ta’ sekwenza ritmika mix-xogħol mużikali “Metall auf Metall” u integrat dan il-kampjun, permezz ta’ repetizzjonijiet suċċessivi, fix-xogħol mużikali “Nur mir”. Hütter et qiesu li Pelham kienet kisret id-dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur li huma detenturi tiegħu bħala produttur ta’ fonogrammi.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett osservat li r-riproduzzjoni minn utent ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, ta’ fonogramma għandha, bħala prinċipju, titqies li hija riproduzzjoni “ta’ parti” ta’ din il-fonogramma, li taqa’ taħt id-dritt esklużiv tal-produttur ta’ tali fonogramma previst fid-Direttiva 2001/29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu fakkret li d-dritt tal-proprjetà intellettwali (3), irrikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandu jiġi bbilanċjat mad-drittijiet fundamentali l-oħra ggarantiti mill-Karta, fosthom il-libertà tal-arti (4), li, sa fejn taqa’ taħt il-libertà tal-espressjoni (5), tippermetti l-parteċipazzjoni fl-iskambju pubbliku ta’ informazzjoni u ta’ ideat kulturali, politiċi u soċjali ta’ kwalunkwe tip. 

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-Karta, id-dritt esklużiv mogħti lill-produttur ta’ fonogrammi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tal-fonogramma tiegħu (6) jippermettilu joġġezzjona għall-użu minn terz ta’ kampjun sonoru, anki jekk qasir ħafna, mill-fonogramma tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ dan il-kampjun f’fonogramma oħra, sakemm dan il-kampjun ma jiġix inkluż fix-xogħol il-ġdid f’forma mibdula u li ma tingħarafx meta tinstema’.

It-tieni nett, fir-rigward ta’ dan id-dritt esklużiv, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29 jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-kontenut materjali tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li jgawdu l-produtturi ta’ fonogrammi fl-Unjoni huwa ddefinit fl-imsemmija direttiva b’mod inekwivoku, mingħajr ma huwa suġġett, barra minn hekk, għal xi kundizzjoni u mingħajr ma huwa suġġett, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tiegħu jew tal-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ xi tip ta’ att, ikun liema jkun.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt esklużiv mogħti lill-produttur ta’ fonogrammi li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-fonogrammi tiegħu, inklużi “kopji” tagħhom (7), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kopja”, użat ukoll fil-Konvenzjoni ta’ Genève (8), u li miegħu għandha tkun koerenti l-interpretazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix fonogramma li, filwaqt li tinkludi kampjuni mużikali ttrasferiti minn fonogramma oħra, ma tirriproduċix it-totalità jew parti sostanzjali ta’ din l-istess fonogramma. 

Barra minn hekk, filwaqt li indirizzat il-possibbiltà ta’ deroga mid-dritt esklużiv tal-produtturi ta’ fonogrammi għar-riproduzzjoni tal-fonogrammi tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-imsemmi dritt, għajr dawk previsti fid-Direttiva 2001/29 (9). F’dan id-dawl, hija fakkret li l-lista ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet previsti minn din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet” li jinsab fid-Direttiva 2001/29 (10), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kunċett ma jkoprix sitwazzjoni fejn ma jkunx possibbli li jiġi identifikat ix-xogħol ikkonċernat mill-kwotazzjoni inkwistjoni. Madankollu, meta l-persuna li toħloq xogħol mużikali ġdid tuża kampjun sonoru (sample) meħud minn fonogramma li jippermetti lil persuna medja tidentifika x-xogħol li minnu jkun ittieħed dan il-kampjun, l-użu ta’ dan il-kampjun sonoru jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jikkostitwixxi “kwotazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 13 tal-Karta, kemm‑il darba l-imsemmi użu jkollu l-għan li jinteraġixxi max-xogħol li minnu jkun ittieħed il-kampjun u kemm‑il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2001/29.


1      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


2      Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).


3      Artikolu 17(2) tal-Karta.


4      Artikolu 13 tal-Karta.


5      Artikolu 11 tal-Karta.


6      Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29.


7      Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115.


8      Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Produtturi ta’ Fonogrammi Kontra r-Riproduzzjoni Mhux Awtorizzata tal-Fonogrammi Tagħhom, iffirmata f’Genève fid-29 ta’ Ottubru 1971, Artikolu 1(c) u Artikolu 2.


9      Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.


10      Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29.