Language of document : ECLI:EU:T:2012:518

Kawża T-584/10

Mustafa Yilmaz

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva TEQUILA MATADOR HECHO EN MEXICO — Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali preċedenti MATADOR — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Assenza ta’ xebh tal-prodotti — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2012

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ reġistrazzjoni — Irtirar, restrizzjoni u emenda tal-applikazzjoni għal trade mark — Talba għar-restrizzjoni tal-lista ta’ prodotti jew servizzi — Modalitajiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 43(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 13)

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell — Kunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt mhux ippreżentati qabel quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade mark figurattiva TEQUILA MATADOR HECHO EN MEXICO — Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali MATADOR

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Legalità — Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Assenza ta’ rilevanza

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 43)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 59, 60)

5.      Ma jeżistix, għall-konsumatur medju Ewropew, probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja bejn, minn naħa, it-trade mark figurattiva TEQUILA MATADOR HECHO EN MEXICO, li qed issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja “Tekila li ġejja mill-Messiku, koktejls alkoħoliċi li fihom it-tekila li ġejja mill-Messiku u likuri tat-tekila li ġejja mill-Messiku” fil-klassi 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark verbali MATADOR, irreġistrata preċedentement fil-Ġermanja u wara bħala trade mark internazzjonali li tipproduċi l-effetti tagħha f’numru ta’ pajjiżi Ewropej għal “Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex jiġi magħmul ix-xorb” fil-klassi 32 fis-sens tal-imsemmi ftehim.

Jekk jittieħed kont tal-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tal-prodotti bejniethom, kif kienu ġew eżaminati fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Coca-Cola vs UASI – San Polo (MEZZOPANE), T‑175/06, il-birra u l-inbid għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma jixxiebhux, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

Id-differenzi li jeżistu bejn il-prodotti li għandhom jiġu pparagunati f’dan il-każ, għall-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tagħhom, huma ferm iktar aċċentwati u importanti minn dawk, li jeżistu bejn il-birra u l-inbid, identifikati mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, b’tali mod li dawn id-differenzi jagħmlu iktar improbabbli l-fatt li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-istess impriża tipproduċi u tikkummerċjalizza simultanjament iż-żewġ tipi ta’ xorb.

B’mod partikolari, jekk il-prodotti li għandhom jiġu pparagunati f’dan il-każ jappartjenu għall-istess kategorija ġenerali ta’ xorb, u iktar speċifikament għal dik tax-xorb alkoħoliku, huma jvarjaw minn xulxin b’mod partikolari minħabba l-ingredjenti bażiċi tagħhom, il-metodu ta’ produzzjoni tagħhom, il-kulur tagħhom, ir-riħa tagħhom u t-togħma tagħhom, b’mod li huma pperċepiti mill-konsumatur rilevanti bħala li huma ta’ karattru differenti. Dawn il-prodotti ma humiex normalment esposti fl-istess xkafef, fil-parti tas-supermarkits u punti oħra ta’ bejgħ allokati għax-xorb. Inkwantu għall-użu tagħhom, differenza importanti li tikkaratterizzahom hija li l-birra taqta’ l-għatx, li ma huwiex normalment il-każ tax-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Jekk, fil-fatt, dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkonsmati fl-istess postijiet u ċirkustanzi u jissodisfaw l-istess bżonn, jiġifieri l-iggostar ta’ xarba waqt l-ikel jew bħala aperittiv, xorta jibqa’ l-fatt li ma jappartjenux għall-istess familja ta’ xorb alkoħoliku u li l-konsumatur jipperċepihom bħala żewġ prodotti distinti, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward tal-birra u tal-inbid, fil-punt 66 tas-sentenza MEZZOPANE.

L-eżistenza ta’ koktejls alkoħoliċi li jħalltu l-birra ma’ alkoħol ieħor, b’mod partikolari t-tequila, ma tħassarx id-differenzi bejn dawn il-prodotti rrilevati iktar ’il fuq, peress li din iċ-ċirkustanza tapplika għal ħafna xorb li għaldaqstant ma humiex simili.

Din l-istess ċirkustanza lanqas ma tagħmel il-prodotti inkwistjoni kumplimentari, għar-raġunijiet esposti fil-punt 67 tas-sentenza MEZZOPANE. Fil-fatt, il-prodotti kumplimentari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor. F’dan il-każ, ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwa la indispensabbli u lanqas importanti għall-użu tal-birra u viċeversa. Ma jeżisti wkoll ebda element fil-proċess li jippermetti li jiġi konkluż li x-xerrej ta’ wieħed minn dawn il-prodotti ser jasal b’mod iktar partikolari sabiex jixtri l-ieħor.

F’dak li jirrigwarda l-karattru kompetittiv tal-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan huwa b’mod aċċentwat iktar baxx minn dak irrilevat, fir-rigward tal-birra u tal-inbid, fil-punt 68 tas-sentenza MEZZOPANE. Fil-fatt, ir-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali ta’ ċerta relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-inbid u l-birra, fil-punt 68 tas-sentenza MEZZOPANE, kien ibbażat fuq iċ-ċirkustanza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar oqsma oħra li ma humiex dawk tat-trade mark Komunitarja, l-inbid u l-birra kienu, sa ċertu punt, ta’ natura li jissodisfaw bżonnijiet identiċi, b’tali mod li kellu jiġi aċċettat li kien jeżisti bejniethom ċertu livell ta’ sostituzzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, li fid-dawl tad-differenzi kbar fil-kwalità u, għaldaqstant, fil-prezz, li jeżistu bejn l-inbejjed, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni determinanti bejn il-birra, xarba popolari kkonsmata f’ammonti kbar, u l-inbid kellha tiġi stabbilita mal-inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku wiesa’, jiġifieri mal-inbejjed li huma, ġeneralment, l-eħfef u l-irħas. Issa, ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa, ġeneralment, b’mod aċċentwat eħfef u b’mod sinjifikattiv iktar għali mill-“inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku wiesa’” sabiex l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata għal din il-kawża.

(ara l-punti 49, 51, 54-57)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni

(ara l-punti 61, 62)