Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Diċembru 2010 - Interspeed vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-587/10)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Interspeed Holding Kompanija, A.D. (Belgrad, ir-Repubblika Serba) (rappreżentant: Marko Bošnjak, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti għal-lucrum cessans, għat-telf ta' qligħ u għat-tnaqqis fil-valur tal-assi tagħha għall-ammont totali ta' EUR 131 879 601, flimkien mas-somom anċillari, ikkostitwiti mill-interessi moratorji fuq il-kumpens mitlub, mid-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors sad-data tal-ħlas effettiv;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Pezz ta' dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 256 u 268 TFUE, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens għal-lucrum cessans, għat-telf ta' qliegħ u għat-tnaqqis fil-valur tal-assi tar-rikorrenti għall-ammont totali ta' EUR 131 879 601, flimkien mas-somom anċillari, ikkostitwiti mill-interessi moratorji fuq il-kumpens mitlub, mid-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors sad-data tal-ħlas effettiv, ikkalkolati bir-rata ta' interess applikabbli fil-perijodu rilevanti mill-Bank Ċentrali Ewropew, għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament, b'żieda ta' żewġ punti perċentwali, flimkien mal-ispejjeż tal-avukat u l-ispejjeż ġudizzjarji l-oħra sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta' din il-kawża.

Fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tilqax ir-rikors tar-rikorrenti, din tal-aħħar titlob, fir-rigward tal-ispejjeż, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li kull parti tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti sssotni li l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (iktar 'ilquddiem l-"EAR") wettqet aġir illeċitu, inkwantu:

fid-19 ta' Diċembru 2006 wettqet sejħa għal offerti;

fit-22 ta' Diċembru ppubblikat avviż għall-għażla tal-applikant li kien ser iwettaq ix-xogħlijiet fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo;

fl-10 ta' Mejju 2007 ikkonkludiet il-kuntratt għat-twettiq ta' xogħlijiet fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo Nru 04SERO 1105004;

ħallset għad-diżinn tar-rikostruzzjoni ta' fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo;

għażlet u ħallset lill-applikant magħżul Putevi Užice A..D.;

għażlet u nnominat lill-korp ta' kontroll E GIS BCEOM International s.a. fir-rigward tat-twettiq tax-xogħlijiet ta' rikostruzzjoni u ħallset is-somma ta' EUR 180 850 għas-servizz ta' kontroll, abbażi tal-kuntratt ta' rikostruzzjoni u ta' kontroll Nru 06SERO 1102/008-1713 81 konkluż fis-16 ta' Diċembru 2008 u tal-kuntratt Nru 04SERO 1105/00 1-162954 konkluż fl-24 ta' Settembru 2004, ta' valur kuntrattwali totali ta' EUR 606 276.39;

xtrat l-għodda necessarja għal fejn tinqasam il-fruntiera (containers, żbarri u affarijiet simili);

ħadet sehem bħala investitur fir-rikostruzzjoni, ikkoordinat b'mod dirett, u segwiet l-investiment tagħha permezz tal-uffiċċju tagħha f'Belgrad.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, permezz tal-aġir imsemmi iktar 'ilfuq, l-EAR interferiet illegalment fl-aspettativi leġittimi u fid-drittijiet legalment protetti li r-rikorrenti setgħet teżerċita sat-tmiem ta' Diċembru 2007 (fir-rigward tal-punt tal-bejgħ) jew sas-7 ta' Mejju 2009 (fir-rigward tad-drittijiet tagħha fil-kuntest tat-terminal doganali tal-merkanzija). Tali għoti ta' kuntratt u tali drittijiet huma espressi fid-dritt ta' protezzjoni tal-proprjeta, li jirrapreżenta wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti, inter alia, mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tal-EAR imsemmi iktar 'il fuq jikkostitwixxi ksur serju u manifest tal-prinċipji giuridici ġenerali li, fil-kawża preżenti, huma essenzjalment il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, id-dritt għall-protezzjoni tal-proprjeta, il-prinċipju ta' proporzionalità u l-prinċipju ta' trasparenza. In-natura manifestament serja tal-ksur hija evidenti, inter alia, mid-dannu subit mir-rikorrenti.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tal-EAR ikkawża dannu patrimoniali fir-rigward ta':

lucrum cessans minħabba l-impossibbiltà li jiġi pperċepit id-dħul mill-attività tat-terminal doganali tal-merkanzija, li ammonta għal EUR 56 838 141;

lucrum cessans minħabba l-impossibbiltà li jiġi pperċepit id-dħul mill-attività tal-punt ta' bejgħ, fiż-żona fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo, li ammonta għal EUR 46 800 000;

telf ta' qligħ minħabba l-impossibbiltà li tinġabar ir-renta u d-dħul l-ieħor ġej miċ-ċentru kummerċjali li jinsab eżatt fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo, li ammonta għal EUR 42 681 600.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dannu subit ġie kkawżat mingħajr dubju mill-attività ta' "rikostruzzjoni" fiż-żona fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo, li ġiet iddisinjata u mibdija mill-EAR.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-EAR kellha konoxxenza sħiħa tal-fatt li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tad-drittijiet imsemmija iktar 'il fuq, fiż-żona fejn tinqasam il-fruntiera ta' Preševo u li, għaldaqstant, kisret deliberatament id-drittijiet tar-rikorrenti.

____________