Language of document : ECLI:EU:C:2013:323

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2013 (1)

Kawża C‑234/12

Sky Italia s.r.l.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio, l-Italja]

“Direttiva 2010/13/UE — Servizzi ta’ xandir awdjoviżivi — Limitu tal-ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv — Leġiżlazzjoni nazzjonali iktar stretta għal xandir bi ħlas milli għal xandir bla ħlas — Prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE — Libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew — Libertà u pluraliżmu tax-xandir”





I –    Introduzzjoni

1.        Ir-reklamar huwa xi ftit jew wisq komuni fuq ix-xandir televiżiv Ewropew. Dan ir-reklamar televiżiv, li huwa ġeneralment meqjus mill-udjenza bħala interruzzjoni skomda tax-xandir, ilu li sar fattur ekonomiku li ma għandux jiġi sottovalutat u li jirrappreżenta sors ta’ qligħ lix-xandara tat-televiżjoni. Għaldaqstant, ma huwiex sorprendenti li dan kien is-suġġett ta’ diversi kwistjonijiet legali.

2.        Sabiex jipproteġi l-interessi tal-udjenza u sabiex joħloq l-istess kundizzjonijiet sa fejn possibbli għax-xandara tat-televiżjoni stabbiliti fl-Ewropa, id-dritt tal-UE jippreskrivi ħin massimu ta’ trażmissjoni ta’ 20 % ta’ siegħa partikolari għar-reklamar televiżiv. Din id-dispożizzjoni hija inkluża fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva (Direttiva 2010/13/UE (2)), li ssostitwixxiet d-Direttiva l-qadima “Televiżjoni mingħajr fruntieri” (Direttiva 89/552/KEE) (3).

3.        Regoli nazzjonali dwar ir-reklamar televiżiv iktar stretti huma biss permessi jekk jikkonformaw mal-limiti stabbiliti fid-dritt tal-UE. L-Italja użat din il-possibbiltà billi imponiet ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas u fuq xandara tat-televiżjoni bla ħlas. Għalhekk, fl-2011, massimu ta’ 14 % ta’ siegħa partikolari seta’ jinkludi reklamar fuq xandir bi ħlas Taljan, filwaqt li ċ-ċifra kienet ta’ 18 % fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas.

4.        Meta wieħed mill-istazzjonijiet ta’ xandir bi ħlas ta’ Sky Italia ttrażmetta iktar reklamar televiżiv minn dak permess skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti imponiet multa fuq din il-kumpannija. Sky Italia ressqet kawża kontra din l-awtorità u ssostni b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni Taljana hija inkompatibbli mad-dritt tal-UE. Reti Televisive Italiane (RTI), li tappartjeni lil grupp Mediaset u li hija l-ikbar xandara tat-televiżjoni bla ħlas fl-Italja, qiegħda wkoll tipparteċipa fil-proċeduri.

5.        Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dritt tal-UE u dwar jekk jistgħux jiksru l-libertà u l-pluraliżmu tax-xandir.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE li tirreferi għaliha din il-kawża hija d-Direttiva 2010/13, Kapitolu VII “Reklamar televiżiv u teleshopping” li jinkludi s-segwenti Artikolu 23(1):

“Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ teleshopping televiżiv f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %.”

7.        Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1), li huwa parti mill-Kapitolu II “Dispożizzjonijiet Ġenerali” tad-Direttiva 2010/13 huwa wkoll rilevanti:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”

8.        Għandu jsir riferiment għall-premessi 8, 10, 41, 83 u 87 tal-preambolu tad-Direttiva 2010/13, li jipprovdu kif ġej:

“[…]

(8)      Huwa essenzjali għall-Istati Membri li jassiguraw il-prevenzjoni ta’ kull att li jista’ jkun ta’ detriment għal-libertà tal-moviment u l-kummerċ fi programmi tat-televiżjoni jew li jistgħu jippromwovu l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu u l-libertà tal-informazzjoni bit-televiżjoni u tas-settur tal-informazzjoni kollu kemm hu.

[…]

(10)      […] Filwaqt li jinżamm preżenti l-importanza ta’ parità u suq veru Ewropew għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, il-prinċipji bażiċi tas-suq intern, bħall-kompetizzjoni libera u t-trattament ugwali, għandhom jiġu rrispettati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà fis-swieq għas-servizzi tal-media awdjoviżiva u sabiex jinkisbu ostakli baxxi għad-dħul.

[…]

(41)      L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva għall-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw li dawk ir-regoli huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. […]

[…]

(83)      Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, huwa essenzjali li r-reklamar fuq it-televizjoni jkun soġġett għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi u li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti u f’ċerti ċirkostanzi li jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

[…]

(87)      Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ 20 % ta’ spots ta’ reklamar u spots ta’ teleshopping fuq it-televiżjoni għal kull siegħa bl-arloġġ kif ukoll matul l-aqwa ħin. […]

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        Il-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti hija d-Digriet Leġiżlattiv (4) tal-President tar-Repubblika Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem: id-Digriet Leġiżlattiv 177/2005) li jikkonsolida d-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi awdjoviżivi u s-servizzi tar-radju (5), li l-Artikolu 38 tiegħu (“ħin massimu ta’ trażmissjoni”) ġie rivedut b’effett mit-30 ta’ Marzu 2010 (6) u sa minn dakinhar, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“(1)      It-trażmissjoni ta’ reklami mill-proprjetarju tal-konċessjoni tas-servizz tax-xandir pubbliku ġenerali ma tistax teċċedi l-4 % ta’ programmazzjoni fil-ġimgħa u t-12 % ta’ kull siegħa; kull reklamar li jeċċedi dawn iċ-ċifri, b’massimu ta’ 2 % f’kull siegħa, għandu jiġi paċut bi tnaqqis fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti.

(2)      It-trażmissjoni ta’ reklami minn xandara ta’ programmi bla ħlas, inklużi xandara analogi, fuq livell nazzjonali, għajr il-proprjetarju tal-konċessjoni tas-servizz tax-xandir pubbliku ġenerali, ma għandhiex teċċedi l-15 % tal-ħin ta’ programmi kuljum u t-18 % ta’ siegħa partikolari; kwalunkwe reklamar li jeċċedi dawn iċ-ċifri, b’massimu ta’ 2 % f’kull siegħa, għandu jiġi paċut bi tnaqqis fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti. […]

[…]

(5)      It-trażmissjoni ta’ reklami mix-xandara ta’ programmi bi ħlas, inklużi xandara analogi, ma tistax, għas-snin 2010, 2011 u 2012, teċċedi s-16 %, l-14 % u t-12 % rispettivament, ta’ siegħa partikolari; kwalunkwe reklamar li jeċċedi dawn iċ-ċifri, b’massimu ta’ 2 % f’kull siegħa, għandu jiġi paċut bi tnaqqis fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti.

[…]”

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

10.      Bid-Deċiżjoni Nru 233/11/CSP tat-13 ta’ Settembru 2011 l-awtorità Taljana, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM) (7), imponiet multa ta’ EUR 10 329 fuq ix-xandara Sky Italia s.r.l. minħabba ksur tal-ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv (8).

11.      Skont il-konstatazzjonijiet ta’ AGCOM, bejn id-9:00 ta’ filgħaxija u l-10:00 ta’ filgħaxija fil-5 ta’ Marzu 2011, Sky Italia ttrażmettiet reklami televiżivi fuq l-istazzjon bi ħlas tagħha Sky Sport 1, li kienu jammontaw għal 10 minuti u 4 sekondi, jiġifieri iktar minn 16 % tal-ħin tal-programmi fis-siegħa. Konsegwentement, matul dan il-perijodu, il-ħin massimu ta’ trażmissjoni permess għar-reklamar televiżiv, li matul dak iż-żmien, skont l-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005, kien ta’ 14 % ta’ siegħa partikolari, inqabeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali.

12.      Sky Italia ressqet kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (9). Sky Italia essenzjalment issostni li d-deċiżjoni hija illegali peress li l-bażi legali tagħha, fil-forma tal-Artikolu 38(5) tad-Digriet Legiżlattiv 177/2005 tmur kontra d-dritt tal-UE (10).

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      It-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (11) għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-bażi legali nazzjonali mad-dritt tal-UE. B’digriet tas-7 ta’ Marzu 2012, hija ssospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ deċiżjoni preliminari:

1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/13/UE, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u r-regoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-moviment liberu tas-servizzi, tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, li jimponi limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar fil-konfront ta’ xandara bi ħlas meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-konfront ta’ xandara mingħajr ħlas?

2)      L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-pluraliżmu, jipprekludi d-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 li jimponi limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar fil-konfront ta’ xandara bi ħlas meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-konfront ta’ xandara mingħajr ħlas, billi jintroduċu distorsjoni tal-kompetizzjoni u billi jiffavorixxu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq tar-reklamar televiżiv?

14.      Sky Italia, RTI, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ssottomew osservazzjonijiet bil-miktub u ppreżentaw argument orali fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-seduta nżammet fl-10 ta’ April 2013.

V –    Kunsiderazzjonijiet

15.      Iż-żewġ domandi magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regoniale per il Lazio huma intiżi li jistaqsu jekk id-dritt tal-UE jipprekludix l-Istati Membri milli jipprovdu ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fid-dritt nazzjonali tagħhom, li jiddependi fuq jekk dan ir-reklamar huwiex trażmess fuq xandir bi ħlas jew fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas (12). Filwaqt li l-ewwel domanda teżamina l-problema mill-perspettiva tal-ugwaljanza fit-trattament tax-xandara tat-televiżjoni u b’riferiment għad-drittijiet fundamentali tas-suq intern Ewropew, it-tieni domanda tiffoka fuq l-aspett tal-libertà u tal-pluraliżmu tax-xandir.

16.      Fil-kuntest taż-żewġ domandi, ser nillimita l-analiżi tiegħi għar-relazzjoni bejn ix-xandara tat-televiżjoni bi ħlas u x-xandara tat-televiżjoni bla ħlas. Din is-sitwazzjoni speċifika tax-xandara pubbliċi hija irrilevanti għall-finijiet ta’ risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti.

A –    L-ewwel domanda

17.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv, kif ipprovdut fid-dritt Taljan, humiex kompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/13, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mal-libertajiet fundamentali differenti tas-suq intern Ewropew.

1.      Ammissibbiltà

18.      RTI tesprimi dubji fir-rigward ta’ żewġ aspetti relatati mal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda.

19.      Qabelxejn, fil-fehma ta’ RTI, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tar-regola Taljana kkontestata mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/13 u mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE ma tistax tqum a priori peress, bl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005, l-Italja sempliċement użat il-possibbiltà tagħha li tadotta regoli nazzjonali iktar stretti dwar reklamar televiżiv. F’dan ir-rigward, RTI tirreferi għall-“possibbiltà ta’ diskrezzjoni” li aġixxa biha l-Istat Taljan.

20.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 jiddefinixxi l-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dritt tal-UE jagħti lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jadotta regoli nazzjonali iktar stretti. Jekk, kif inhu l-każ hawnhekk, qorti nazzjonali tikkunsidra li għandha tiddeċiedi dwar jekk id-dritt nazzjonali jissodisfax il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 jew jeċċedix dawn il-limiti, jista’ jsir rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva.

21.      Bl-istess mod, jistgħu jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE.

22.      Dan jidher ċar mill-kliem stess tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri stretti nazzjonali biss “sakemm tali regoli jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni”. Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE li għandha tissodisfa l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 jinkludu, minbarra d-drittijiet fundamentali tas-suq intern Ewropew (13), il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (14), u mhux b’inqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (15).

23.      Id-determinazzjoni tal-ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv hija wkoll parti mill-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-Direttiva 2010/13 teħtieġ li l-Istati Membri jippreskrivu ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni fil-kuntest stabbiliti mid-dritt tal-UE sa 20 % ta’ siegħa partikolari. Jekk leġiżlatur nazzjonali jieħu miżuri sabiex jimplementa dan l-obbligu, kif ġara fid-dritt Taljan bl-14 % tal-ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar fuq xandir bi ħlas (għall-2011), huwa għandu jikkonforma mad-drittijiet fundamentali tal-UE, inkluż mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE.

24.      It-tieni nett, RTI tilmenta li l-qorti tar-rinviju ma sostniex b’mod suffiċjenti l-ewwel domanda tagħha dwar il-ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali tas-suq intern Ewropew.

25.      Madankollu, din l-oġġezzjoni hija infondata. RTI hija korretta meta ssostni li l-osservazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali fid-digriet tar-rinviju huma qosra ħafna. Madankollu, huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-raġunijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali huma l-istess għall-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ma hijiex kwistjoni ta’ ammissibbiltà tad-domanda għal deċiżjoni preliminari jekk dan huwiex minnu, iżda din tikkonċerna l-evalwazzjoni sostantiva tad-domanda magħmula.

26.      B’mod ġenerali, l-ewwel domanda hija għalhekk ammissibbli.

2.      Evalwazzjoni sostantiva

27.      Skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, il-perċentwali tar-reklamar televiżiv f’siegħa partikolari ma għandux jeċċedi l-20 %. Il-premessa 87 fil-preambolu tad-Direttiva tistabbilixxi b’mod ċar li dan il-limitu japplika wkoll matul “l-aqwa ħin”. Dan huwa intiż li jistabbilixxi protezzjoni bbilanċjata tal-interessi finanzjarji tax-xandara tat-televiżjoni u ta’ min jirreklama fuq it-televiżjoni, fuq naħa, u l-interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet, b’mod partikolari kittieba u produtturi, u naturalment konsumaturi bħala telespettaturi, fuq in-naħa l-oħra (16).

28.      Huwa wkoll ċar mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, li l-Istati Membri jistgħu jużaw ħin inqas mill-ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv billi jirrikjedu li l-fornituri tax-xandir taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jittrażmettu inqas minn 20 % ta’ reklamar televiżiv fis-siegħa.

29.      Kuntrarjament għal fehma ta’ Sky Italia, l-Artikolu 4(1) ma huwiex eċċezzjoni li għandu jingħata interpretazzjoni stretta, iżda dispożizzjoni ġenerali li hija karatteristika tad-Direttiva 2010/13 inġenerali, kif stabbilit mill-fatt li huwa stabbilit fil-Kapitolu II tad-direttiva (“Dispożizzjonijiet Ġenerali”). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 jirrifletti l-fatt li l-leġiżlazzjoni tas-servizzi ta’ xandir awdjoviżivi huwa biss ta’ natura ta’ armonizzazzjoni minima (17). Dan huwa kkonfermat ukoll mill-preambolu tad-Direttiva 2010/13, b’mod partikolari mill-premessi 41 u 83.

30.      Kuntrarjament għall-fehma ta’ Sky Italia, ma huwiex possibbli li mid-Direttiva 2010/13 tinsilet projbizzjoni ġenerali ta’ regoli nazzjonali b’livelli differenti ta’ ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv li jiddistingwu bejn kategoriji differenti ta’ xandara tat-televiżjoni. Għaldaqsant, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jippermetti espressament lill-Istati Membri jadottaw mhux biss regoli iktar stretti, iżda wkoll iktar iddettaljati għal fornituri ta’ servizzi ta’ xandir fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Dan jidher b’mod iktar ċar fil-premessa 83 tal-preambolu tad-Direttiva, li hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) li jipprovdi li, fir-rigward b’mod speċifiku tar-reklamar televiżiv, l-Istati Membri għandhom “f’ċerti ċirkostanzi […] jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom” (18).

31.      F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi preżunt li d-Direttiva 2010/13 tipprekludi kategorikament ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv skont it-tip ta’ xandar tat-televiżjoni.

32.      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, regola bħad-dispożizzjoni Taljana tal-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005, tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni ieħor, kif preskritt espressament bl-aħħar klawżola tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tar-regola Taljana mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE [ara immedjatament iktar ’il quddiem, sezzjoni (a)] u d-diversi drittijiet fundamentali tas-suq intern [ara iktar ’il quddiem, sezzjoni (b)].

a)      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE

33.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (19) u għalhekk igawdi l-istatus ta’ dritt fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, għajr jekk dan it-trattament ikun iġġustifikat oġġettivament (20).

35.      Għal dan il-għan, l-elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjonijiet differenti kif ukoll il-paragunabbiltà tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (21). Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li tifforma parti minnu d-dispożizzjoni inkwistjoni (22).

36.      Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005, jekk l-inugwaljanza fit-trattament ta’ xandara tat-televiżjoni bi ħlas u ta’ xandara tat-televiżjoni bla ħlas mil-leġiżlatur Taljan fir-rigward tal-ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv hijiex ibbażata fuq differenzi bejn ix-xandara u x-xandir televiżiv tagħhom, jew, fil-każ li dan ma jkunx minnu, jekk hemmx ġustifikazzjoni oġġettiva għal din l-inugwaljanza fit-trattament.

37.      Sa fejn huwa prevedibbli, id-Digriet Leġiżlattiv 177/2005 ma jagħmilx, fih innifsu, osservazzjoni ċara dwar l-għanijiet mixtieqa mill-Artikolu 38. Madankollu, indikazzjonijiet tal-għanijiet segwiti jistgħu jinsiltu mill-kuntest li fih ġiet adottata r-regola (23).

38.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005 għandu żewġ għanijiet konċepibbli: l-ewwel nett, il-protezzjoni tal-konsumaturi [ara immedjatament iktar ’il quddiem, is-sezzjoni (i)], li tiffoka fuqha b’mod partikolari AGCOM fid-deċiżjoni kkontestata, u t-tieni nett, trattament iktar favorevoli ta’ xandara tat-televiżjoni bla ħlas meta pparagunati ma’ xandara tat-televiżjoni bi ħlas [ara iktar ’il quddiem, sezzjoni (ii)]. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat fir-rigward taż-żewġ aspetti jekk ix-xandara tat-televiżjoni bi ħlas u xandara tat-televiżjoni bla ħlas humiex f’sitwazzjoni paragunabbli u jekk l-inugwaljanza fit-trattament tagħhom skont regola bħal dik tad-dispożizzjoni Taljana tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE.

i)      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur

39.      Il-protezzjoni tal-konsumaturi, bħala telespettaturi, minn reklamar eċċessiv hija aspett essenzjali tal-għan tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva, kif kienet qabel tad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” (24).

40.      Kif sostnew b’mod korrett il-Gvern Taljan u RTI, il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-konsumaturi minn naħa, u xandara u min jirreklama, min-naħa l-oħra, huwa differenti fuq xandir bi ħlas meta mqabbel ma’ xandir tat-televiżjoni bla ħlas. Bħala regola, stazzjonijiet televiżivi bi ħlas joffru lit-telespettaturi programmi speċifiċi, b’mod partikolari ċertu films, programmi ta’ divertiment u xandir ta’ avvenimenti sportivi, li ma humiex disponibbli, jew ma humiex disponibbli bl-istess mod, fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas. It-telespettatur ikun diġà ħallas somma kuntrattwali sabiex jirċievi dawn l-istazzjonijiet bi ħlas bħala parti mill-kuntratt individwali max-xandar tat-televiżjoni inkwistjoni. Għalhekk, it-telespettatur jista’ raġonevolment jistenna li jkun hemm ħafna inqas reklamar fuq xandir bi ħlas milli fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas, li fir-rigward tiegħu huwa ma jħallasx somma separata u li s-sors predominanti, jew saħansitra esklużiv, ta’ finanzjament tiegħu, huwa r-reklamar.

41.      Dan l-għan differenti bejn ix-xandir bi ħlas u x-xandir tat-televiżjoni bla ħlas jista’ leġittimament jintuża bħala bażi fid-dritt nazzjonali għal regoli differenti ta’ ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv.

42.      Sky Italia u l-Kummissjoni joġġezzjonaw li ma hemmx bżonn għal protezzjoni speċjali kontra reklamar eċċessiv għal xandara ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni bi ħlas. Fil-fehma tal-Kummissjoni, jekk it-telespettaturi inkwistjoni jiddejqu bir-reklamar trażmess fuq televiżjonijiet bi ħlas, huma jistgħu jipproteġu l-interessi tagħhom b’mod xieraq billi ma jidħlux f’kuntratti ma’ xandar ta’ programmi bi ħlas jew billi jtemmu relazzjoni kuntrattwali eżistenti.

43.      Madankollu, tali oġġezzjoni ma hijiex ammissibbli fil-kuntest preżenti. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk u sa fejn jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-interazzjoni sempliċi tal-offerta u tad-domanda jew, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur, jadottaw miżuri addizzjonali li jmorru lil hinn mill-armonizzazzjoni minima tad-Direttiva 2010/13. Huwa l-Istat Membru nnifsu li għandu jevalwa l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fit-territorju tiegħu, filwaqt li dan il-livell ta’ protezzjoni jista’ naturalment ivarja minn Stat Membru għal ieħor (25).

44.      Jekk Stat Membru jiddeċiedi, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, li jadotta ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni iktar stretti għar-reklamar televiżiv minn dak stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-20 % limitu sabiex jipproteġi l-konsumaturi bħala telespettaturi, dan l-Istat Membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi differenti ta’ gruppi ta’ telespettaturi individwali.

45.      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li t-telespettaturi ta’ stazzjonijiet ta’ televiżjoni bi ħlas jirrappreżentaw biss minoranza ta’ telespettaturi televiżivi. L-uniku fattur rilevanti huwa l-ħtieġa tal-protezzjoni tal-konsumaturi rispettivi bħala telespettaturi televiżivi, indipendentement minn jekk jiffurmawx grupp żgħir numerikament, minoranza jew maġġoranza.

46.      Fl-aħħar mill-aħħar, mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur, reklamar televiżiv fuq xandir bi ħlas u reklamar televiżiv fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas huma għalhekk sitwazzjonijiet differenti. Jekk japplikaw regoli differenti għal tali sitwazzjonijiet differenti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, dan ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda jkun konsistenti ma’ dan il-prinċipju.

ii)    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ trattament iktar favorevoli possibbilment mixtieq minn xandara tat-televiżjoni bla ħlas

47.      Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk hemmx inkwistjoni l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE fir-rigward tat-tieni għan possibbli tal-leġiżlazzjoni Taljana. Dan l-għan, li l-qorti tar-rinviju tispjega f’ċertu punt bħala “l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni” huwa “li jiġi żgurat li xandara tat-televiżjoni bla ħlas jirċievu qligħ ikbar mir-reklamar”.

48.      Għandu jiġi nnutat, l-ewwel nett, li l-bejgħ ta’ ħin għar-reklamar televiżiv iseħħ f’suq separat. Dan is-suq għandu jiġi distint mis-suq tal-bejgħ li fih jixxandru programmi televiżivi. Għalhekk, ma jistax jiġi awtomatikament preżunt mill-fatt li jista’ jkun hemm differenzi bejn xandara tat-televiżjoni fis-suq tal-bejgħ u l-perspettiva tat-telespettaturi (26) li tali differenzi jeżistu wkoll fuq livell preċedenti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħin ta’ reklamar televiżiv. A contrario, ma hemm ebda prova ta’ tali differenzi fil-każ preżenti, la mill-perspettiva tax-xandara tat-televiżjoni nfushom u lanqas mill-perspettiva tal-persuni li jirreklamaw.

49.      Xandara tat-televiżjoni jinsabu f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin, fil-kummerċjalizzazzjoni tal-ħin għar-reklamar televiżiv, għall-konsumaturi tar-reklamar u eventwalment għall-qligħ sabiex jiffinanzjaw il-programmi televiżivi tagħhom. Dan huwa minnu irrispettivament minn jekk ir-reklamar televiżiv huwiex is-sors esklużiv ta’ qligħ tagħhom. Għalhekk, ix-xandara tat-televiżjoni kollha jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħin ta’ reklamar televiżiv.

50.      Fir-rigward tal-persuni li jirreklamaw, bl-istess mod, ma huwiex direttament rilevanti fil-konfront tagħhom jekk ir-reklami tagħhom jiġux trażmessi fuq xandir bi ħlas jew fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas. L-iktar fattur importanti għall-konsumaturi tar-reklamar huwa l-prezz li għandhom iħallsu għall-ħin mixtri u jekk jistgħux jolqtu l-grupp intiż bir-reklamar tagħhom bl-ikbar udjenza possibbli.

51.      Konsegwentement, is-sitwazzjoni tax-xandara tat-televiżjoni hija essenzjalment paragunabbli fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħin għar-reklamar televiżiv kemm mill-perspettiva tax-xandara nfushom kif ukoll mill-perspettiva tal-persuni li jirreklamaw. L-inugwaljanza fit-trattament tagħhom mil-leġiżlatur Taljan, li tistabbilixxi ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv, għalhekk teħtieġ ġustifikazzjoni oġġettiva minn din il-perspettiva.

52.      Tali ġustifikazzjoni għall-ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni ma tinsabx biss fir-rieda tal-leġiżlatur Taljan “li jiżgura li x-xandara tat-televiżjoni bla ħlas jirċievu qligħ ikbar mir-reklamar”.

53.      Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ leġittimament jadotta miżuri ta’ sostenn favur xandara żvantaġġati sabiex jiżgura diversità fil-kontenut televiżiv, b’mod partikolari, sabiex jiżgura programmi ta’ xandara tat-televiżjoni bla ħlas ta’ kwalità għolja.

54.      Madankollu, ma jidhirx li hemm tali ħtieġa ta’ miżuri ta’ sostenn f’dan il-każ. Skont id-digriet tar-rinviju, fil-preżent ma hemmx żvantaġġ kompetittiv għal xandara tat-televiżjoni bla ħlas fl-Italja. A contrario, skont id-digriet tar-rinviju, l-ikbar fornitur indipendenti ta’ programmi bla ħlas fis-suq Taljan għar-reklamar televiżiv għandu, fi kwalunkwe każ, pożizzjoni dominanti.

55.      Jekk, skont tali ċirkustanzi, leġiżlatur nazzjonali jkollu l-intenzjoni li jiżgura li xandara tat-televiżjoni bla ħlas jirċievu qligħ ikbar mir-reklamar, dan ikun jimplika ksur tal-għanijiet fundamentali tad-Direttiva 2010/13, intiża li tiżgura kompetizzjoni libera u ugwaljanza fit-trattament bejn xandara tat-televiżjoni u li toħloq kundizzjonijiet ugwali bejn xandara tat-televiżjoni (27). Huwa inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet stabbiliti mid-dritt tal-UE li trattament favorevoli jingħata, mingħajr raġuni oġġettiva, lil ċertu grupp ta’ xandara tat-televiżjoni meta mqabbla ma’ xandara tat-televiżjoni oħra fir-rigward tal-finanzjament tagħhom minn reklamar televiżiv (28).

iii) Konklużjoni intermedjarja

56.      Kif intwera iktar ’il fuq, l-eżami ta’ regola bħad-dispożizzjoni Taljana abbażi tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE, ikollu riżultat differenti skont l-għan li hija tħaddan.

57.      Jekk il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra reklamar televiżiv eċċessiv huwa l-punt fokali, ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fuq xandir bi ħlas u fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Jekk, min-naħa l-oħra, il-punt fokali huwa r-rieda li jiġi żgurat li xandara tat-televiżjoni indipendenti jirċievu qligħ ikbar mir-reklamar u għalhekk finanzjament aħjar, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikun jipprekludi ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fuq xandir bi ħlas u fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas għal dan il-għan.

58.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina liema wieħed minn dawn iż-żewġ għanijiet leġiżlattivi jipprevali fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005 u li tislet il-konklużjonijiet neċessarji fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

b)      Il-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew

59.      Minbarra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dritt tal-UE, fl-ewwel domanda tagħha, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar diversi libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u l-libertà tal-moviment tal-kapital (Artikolu 63(1) TFUE). Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament “inevitabbilment” jimplika restrizzjoni ta’ dawn il-libertajiet fundamentali u distorsjoni tal-kompetizzjoni.

60.      Bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni tas-suq intern imsemmija iktar ’il fuq timmilita kontra kwalunkwe miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (29). Ebda tali restrizzjoni ma teżisti, madankollu, fejn l-effetti ta’ miżura huma wisq inċerti jew indiretti sabiex jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali (30).

61.      Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà tal-moviment tal-kapital, l-ewwel nett, huwa diffiċli li tiġi identifikata konnessjoni bejn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali u l-ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv kif applikat fl-Italja. Dawn il-ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fl-Italja huma inqas minn dawk applikabbli għax-xandir tat-televiżjoni bla ħlas. Madankollu, l-effetti ta’ tali differenza fil-ħin tar-reklamar, minn tal-inqas skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhru li huma wisq inċerti u indiretti sabiex jinfluwenzaw serjament deċiżjonijiet ta’ investiment minn xandara tat-televiżjoni barranin jew investituri barranin fis-suq tax-xandir Taljan. Għalhekk, ma tistax tiġi kkonstatata restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà tal-moviment tal-kapital.

62.      Min-naħa l-oħra, regolazzjoni mill-Istat tal-ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv bħal dak li japplika fl-Italja, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li tillimita l-possibbiltà li xandara tat-televiżjoni Taljani inġenerali u xandara tat-televiżjoni bi ħlas b’mod partikolari jxandru reklamar għall-benefiċċju ta’ persuni li jirreklamaw li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra (31).

63.      Hija ġurisprudenza stabbilita (32) li restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat hija biss ammissibbli meta tħaddan għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u meta tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Jekk dan ikun il-każ, ir-restrizzjoni għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija trid tilħaq u ma għandhiex teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

64.      F’dan ir-rigward, japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li ġew stabbiliti fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, kwalunkwe intenzjoni mil-leġiżlatur “li jiżgura li xandara tat-televiżjoni b’xejn jirċievu qligħ ikbar mir-reklamar”, jiġifieri kunsiderazzjoni purament ekonomika, ma tistax normalment titqies li hija għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tar-reklamar televiżiv (33). Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi bħala telespettaturi kontra reklamar eċċessiv ġiet rikonoxxuta bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (34). Hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tiddetermina liema wieħed minn dawn l-għanijiet huwa rifless f’regola bħad-dispożizzjoni Taljana.

65.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju, bħal AGCOM fid-deċiżjoni kkontestata, tikkonkludi li l-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005 huwa intiż li jipproteġi konsumaturi bħala telespettaturi kontra reklamar eċċessiv, hija jkollha teżamina jekk ir-restrizzjoni tal-ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fuq xandir bi ħlas għal 14 % ta’ siegħa partikolari, li kienet tapplika fl-2011, kinitx xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan il-għan.

66.      Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti, ma hemm xejn li juri li l-limitu kkontestat tal-ħin massimu ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fuq xandir bi ħlas ma huwiex proporzjonat fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod partikolari, il-fatt li l-ħinijiet massimi ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv fuq xandir bi ħlas u fuq xandir tat-televiżjoni bla ħlas huma differenti, ma jindikax, fih innifsu, li regola bħad-dispożizzjoni Taljana hija inkonsistenti. Kif diġà ġie diskuss (35), din id-differenza hija bbażata fuq fatturi oġġettivi.

B –    It-tieni domanda

67.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv, kif ipprovdut fid-dritt Taljan, humiex kompatibbli mal-libertà u l-pluraliżmu tax-xandir jekk huma jimplikaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti fis-suq tar-reklamar televiżiv.

1.      Ammissibbiltà

68.      Il-Kummissjoni u RTI jesprimu dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. Jiena nikkunsidra li dawn id-dubji huma ġġustifikati.

69.      Kuntrarjament għal fehma ta’ RTI, it-tieni domanda ma tistax tinċaħad abbażi tal-fatt li tikkonċerna biss id-dritt nazzjonali. Il-libertà u l-pluraliżmu tax-xandir huwa wkoll prinċipju tad-dritt tal-UE, li issa huwa stabbilit, mhux b’inqas, fl-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Bħala prinċipju, tista’ ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

70.      Madankollu, kif issostni b’mod korrett il-Kummissjoni, kull domanda għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi ammont minimu ta’ informazzjoni dwar il-fatti tal-kawża prinċipali sabiex il-partijiet fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari jkunu jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet validi u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi magħmula (36). Dan huwa speċjalment importanti fejn is-soluzzjoni tal-iżvolġiment tal-kawża prinċipali tkun l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn kumpanniji.

71.      Fil-każ inkwistjoni, id-domanda għal deċiżjoni preliminari tinkludi informazzjoni insuffiċjenti dwar is-swieq rilevanti u dwar iċ-ċirkustanzi prevalenti f’dawn is-swieq sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għat-tieni domanda.

72.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara t-tieni domanda bħala inammissibbli.

2.      Evalwazzjoni sostantiva

73.      Sussidjarjament, jiena ser nagħmel il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar it-tieni domanda.

74.      Il-prinċipju tal-libertà u tal-pluraliżmu tax-xandir, kif stabbilit fl-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa importanti ħafna f’soċjeta demokratika (37). Id-Direttiva 2010/13 tħaddan ukoll l-għan ta’ prevenzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu u l-libertà ta’ informazzjoni televiżiva (38).

75.      Fid-dawl tal-importanza tar-reklamar televiżiv għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv, ma jistax jiġi prekluż a priori li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn xandara tat-televiżjoni jekk uħud minnhom huma inqas kapaċi li jużaw dan is-sors ta’ finanzjament minn oħrajn minħabba l-ħinijiet ta’ trażmissjoni partikolari imposti fuqhom.

76.      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv effettivament jirriżultawx f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn it-tipi differenti ta’ xandara tiddependi fuq numru ta’ fatturi, mhux b’inqas fuq kemm ix-xandara tat-televiżjoni inkwistjoni jkunu dipendenti fuq ir-reklamar bħala sors ta’ finanzjament u minn liema sorsi, jekk neċessarju, huma jkunu kapaċi jiffinanzjaw ix-xandir televiżiv tagħhom.

77.      Is-sempliċi fatt li xandar tat-televiżjoni għandu pożizzjoni partikolarment b’saħħitha fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ħin ta’ reklamar televiżiv ma jimplikax, fih innifsu, li xandara tat-televiżjoni oħra ma jistgħux ikunu f’kompetizzjoni effettiva miegħu fir-rigward ta’ telespettaturi f’dak li jikkonċerna x-xandir televiżiv rispettiv tagħhom.

78.      Barra minn hekk, mhux kull bidla fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn xandara tat-televiżjoni neċessarjament tirriżulta fi ksur tal-libertà u tal-pluraliżmu tax-xandir.

79.      Madankollu, l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tirregola l-attivitajiet ta’ xandir televiżiv li jista’ joħloq distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni bejn xandara tat-televiżjoni u għalhekk joħloq riskju serju ta’ ksur tal-libertà u tal-pluraliżmu tax-xandir.

VI – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio kif ġej:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, taħt il-ħin massimu ta’ trażmissjoni ta’ 20 % ta’ siegħa partikolari, stabbilit fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13/UE għar-reklamar televiżiv ta’ xandir tat-televiżjoni bi ħlas, limiti iqsar ta’ reklamar fis-siegħa milli għar-reklamar ta’ xandir tat-televiżjoni bla ħlas hija

–        inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE u mal-Artikolu 56 TFUE sa fejn tħaddan l-għan li tiżgura li xandara tat-televiżjoni bla ħlas jirċievu iktar qligħ mir-reklamar, anki jekk huma ma għandhomx żvantaġġ kompetittiv apparenti,

–        kompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE u mal-Artikolu 56 TFUE sa fejn tħaddan l-għan, b’mod proporzjonat, li tipproteġi l-konsumaturi bħala telespettaturi minn reklamar televiżiv eċċessiv.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina liema wieħed minn dawn l-għanijiet huwa mħaddan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u jekk tali leġiżlazzjoni tħaddan iż-żewġ għanijiet, liema għan jipprevali.

2)      L-Artikoli 49 TFUE u 63(1) TFUE ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, p. 1).


3  Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224). Din id-direttiva ġiet issostitwita bid-Direttiva 2010/13 b’effett mill-5 ta’ Mejju 2010.


4 – Digriet Leġiżlattiv.


5 – GURI Nru 208 tas-7 ta’ Settembru 2005, Suppliment Ordinarju Nru 150.


6 – Din id-dispożizzjoni kienet riveduta bl-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 44 tal-15 ta’ Marzu 2010 (GURI Nru 73 tad-29 ta’ Marzu 2010), li huwa wkoll magħruf bħala d-“Digriet Romani”.


7 – L-Awtorità tat-Telekomunikazzjonijiet.


8 – Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.


9 – Qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio


10 – Barra minn hekk, Sky Italia qiegħda tallega ksur tad-dritt nazzjonali, li madankollu, ma humiex rilevanti għall-finijiet tad-domanda preliminari preżenti.


11 – Iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”.


12  Iktar ’il quddiem, għall-finijiet ta’ sempliċità, jiena ser nirreferi għall-“ħinijiet massimi differenti ta’ trażmissjoni għar-reklamar televiżiv”.


13  Ara l-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva 2010/13: “il-prinċipji bażiċi tas-suq intern, bħall-kompetizzjoni libera u ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu rrispettati sabiex jiġu żgurati […]”; ara wkoll, speċifikament fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD (C‑6/98, Ġabra p. I‑7599, punt 49) u tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, Ġabra p. I‑5785, punt 31).


14  Premessa 41 tal-preambolu tad-Direttiva 2010/13.


15  Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodrìgues Caballero (C‑442/00, Ġabra p. I‑11915, punti 31 u 32); tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, Ġabra p. I‑6467, punt 56); u tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C‑81/05, Ġabra p. I‑7569, punti 35 u 41).


16 – Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, RTL Television (C‑245/01, Ġabra p. I‑12489, punt 62); u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑281/09, Ġabra p. I‑11811, punt 44), li kkonċernaw l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 89/552, u li jikkorrispondi għall-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 preżenti.


17 – Ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec (C‑412/93, Ġabra p. I‑179, punt 29 u 44); tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 19); u tat-22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast (C‑244/10 u C‑245/10, Ġabra p. I-8777, punt 17), li kkonċernaw id-Direttiva 89/552.


18 – Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Eleftheri tileorasi u Giannikos (C‑52/10, Ġabra p. I‑4973, punt 35), li kkonċernat id-Direttiva 89/552.


19 – Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (“Akzo Nobel”, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 54); ara, barra minn hekk, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, Ġabra p. I‑1753, punt 7); u tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I‑8055, punt 57).


20 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (“Arcelor”, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23); u Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 55).


21 – Sentenzi Arcelor (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 25); tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, Ġabra p. I‑1655, punt 93); u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 32).


22 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Arcelor (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 26); u Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 32).


23 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punti 56 u 57); tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punti 44 u 45); u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, Ġabra p. I‑47, punti 39 u 40).


24 – Sentenza RTL Television (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 64 u 70); u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 27).


25 – Ara, fil-qasam tal-libertajiet fundamentali, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, Ġabra p. I‑1141, punti 27 u 51); u tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 58).


26  Ara iktar ’il fuq, il-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 – Premessa 10 tal-preambolu tad-Direttiva 2010/13.


28 – Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti biss fejn il-miżura leġiżlattiva, fir-realtà, ma tkunx intiża li tagħti trattament favorevoli lil xandara tat-televiżjoni bla ħlas, iżda li tikkumpensa żvantaġġ li jsofru dawn ix-xandara meta mqabbla ma’ xandara oħra. Madankollu, ma hemm ebda prova ta’ dan fil-każ preżenti.


29 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon (C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 45); u tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punt 62).


30 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 72).


31 – Sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 50); u ARD (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 49); sentenzi simili tat-13 ta’ Lulju 2004, Bacardi France (C‑429/02, Ġabra p. I‑6613, punt 35); u Corporación Dermoestética (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 33), dwar il-projbizzjoni ta’ ċerti oqsma mir-reklamar televiżiv.


32 – Ara, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 101); ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 72).


33 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – Sentenza ARD (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 50); ara wkoll is-sentenzi De Agostini u TV-Shop (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 53); u Mesopotamia Broadcast (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 48 u 49).


35 – Ara iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36 – Sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et (C‑320/90 sa C‑322/90, Ġabra p. I‑393, punti 6 u 7); tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor (C‑134/03, Ġabra p. I‑1167, punti 22 u 25 sa 32); u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punti 57 u 58).


37 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, punt 52).


38 – Premessa 8 tal-preambolu tad-Direttiva 2010/13.