Language of document : ECLI:EU:C:2013:496

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Xandir televiżiv — Direttiva 2010/13/UE — Artikoli 4(1) u 23(1) — Reklami — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għax-xandara tat-televiżjoni bi ħlas perċentwali massimu ta’ trażmissjoni li tista’ tkun iddedikata għar-reklamar inqas minn dik ipprovduta għax-xandara tat-televiżjoni bla ħlas — Ugwaljanza fit-trattament — Libertà li jiġu pprovduti servizzi”

Fil-Kawża C‑234/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), skont l-Artikolu 267 TFUE, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Sky Italia srl

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

fil-preżenza ta’:

Reti Televisive Italiane (RTI) SpA,

Maria Iaccarino,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sky Italia srl, minn L. Torchia u R. Mastroianni, avukati,

–        għal Reti Televisive Italiane (RTI) SpA, minn G. M. Roberti, G. Rossi, S. Previti, I. Perego u M. Serpone, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, p. 1 u rettifika ĠU L 263, p. 15), tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sky Italia srl (iktar ’il quddiem “Sky Italia”) u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità tat-Telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li imponiet fuqha multa għall-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-trażmissjoni ta’ reklamar televiżiv.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 41, 83 u 87 tad-Direttiva “dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva” jistabbilixxu:

“(41) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva għall-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw li dawk ir-regoli huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. […]

[…]

(83)      Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, huwa essenzjali li r-reklamar fuq it-televizjoni jkun soġġett għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi u li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti u f’ċerti ċirkostanzi li jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

[…]

(87)      Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ 20 % ta’ spots ta’ reklamar u spots ta’ teleshopping fuq it-televiżjoni għal kull siegħa bl-arloġġ kif ukoll matul l-aqwa ħin. […]”

4        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”

5        Skont l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, “[i]l-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ teleshopping televiżiv f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %”.

 Id-dritt Taljan

6        Id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu tal-ħin massimu ta’ trażmissjoni ta’ reklamar televiżiv jinsabu fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177, li jistabbilixxi test uniku dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva u tar-radju (Digriet Leġiżlattiv Nru 177 – Testo unico dei Servizi di Media audiovisivi e radiofonici), tal-31 ta’ Lulju 2005 (suppliment ordinarju għal GURI Nru 208, tas-7 ta’ Settembru 2005), kif emendat u ssostitwit bl-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 44, tal-15 ta’ Marzu 2010, li jittrasponi d-Direttiva 2007/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv (GURI Nru 73, tad-29 ta’ Marzu 2010, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005”), li permezz tiegħu:

“1.      It-trażmissjoni ta’ reklami mill-proprjetarju tal-konċessjoni tas-servizz tax-xandir pubbliku ġenerali ma tistax teċċedi l-4 % ta’ programmazzjoni fil-ġimgħa u t-12 % ta’ kull siegħa; kull reklamar li jeċċedi dawn iċ-ċifri, b’massimu ta’ 2 % f’kull siegħa, għandu jiġi paċut bi tnaqqis fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti.

2.      It-trażmissjoni ta’ reklami minn xandara ta’ programmi bla ħlas, inklużi xandara analoġiċi, fuq livell nazzjonali, għajr il-proprjetarju tal-konċessjoni tas-servizz tax-xandir pubbliku ġenerali, ma għandhiex teċċedi l-15 % tal-ħin ta’ programmi kuljum u t-18 % ta’ siegħa partikolari; kwalunkwe reklamar li jeċċedi dawn iċ-ċifri, b’massimu ta’ 2 % f’kull siegħa, għandu jiġi paċut bi tnaqqis fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti. […]

[…]

5.      It-trażmissjoni ta’ reklami mix-xandara ta’ programmi bi ħlas, inklużi xandara analoġiċi, ma tistax, għas-snin 2010, 2011 u 2012, teċċedi s-16 %, l-14 % u t-12 % rispettivament, ta’ siegħa partikolari; kwalunkwe reklamar li jeċċedi dawn iċ-ċifri, b’massimu ta’ 2 % f’kull siegħa, għandu jiġi paċut bi tnaqqis fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti.

[…]”

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, l-AGCOM imponiet sanzjoni ta’ EUR 10 329 fuq Sky Italia minħabba ksur tal-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005.

8        L-AGCOM, b’mod partikolari, stabbilixxiet li fil-5 ta’ Marzu 2011, bejn id-9:00 ta’ filgħaxija u l-10:00 ta’ filgħaxija, l-istazzjon bi ħlas Sky Sport 1 ta’ Sky Italia, ttrażmetta 24 reklam li kienu jammontaw għal tul ta’ 10 minuti u 4 sekondi, jiġifieri perċentwali ta’ 16.78 %, imnaqqsa għal 16.44 % wara tnaqqis tal-immaġni bejn ir-reklami. L-AGCOM għalhekk ikkonstatat li, matul dan il-perijodu ta’ ħin, Sky Italia qabżet il-limitu ta’ ħin massimu ta’ trażmissjoni permess għar-reklamar televiżiv, li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi limitu ta’ 14 % fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas, b’iktar minn 2 %, perċentwali li tagħti lok għal kumpens fil-perijodi ta’ ħin li jmissu.

9        Sky Italia ressqet kawża kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio, sabiex din id-deċiżjoni tiġi annullata, fejn essenzjalment issostni li d-deċiżjoni hija illegali peress li l-bażi legali tagħha, fil-forma tal-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 177/2005, fl-opinjoni tagħha tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

10      Billi tqis li jista’ jifdal dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2010/13], il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u r-regoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-moviment liberu tas-servizzi, tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, li jimponi limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar fil-konfront ta’ xandara bi ħlas meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-konfront ta’ xandara mingħajr ħlas?

2)      L-Artikolu 11 tal-[Karta], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali [ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-pluraliżmu, jipprekludi d-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 li jimponi limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar fil-konfront ta’ xandara bi ħlas meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-konfront ta’ xandara mingħajr ħlas, billi jintroduċu distorsjoni tal-kompetizzjoni u billi jiffavorixxu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq tar-reklamar televiżiv?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

11      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva” kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar televiżiv fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas minn dawk stabbiliti għal xandara tat-televiżjoni bla ħlas.

12      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq tal-attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), li l-verżjoni emendata tagħha ġiet ikkodifikata bid-Direttiva “dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali direttiva ma tipproċedix għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar l-oqsma li tkopri, iżda hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-trażmissjonijiet li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u li huma intiżi sabiex jiġu mxandra fi ħdanha (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec, C‑412/93, Ġabra p. I‑179, punti 29 u 44; tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 19, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast u Roj TV, C‑244/10 u C‑245/10, Ġabra p. I‑8777, punt 34).

13      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva” kif ukoll mill-premessi 41 u 83 tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tagħha.

14      Minn dan isegwi li, peress li l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-perċentwali ta’ trażmissjoni ta’ reklamar televiżiv u ta’ spots ta’ teleshopping f’siegħa speċifika tal-arloġġ ma għandux jeċċedi 20 %, din id-dispożizzjoni ma teskludix li, taħt dan il-limitu ta’ 20 %, l-Istati Membri jistgħu jimponu limiti ta’ ħin differenti ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv ibbażati fuq jekk humiex fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas jew fuq xandara tat-televiżjoni bla ħlas, sa fejn ir-regoli li jimponu dawn il-limiti jkunu konsistenti mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tagħha, li fosthom b’mod partikolari hemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

15      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit permezz tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 54 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16      Sabiex jiġi ddeterminat jekk xandara tat-televiżjoni bi ħlas u xandara tat-televiżjoni bla ħlas humiex f’sitwazzjoni komparabbli, għandu jingħad li n-natura komparabbli ta’ żewġ sitwazzjonijiet distinti hija evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawha, kif ukoll skont il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tal-konsumaturi bħala telespettaturi kontra r-reklamar eċċessiv jikkostitwixxi aspett essenzjali tal-għan tad-direttivi dwar il-provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk, C‑195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 27, u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑281/09, Ġabra p. I‑11811, punt 45).

18      Fir-rigward tal-prinċipji u tal-għanijiet tar-regoli dwar il-ħin ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv stabbiliti mid-direttivi dwar il-provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali regoli għandhom l-għan li jistabbilixxu protezzjoni bbilanċjata, minn naħa, tal-interessi finanzjarji tax-xandara tat-televiżjoni u ta’ min jirreklama u, min-naħa l-oħra, tal-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet, jiġifieri l-awturi u l-produtturi, kif ukoll tal-konsumaturi bħala telespettaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’din il-kawża, hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, il-protezzjoni bbilanċjata ta’ dawn l-interessi tiddependi minn jekk ix-xandara tat-televiżjoni jittrażmettux il-programmi tagħhom bi ħlas jew le.

20      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tar-regoli dwar il-ħin ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv, l-interessi finanzjarji fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas huma differenti minn dawk fuq xandara tat-televiżjoni bla ħlas. Filwaqt li d-dħul ta’ dawn tal-ewwel huwa bbażat fuq l-abbonamenti min-naħa tat-telespettaturi, ix-xandara li jittrażmettu bla ħlas ma għandhomx tali sors dirett ta’ finanzjament u huma ffinanzjati permezz tad-dħul mir-reklamar televiżiv, jew permezz ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament.

21      Tali differenza hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tqiegħed ix-xandara tat-televiżjoni bi ħlas f’sitwazzjoni oġġettivament differenti f’termini tal-impatt ekonomiku tar-regoli relatati mal-ħin ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv fuq il-finanzjament tagħhom.

22      Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tat-telespettaturi hija oġġettivament differenti skont jekk jagħmlu użu mis-servizzi ta’ xandar tat-televiżjoni bi ħlas, peress li huma jkollhom il-kwalità ta’ abbonati, jew jekk jagħmlu użu minn xandar tat-televiżjoni bla ħlas. Fil-fatt, dawn l-abbonati għandhom relazzjoni kummerċjali diretta max-xandara tagħhom u jħallsu prezz għat-tgawdija tal-programmi televiżivi.

23      Minn dan jirriżulta li fit-tfittxija ta’ protezzjoni bbilanċjata tal-interessi finanzjarji tax-xandara tat-televiżjoni u tal-interessi tat-telespettaturi fil-qasam tar-reklamar televiżiv, il-leġiżlatur nazzjonali seta’, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jistabbilixxi limiti differenti fil-ħin ta’ trażmissjoni ta’ dawn ir-reklami għal kull siegħa, li huwa bbażat fuq jekk ix-xandara tat-televiżjoni jittrażmettu bi ħlas jew le.

24      Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE, li hija l-unika libertà fundamentali li għandha tiġi kkunsidrata fir-rigward tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, hemm lok li jingħad li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fuq din il-libertà. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra eċċess ta’ reklamar kummerċjali jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD, C‑6/98, Ġabra p. I‑7599, punt 50). Għalhekk hemm lok li l-applikazzjoni ta’ tali restrizzjoni tkun adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, punt 36).

25      Hekk kif l-Avukat Ġenerali qieset fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sempliċi fatt li l-limiti fil-ħin ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv għal kull siegħa huma differenti skont jekk humiex fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas jew fuq xandara tat-televiżjoni bla ħlas, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tat-telespettaturi. Hija l-qorti nazzjonali, li tiddisponi mill-elementi kollha ta’ analiżi fil-kawża prinċipali, li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza humiex sodisfatti.

26      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva” kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 56 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar televiżiv fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas minn dawk stabbiliti għal xandara tat-televiżjoni bla ħlas, sa fejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa osservat, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11 tal-Karta jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħin ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv huwiex ta’ natura tali li tikser il-prinċipju fundamentali ta’ libertà ta’ espressjoni u, b’mod partikolari, il-libertà u l-pluraliżmu tax-xandir fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Karta, fid-dawl tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni possibbli bejn ix-xandara tat-televiżjoni li jistgħu jiġu kkawżati minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

29      Fil-fatt, din il-qorti tinnota, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 jista’ jintroduċi distorsjoni tal-kompetizzjoni u jista’ jiffavorixxi l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq tar-reklamar televiżiv.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, Ġabra p. I‑393, punt 6, kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 57).

31      Dawn l-eżiġenzi huma iktar validi, b’mod partikolari, fis-settur tal-kompetizzjoni li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Telemarsicabruzzo et, punt 7, kif ukoll Centro Europa 7, punt 58).

32      Madankollu, f’din il-kawża, id-deċiżjoni tar-rinviju hija insuffiċjenti, f’termini ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-kalkolu tal-ishma ta’ impriżi differenti fuq is-suq u l-abbuż minn pożizzjoni dominanti invokata mill-qorti fit-tieni domanda tagħha.

33      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva), kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 56 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar televiżiv fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas minn dawk stabbiliti għal xandara tat-televiżjoni bla ħlas, sa fejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa osservat, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.