Language of document : ECLI:EU:T:2011:306

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

28 ta’ Ġunju 2011

Kawża T-454/09 P

Rinse van Arum

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2009, van Arum vs Il-Parlament (F-139/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑291 u II‑A‑1‑1571) intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Rinse van Arum għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew fl-ambitu ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Inammissibbiltà

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1))

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest ta’ lment — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

5.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 43(1) u 44(1)(ċ))

6.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

1.      Mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li appell għandu jindika, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li fuqhom, b’mod speċifiku, tkun ibbażata din it-talba. Dan ir-rekwiżit ma jkunx sodisfatt minn appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u dan ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 26 u 27)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 17 ta’ Marzu 2010, Il-Parlament vs Collée, T‑78/09 P, punti 20 sa 22

2.      Skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-promozzjoni ssir bl-għażla wara kunsiderazzjoni tal-merti komparabbli tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni, id-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu prevista mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ma hijiex ibbażata fuq eżami iżolat tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ kull uffiċjal, iżda fuq tqabbil tal-merti tiegħu ma’ dawk ta’ uffiċjali oħra. Għalhekk, il-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv ta’ uffiċjal ikun iktar favorevoli għalih mir-rapport kif kien fid-data tad-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu ma jfissirx neċessarjament li huwa għandu jingħata punti ta’ mertu addizzjonali.

(ara l-punt 67)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 17 ta’ Marzu 2010, Il-Parlament vs Collée, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61

3.      Jekk parti titħalla tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv li hija ma kinitx qajmet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ikun ifisser li din tkun qed titħalla tressaq, quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, kawża b’portata ikbar minn ta’ dik li tkun instemgħet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għalhekk, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi fl-ewwel istanza.

(ara l-punt 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni, C‑186/02 P u C‑188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 60; 22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 61

4.      Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jesprimu l-opinjoni liberament ifformulata mill-evalwaturi u mhux l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ lment li jitressaq kontra rapport ta’ evalwazzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra, bħall-qorti meta tiġi adita b’rikors, ma għandhiex id-dritt li tissostitwixxi lill-evalwaturi u li tagħmel stħarriġ eżawrjenti u għandha tillimita ruħha għal stħarriġ ristrett.

(ara l-punt 109)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il-Kunsill, 6/79 u 97/79, Ġabra p. II-2141, punt 15; Il-Qorti Ġenerali 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il-Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II-2145, punt 23; 3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, T‑187/98, ĠabraSP p. I-A-195 u II-885, punt 36; 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il-Kummissjoni, T‑165/04, Ġabra SP p. I-A-2155 u II-A-735, punt 28

5.      Il-kontenut tar-rikors għandu jinkludi l-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni tar-rikorrent, peress li l-annessi għandhom biss funzjoni probatorja.

(ara l-punt 133)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il-Parlament, T‑416/03, ĠabraSP p. I-A-2-317 u II-A-2-1607, punti 92 u 93, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Peress li, skont l-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għal punti ta’ liġi, huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu l-kompetenza li jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tiegħu tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemu, u li jevalwa dawn il-fatti.

(ara l-punt 153)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Marzu 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata