Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ġunju 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-288/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti B. Martenczuk u B. D. Simon, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  sa fejn hija temmet qabel żmienu l-mandat tal-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data;

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 95/46 tistabbilixxi li awtorità pubblika jew awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, li jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom f'indipendenza sħiħa, għandhom jiġu inkarigati li jissupervizzjonaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva.

Fl-Ungerija, sal-31 ta' Diċembru 2011, din l-awtorità kienet il-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data. Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża li kienet fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2011, il-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data kien jiġi elett mill-Parlament Ungeriż għal perijodu ta' sitt snin. Il-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data li kien fil-ħatra fil-31 ta' Diċembru 2011 beda jwettaq il-mandat tiegħu fid-29 ta' Settembru 2008, u għalhekk, f'ċirkustanzi normali il-mandat tiegħu kien jiskadi f'Settembru 2014.

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża f'dan il-qasam ġiet emendata b'effett mill-1 ta' Jannar 2012. B'konsegwenza ta' dawn l-emendi tneħħiet il-figura tal-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data u l-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data li kien beda jokkupa din il-kariga mid-29 ta' Settembru 2008 tneħħa. L-awtorità inkarigata mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data fl-Ungerija, fis-sens tad-Direttiva 95/46, saret in-Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság [Awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u tal-libertà tal-informazzjoni, iktar 'il quddiem l-"Awtorità"], li kienet għadha kif inħalqet. Skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida, il-President tal-Awtorità jiġi nnominat mill-President tar-Repubblika fuq parir tal-Prim Ministru għal mandat ta' disa' snin. Il-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data preċedenti ma ġiex innominat f'din il-kariga.

Skont il-Kummissjoni, it-tneħħija qabel iż-żmien tal-awtorità inkarigata mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data tikser l-indipendenza ta' din l-awtorità meħtieġa mid-Direttiva. Id-Direttiva ma tiffissax it-tul tal-mandat tal-imsemmija awtorità ta' superviżjoni u għalhekk, bħala prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jiffissawha liberament. Madankollu, il-mandat għandu jkun għal terminu raġonevoli u huwa indispensabbli li, ladarba Stat Membru jkun iffissa t-terminu tal-mandat, dan it-terminu jiġi rrispettat. Jekk ma jkunx hekk, ikun hemm il-perikolu li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtorità ta' superviżjoni jkun influwenzat mir-riskju ta' tneħħija qabel iż-żmien, u dan il-perikolu jippreġudika l-indipendenza tal-imsemmija awtorità.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-awtorità preċedenti li kienet inkarigata mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data ma ġietx integrata mill-ġdid fil-kariga qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-ksur kien għadu għaddej sa dik id-data. Tikkunsidra li huwa possibbli li l-ksur jiġi rimedjat: l-Ungerija għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex l-inkarigu li tagħmel riferiment għalih id-Direttiva 95/46 jingħata lura lill-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data preċedenti, għaż-żmien li għad fadal mill-mandat tiegħu, sa mill-31 ta' Diċembru 2011. Il-Kummissjoni lesta taċċetta bħala rimedju xieraq il-fatt li l-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data preċedenti jiġi nnominat bħala l-President tal-Awtorità l-ġdida. F'dan ir-rigward, l-Ungerija ma tistax tinvoka l-indipendenza tal-attwali President tal-Awtorità l-ġdida, għaliex dan ikun jammonta għal li hija tinvoka favuriha l-ksur tagħha stess. L-effetti tal-ksur għandhom jiġu rimedjati u mhux miżmuma.

Skont il-Kummissjoni, it-tneħħija qabel iż-żmien tista' tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi u oġġettivi verifikabbli, iżda l-Ungerija ma allegatx tali raġunijiet.

Il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt tal-Ungerija li tirriorganizza l-awtorità ta' stħarriġ, pereżempju billi tgħaddi mill-mudell preċedenti ta' "Kummissarju għall-protezzjoni tad-data" għal mudell konformi mad-dritt Ungeriż li jkun jikkonsisti f'"awtorità". Madankollu, ir-riforma tal-mudell istituzzjonali bl-ebda mod ma teħtieġ li l-awtorità ta' superviżjoni preċedenti titneħħa qabel iż-żmien. L-Ungerija setgħet tipprovdi, fid-dritt nazzjonali tagħha, jew li l-mudell il-ġdid kellu jibda japplika biss wara li jkun intemm il-mandat tal-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data li kien jaqdi dan l-inkarigu, jew inkella li bħala l-ewwel President tal-awtorità l-ġdida jiġi nnominat il-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data preċedenti, għaż-żmien li kien għad fadal mill-mandat tiegħu.

Skont il-Kummissjoni, jekk l-argument tal-Istat Membru dwar il-bdil tal-mudell jiġi aċċettat, dan ikun ifisser li l-awtoritajiet kollha inkarigati mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data fl-Unjoni jkunu permanentement esposti għar-riskju li jitneħħew permezz ta' liġi li tneħħi l-awtorità eżistenti u tistabbilixxi minflokha awtorità oħra ġdida sabiex twettaq il-funzjonijiet indikati fid-Direttiva 95/46. Ma jistax jiġi eskluż li tali riformi jintużaw sabiex jiġu ssanzjonati u kkontrollati l-awtoritajiet inkarigati mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data li jkunu inkorrew id-disapprovazzjoni tal-awtoritajiet politiċi. Is-sempliċi riskju ta' tali influwenza huwa inkompatibbli mal-indipendenza sħiħa tal-awtoritajiet ta' superviżjoni.

Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-Ungerija ma tistax tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet ambigwi tal-Kummissarju għall-protezzjoni tad-data preċedenti ippubblikati fl-istampa la sabiex tipreżumi li dan ma kienx dispost li jkompli jaqdi l-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, u lanqas sabiex ittemm il-mandat tiegħu qabel iż-żmien.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.