Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2010 - Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-484/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Gas Natural Fenosa SDG, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: F. González Díaz u F. Salerno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-29 ta' Settembru 2010, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni ikkontestata f'din il-kawża tawtorizza l-liġi Spanjola intiża li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali sostnuti mill-produtturi ta' elettriku li, minħabba obbligu ta' servizz pubbliku, għandhom jeffettwaw parti mill-produzzjoni tagħhom minn faħam ta' oriġini nazzjonali.

Gas Natural Fenosa tqis li d-Deċiżjoni tmur kontra d-dritt Komunitarju, u għaldaqstant, titlob li tiġi annullata abbażi tal-motivi segwenti:

1.    L-ewwel nett, id-Deċiżjoni tikser l-Artikoli 108(2) TFUE u 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE 1, sa fejn hemm dubji dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

2.    It-tieni nett, id-Deċiżjoni tikser diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju, b'tali mod li l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, jiġifieri:

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent, b'mod partikolari l-Artikoli 4 TUE u 191 TFUE, u r-regoli dettaljati dwar l-obbligazzjonijiet fil-qasam tal-ambjent, b'mod partikolari d-Direttiva 2003/87/KE, reċentement emendati bid-Direttiva 2009/29/KE 2, peress li l-miżura inkwistjoni tinkoraġġixxi l-funzjonament ta' installazzjonijiet li jżidu l-livell ta' gassijiet emessi fl-atmosfera, tikser il-projbizzjoni li jingħataw drittijiet ġodda għal emissjonijiet mingħajr ħlas, u, tippromwovi attivitajiet ta' minjiera li jirrappreżentaw theddida serja għall-habitat naturali.

In-normi tat-Trattat fil-qasam tas-suq intern, b'mod partikolari l-Artikoli 34 u 49 TFUE, sa fejn tostakola u tagħmel iktar diffiċli kemm l-importazzjoni ta' enerġija elettrika ġġenerata minn faħam jew gass mhux Spanjol kif ukoll il-pjanijiet ta' espansjoni tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni elettrika minn gass u/jew faħam importat.

L-Artikoli 101 u 102 TFUE flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, peress li tinkoraġġixxi aġir antikompetittiv min-naħa tal-produtturi ta' faħam Spanjol.

L-Artikolu 126(1) TFUE peress li l-miżura inkwistjoni żżid mingħajr bżonn u b'mod sproporzjonat l-ispiża pubblika.

Ir-Regolament Nru 1407/2002 3, peress li tawtorizza żieda fil-volum tal-għajnuna diġà mogħtija permezz ta' miżuri preċedenti, u tipprovoka distorsjoni fis-suq tal-produzzjoni ta' enerġija elettrika.

3.    It-tielet nett, id-Deċiżjoni tikser l-Artikoli 3(2) u 11(4) tat-Tieni Direttiva dwar is-suq tal-eletriku (Direttiva 2003/54/KE) 4, l-Artikolu 106(2) TFUE kif ukoll il-qafas Komunitarju dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku u l-prinċipju ta' proporzjonalità peress li ma tipprovdix il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-imsemmija dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien ta' Servizz ta' Interess Ekonomiku Ġenerali minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-provvista, u, fi kwalunkwe każ, jeżistu alternattivi inqas onerużi sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi mill-miżura inkwistjoni.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.

2 - Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta' Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 170).

4 - Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).