Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Mejju 2011 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-260/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 165/2011, tat-22 ta' Frar 2011, li jipprovdi għal tnaqqis minn ċerti kwoti tal-kavalli allokati lil Spanja għall-2011 u fis-snin sussegwenti minħabba s-sajd żejjed fl-2010, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-anness miżjud mar-regolament ikkontestat jissanzjona lil Spanja, għas-sajd żejjed tal-kavalli fl-2010 fiż-żoni VIIIc. IX u X u fl-ibħra tal-UE tas-CECAF 34.1.1 bi tnaqqis ta' 39.242 tunnellata, li minnhom 4.500 japplikaw għall-2011, 5.500 għall-2012, 9.748 għall-2013, 9.747 għall-2014 u 9.747 għall-2015 "u jekk ikun neċċessarju għas-snin segwenti".

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

Ksur tal-Artikolu 105(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta' Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (iktar 'il quddiem, ir-Regolament 1224/2009), sa fejn ir-regolament ikkontestat ġie adottat qabel mal-Kummissjoni adottat ir-regolament ta' implementazzjoni previst fl-Artikolu 105(6) iċċitat.

2.    Difett tal-forom proċedurali sostanzjali, minħabba n-nuqqas ta' rapport tal-Kumitat ta' Ġestjoni, peress li sal-lum is-sanzjonjiet kollha kontra Stat Membru għal qbiż ta' kwoti ġew adottati b'regolament tal-Kummissjoni b'opinjoni motivata minn qabel tal-Kumitat ta' Ġestjoni.

3.    Ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li r-regolament ikkontestat ġie approvat mingħajr ma nstema' minn qabel ir-Renju ta' Spanja.

4.    Ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, sa fejn, billi imponiet is-sanzjoni li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa l-possibbiltà li żżid sussegwentement din is-sanzjoni għal numru ta' snin indefinit.

5.    Ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, peress li r-regolament ikkontestat daħal fis-seħħ wara l-bidu tas-sena tas-sajd tal-kavalli fi Spanja.

6.    Ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, peress li l-Kummissjoni applikat kriterju ta' riskju ta' konsegwenzi soċjoekonomiċi differenti meta mqabbel ma' okkażjonijiet oħra komparabbli.

____________