Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Mejju 2011 - European Goldfields vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-261/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Goldfields Ltd (Whitehorse, il-Kanada) (rappreżentanti: K. Adamantopoulos, E. Petritsi, E. Trova u P. Skouris, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni C (2011)1006 finali tal-Kummissjoni, tat-23 ta' Frar 2011 - li tiddikjara s-sussidju mogħti mill-awtoritajiet Griegi favur l-impriża tal-minjieri Ellinikos Xrysos bħala għajnuna mill-Istat illegali - u b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 5 ta' din id-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ħames motivi li ġejjin:

L-ewwel motiv

Fil-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti tal-każ ineżami, il-Kummissjoni wettqet għadd ta' żbalji manifesti li affettwaw b'mod materjali l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet - previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE - għall-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku għal Ellinikos Xrysos.

It-tieni motiv

Fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-parti tad-definizzjoni tal-għajnuna mill-Istat - fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE - li tirrigwarda l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' liġi peress li hija applikat b'mod inkorrett jew b'mod żbaljat il-prinċipju rilevanti li huwa dak tal-investitur f'ekonomija tas-suq.

It-tielet motiv

Fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni - meħtieġa fl-Artikolu 107(1) TFUE - tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni wettqet għadd ta' żbalji manifesti ta' liġi meta stabbilixxiet, fuq il-bażi tal-argumenti infondati, selettivi u arbitrarji tagħha stess dwar l-allegat valur tal-assi ttrasferiti, tali vantaġġ ekonomiku.

Ir-raba' motiv

Fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni - meħtieġa fl-Artikolu 107(1) TFUE - tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni wettqet għadd ta' żbalji ta' liġi meta kkonkludiet, b'mod żbaljat, li l-allegata eżenzjoni mit-taxxi favur Ellinikos Xrysos kienet tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku.

Il-ħames motiv

Il-Kummissjoni kisret ir-regoli proċedurali essenzjali u abbużat mill-poter tagħha, bi ksur għalhekk tal-obbligu tagħha li teżamina l-każ b'mod diliġenti u imparzjali.

____________