Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Mejju 2011 - Ellinikos Chrysos vs Il-Kummisjoni

(Kawża T-262/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ellinikos Chrysos AE (Kifissia, il-Greċja) (rappreżentanti: K. Adamantopoulos, E. Petritsi, E. Trova u P. Skouris, avukati)

Konvenuta: Il-Kummisjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1006 finali, tat-23 ta' Frar 2011 (ex NN 61/2008), li tiddikjara bħala għajnuna mill-Istat illegali s-sussidju mogħti mill-awtoritajiet Griegi lill-impriża tal-minjieri Ellinikos Chrysos, u b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 5 ta din id-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti meta stabbiliet u evalwat il-fatti tal-każ li materjalment influwenzaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku lil Ellinikos Chrysos, skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta' liġi fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tagħha tal-element ta' definizzjoni ta' għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat, jew appplikat ħażin, il-prinċipju rilevanti ta' investitur li jaġixxi f'ekonomija tas-suq.

It-tielet motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta' liġi fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tagħha tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, billi stabbiliet tali vantaġġ ekonomiku b'riferiment għall-argumenti infondati, selettivi u arbitrarji tal-Kummissjoni stess dwar il-valur allegat tal-assi ttrasferiti.

Ir-raba' motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta' liġi fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li b'mod żbaljat ikkonkludiet li l-allegata eżenzjoni mit-taxxi favur Ellinikos Chrysos kienet tikostitwixxi vantaġġ ekonomiku.

Il-ħames motiv jallega li l-Kumissjoni kisret regoli proċedurali essenzjali u abbużat mis-setgħa tagħha, u b'hekk kisret l-obbligu tagħha li teżamina l-każ bir-reqqa u b'mod imparzjali.

____________