Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Mejju 2011 - Elmaghraby vs Il-Kunsill

(Kawża T-265/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ahmed Alaeldin Amin Abdelmaksoud Elmaghraby (il-Kajr, l-Eġittu) (rappreżentanti: D. Pannick, QC (Queen's Counsel), R. Lööf, Barrister, u M. O'Kane, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta' Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011 L 76, p. 63);

tannulla, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta' Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011 L 76, p. 4), li jimplementa d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-danni fl-ammont ta' EUR 5 000; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-Artikolu 29 TUE jikkostitwixxi bażi legali żbaljata u/jew insuffiċjenti għad-Deċiżoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, billi:

id-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq ma għandhiex għan ta' politika estera;

l-adozzjoni ta' deċiżjoni bħal din (u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011) tikkostitwixxi abbuż ta' poter; u

l-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK (u r-regolament korrispondenti) kienet irrazjonali.

It-tieni motiv jallega li l-inklużjoni tar-rikorrent fi ħdan id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 tikser id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

It-tielet motiv jallega li l-inklużjoni tar-rikorrent fi ħdan id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Ir-raba' motiv jallega li r-rikorrent sostna danni b'riżultat dirett tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, li għandha tagħmel tajjeb għalihom l-Unjoni.

____________