Language of document : ECLI:EU:T:2013:461

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Settembru 2013

Kawża T‑264/11 P

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Evalwazzjoni — Promozzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni 2007 — Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell — Fastidju psikoloġiku — Terminu raġonevoli — Talba għal annullament — Talba għad-danni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Marzu 2011, De Nicola vs BEI (F‑59/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Marzu 2011, De Nicola vs BEI (F‑59/09), hija annullata, sa fejn hija tiċħad, minn naħa, it-talbiet ta’ C. De Nicola intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u, min-naħa l-oħra, it-talbiet tiegħu intiżi għal kumpens għad-danni allegati minħabba fastidju li allegatament wettaq il-BEI fil-konfront tiegħu. Il-kumplament tal-appell prinċipali huwa miċħud. Din il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Aggravju fformulat kontra motiv ta’ sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tagħha — Aggravju ineffettiv

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 9)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank fir-rigward tal-evalwazzjoni li ma għandha l-ebda impatt fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni — Inklużjoni

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Proċedura amministrattiva — Proċedura ġudizzjarja — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1); Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Skop — Ordni lill-amministrazzjoni — Inammissibbiltà

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Proċedura prekontenzjuża — Natura fakultattiva — Possibbiltà ta’ analoġija mal-proċedura prekontenzjuża prevista fir-Regolamenti tal-persunal — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

6.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tar-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji — Portata

(Artikolu 256(2) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Settembru 2003, Biret u Cie vs Il-Kunsill, C‑94/02 P, Ġabra p. I‑10565, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-evalwazzjoni li ma għandha ebda impatt fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni, iżda li tillimita ruħha li tiddeċiedi, minn naħa, dwar l-impossibbiltà tal-kontinwazzjoni tas-seduta u, min-naħa l-oħra, dwar in-neċessità li din id-deċiżjoni tintbagħat fil-fajl personali tal-persuna kkonċernata, tista’, bħala prinċipju, tikkawża preġudizzju lir-rikorrent. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jonqos milli jieħu deċiżjoni dwar jekk, minn naħa, fid-dawl tal-fatti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tistax madankollu tikkawża preġudizzju lir-rikorrent u jekk, min-naħa l-oħra, meta jasal għal dawn il-konklużjonijiet, l-imsemmi kumitat ikunx osserva r-regoli gwida għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. Tali evalwazzjoni sostantiva hija neċessarja, peress li, permezz tal-adozzjoni tal-imsemmija regoli, il-Bank illimita lilu nnifsu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu u l-membri tal-persunal tiegħu jistgħu jinvokawhom quddiem l-imħallef tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu li jikklassifika r-rikors tar-rikorrent mingħajr deċiżjoni finali fuq il-mertu, il-Kumitat tal-Appell iċaħħad ir-rikorrent minn livell ta’ kontroll u jikkritikah, minn tal-inqas b’mod impliċitu, talli jfixkel il-proċeduri. Tali deċiżjoni manifestament tikkawża preġudizzju lir-rikorrent, fatt li jiġġustifika l-interess tiegħu li jannullaha. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kumitat tal-Appell jiddeċiedi li jibgħat l-imsemmija deċiżjoni fil-fajl personali tar-rikorrent huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li din tikkawżalu preġudizzju u li l-annullament tagħha tista’ tipprovdilu benefiċċju.

(ara l-punti 40, 41 u 44)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 10 ta’ Settembru 2003, McAuley vs Il-Kunsill, T‑165/01, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑963, punt 44; 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI, F‑55/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑469 u II‑A‑1‑2529, punti 39, 54 u segwenti

3.      Meta t-terminu ta’ proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura raġonevoli tat-terminu użat mill-istituzzjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għal kull każ u, b’mod partikolari, tal-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża u tal-aġir tal-partijiet fil-kawża. Konsegwentement, in-natura raġonevoli ta’ terminu ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit tal-koerenza, għandu jiġi applikat il-kunċett ta’ terminu raġonevoli bl-istess mod għar-rikors jew talba li fir-rigward tagħhom l-ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma pprovdiet għal terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati dan ir-rikors u din it-talba. Fiż-żewġ każijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.

(ara l-punt 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Frar 2013, Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, punti 25 sa 46

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 63)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, ĠabraSP p. I‑A‑365 u II‑1671, punt 136; 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il-Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li jiddefinixxu r-rimedji amministrattivi, ma jipprovdux, għad-differenza tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għal proċedura prekontenzjuża obbligatorja, ifixkel traspożizzjoni pura u sempliċi tar-regoli li jirregolaw ir-rimedji legali tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk dawk ir-regoli jiġu applikati b’mod flessibbli sabiex jiżguraw ċertezza legali, fid-dawl tal-inċertezza marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi tal-persunal tal-Bank. Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jirreferi għal proċedura amikevoli, huwa mill-ewwel jippreċiża li tali proċedura sseħħ indipendentement mill-azzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, minn dan isegwi li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank u, b’mod partikolari, l-Artikolu 41 tiegħu, jikkostitwixxu regolamenti interni tal-Bank li huma, bħala prinċipju, kompleti, li n-natura u r-ratio legis tagħhom huma differenti ferm minn dawk tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż l-Artikoli 90 u 91 ta’ dan tal-aħħar. Konsegwentement, l-eżistenza stess ta’ dawn ir-regolamenti interni tipprekludi analoġiji stretti mar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, hija impossibbli li ssir interpretazzjoni contra legem tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura interna fakultattiva tal-proċedura amikevoli prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank sabiex din issir proċedura obbligatorja. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 41 ma fih ebda lakuni li għandhom jimtlew permezz ta’ regoli oħra sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji superjuri tal-liġi.

(ara l-punti 70 sa 72)

Referenza:

Eżami mill-ġdid: Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 39

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑185, punti 96 sa 101; 17 ta’ Ġunju 2003, Seiller vs BEI, T‑385/00, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑801, punti 50 sa 52, 65 u 73; 27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, punti 76 u 77

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 319; 10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, C‑498/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 138