Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2013 – Ezz et vs Il-Kunsill

(Kawża T-279/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ahmed Abdelaziz Ezz (Giza, l-Eġittu), Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed Salama (il-Kajr, l-Eġittu), Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin (Londra, ir-Renju Unit), Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar (Giza, l-Eġittu) (rappreżentanti: J. Lewis, Queen’s Counsel, B. Kennelly, Barrister, u J. Binns, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill  2011/144/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK (ĠU L 82, 22.3.2013, p.  54), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru  270/2011, tal- 21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, 22.3.2011, p.  4), kif segwita mid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2013, sa fejn dawn japplikaw fil-konfront tar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li (a) id-Deċiżjoni tal-Kunsill  2011/144/PESK li temenda d- Deċiżjoni  2011/172/PESK ma kellhiex bażi legali xierqa peress li ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu 29 tat-Trattat  tal-UE, u li (b) ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 ma setax jiġi implementat minħabba li ma kienx jissodisfa l-eżiġenzi tal-allegata bażi legali tiegħu: l-Artikolu 215(2) TFUE.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-kriterju li jippremetti l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, bħal dawk previsti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK u fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, ma ġiex issodisfatt. Barra dan ir-rikorrenti jallegaw li l-ġustifikazzjoni mill-konvenut tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra tagħhom hija kompletament impreċiża, mhux speċifika, mhux ikkorroborata, mhux iġġustifikata u insuffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

3.    It-tielet motiv, ibbażżat fuq il-fatt li l-konvenut kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li a) il-miżuri restrittivi ma jipprovdu l-ebda proċedura ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-provi li abbażi tagħhom ġew ffriżati l-beni tagħhom, li kienet tippermettilhom li jissottomettu osservazzjonijiet b’mod sinjifikanttiv dwar dawn il-provi; b) il-motivazzjoni ppreżentata, fiha allegazzjoni ġenerali, mhux ikkorroborata u impreċiża ta’ proċeduri legali u c) il-konvenut ma pprovdiex informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lir-rikorrenti jikkomunikaw ir-risposta tagħhom b’mod effettiv, dan ma jippermettix lil qorti li tevalwa l-fondatezza u l-korroborazzjoni bi provi konvinċenti, tad-deċiżjoni u tal-evalwazzjoni tal-Kunsill.

4.    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut ma pprovdiex lir-rikorrenti motivi suffiċjenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fl-atti kkontestati, bi ksur tal-obbligu tiegħu li jindika bż’mod ċar il-motivi reali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu, inklużi l-motivi speċifiċi individwali li wasslu sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienu responsabbli għal approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani.

5.    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew b’mod sproporzjonat, id-dritt tar-rikorrenti għall-proprjetà u għar-reputazzjoni.

6.    Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni mill-konvenut tar-rikorrenti fil-lista ta’ persuni li kontra tagħhom japplikaw il-miżuri restrittivi hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.