Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ April 2024 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fl-24 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T-409/21, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-242/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar, C.-M. Carrega, C. Kovács, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-24 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T-409/21, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza bħala infondat;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T-409/21, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn tikkonċerna l-miżuri msemmija fil-premessa 198(a) sa (d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 3918 final tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma 2020 tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Koġenerazzjoni u l-Għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Modifika tal-iskema ta’ għajnuna għall-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku eżistenti (Artikolu 13 tal-KWKG);

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza bħala infondat, sa fejn jikkonċerna l-miżuri msemmija fil-premessa 198(a) sa (d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 3918 final, tat-3 ta’ Ġunju 2021, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma 2020 tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Koġenerazzjoni u l-Għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Modifika tal-iskema ta’ għajnuna għall-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku eżistenti (Artikolu 13 tal-KWKG);

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq aggravju wieħed.

Permezz tal-aggravju uniku tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat” sabiex tikklassifika miżura bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

Fl-ambitu ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkritika, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-imposta finanzjarja fuq il-miżuri ta’ promozzjoni tal-koġenerazzjoni sostnuta mill-ġestjonarji tan-networks ta’ distribuzzjoni ma kinitx tikkostitwixxi taxxa jew sovrataxxa obbligatorja oħra fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fit-tieni lok, fl-ambitu tal-aggravju uniku tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża PreussenElektra 1 ma kinitx limitata għall-każijiet fejn l-Istat jintervjeni fl-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti fi tranżazzjoni – permezz ta’ regolamenti tal-prezzijiet tas-suq, bħall-iffissar ta’ prezzijiet minimi jew irregolati jew ta’ kwantitajiet ta’ xiri minimi – iżda tinkludi wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-Istat jimponi obbligi ta’ ħlas dirett bejn partijiet privati, mingħajr ma dawn il-partijiet ma jkunu rregolati minn xi relazzjoni ta’ tranżazzjoni.

____________

1     Kawża C-379/98, (EU:C:2001:160).