Language of document : ECLI:EU:C:2010:608

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Sharpston

ippreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2010 (1)

Kawża C‑208/09

Ilonka Sayn-Wittgenstein

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Ċittadinanza Ewropea – Moviment liberu u residenza libera fl-Istati Membri – Rifjut ta’ Stat Membru, li abolixxa n-nobbiltà, li jirreġistra lil ċittadin tiegħu b’kunjom patronimiku miksub fi Stat Membru ieħor u li fih titolu tan-nobbiltà”





1.        Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, kemm l-Awstrija kif ukoll il-Ġermanja saru repubbliki, u abolixxew in-nobbiltà kif ukoll il-privileġġi u t-titoli kollha relatati magħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, għaċ-ċittadini Awstrijaċi, huwa illegali taħt il-liġi kostituzzjonali li persuna jkollha titolu tan-nobbiltà, projbizzjoni li testendi għall-użu ta’ prefessi bħalma huma “von” jew “zu” bħala parti minn kunjom patronimiku. Fil‑Ġermanja, madankollu, ittieħed approċċ differenti: it-titoli eżistenti, għalkemm ma setgħux jibqgħu jinżammu bħala titoli, saru parti mill-kunjom patronimiku trażmess lill-ulied kollha, suġġett biss għal varjazzjonijiet skont is-sess tal-wild meta element tan-nobbiltà jkollu kemm il-forma maskili kif ukoll dik femminili – pereżempju Fürst (Prinċep) u Fürstin (Prinċipessa).

2.        Din il-kawża tikkonċerna ċittadin Awstrijak li ġie adottat meta sar adult fil‑Ġermanja minn ċittadin Ġermaniż (2) li kunjomu patronimiku kien jinkludi titolu li preċedentement kien wieħed tan-nobbiltà. L-istess kunjom patronimiku, fil-forma femminili, imbagħad iddaħħal fir-reġistru tal-istat ċivili (3) fl-Awstrija. Il-kontestazzjoni tagħha għal deċiżjoni amministrattiva, liema deċiżjoni ttieħdet madwar 15-il sena iktar tard, sabiex ir-reġistrazzjoni tiġi kkoreġġuta billi jitneħħew l-elementi tal-kunjom patronimiku li jindikaw nobbiltà issa tinsab imressqa quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il‑Qorti Amministrattiva). Dik il-qorti, wara li kkunsidrat is-sentenza mogħtija fil-kawża Grunkin u Paul (4), tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hijiex kompatibbli mal-Artikolu 18 KE (illum l-Artikolu 21 TFUE) dwar il-moviment liberu u r-residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dispożizzjonijiet oħra tat‑trattat jistgħu jkunu rilevanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (5)

3.        L-Artikolu 8 tal-konvenzjoni jipprovdi:

“1.      Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2.      Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skont il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, sabiex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta’ delitti, għall‑protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.”

4.        F’għadd ta’ każijiet, b’mod partikolari fil-kawżi Burghartz u Stjerna (6), il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sostniet li filwaqt li l-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni ma jagħmilx riferiment espliċitu għall-ismijiet, l-isem ta’ persuna fil-fatt jikkonċerna l-ħajja privata u familjari tiegħu għaliex jikkostitwixxi mezz ta’ identifikazzjoni personali u rabta ma’ familja. Hija enfasizzat ukoll l‑importanza tal-kunsiderazzjonijiet tal-lingwa nazzjonali fil-qasam tal-ismijiet personali u stqarret li l-impożizzjoni ta’ regoli lingwistiċi derivanti mill-politika ta’ Stat tista’ tkun iġġustifikata (7).

 Il-liġi tal-Unjoni Ewropea

5.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE (issa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE) jipprovdi dan li ġej:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara [… tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju (8)] għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

6.        L-Artikolu 17 KE (illum l-Artikolu 20 TFUE) jipprovdi:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ‑ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it‑Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu [… igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

(a)      id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l‑Istati Membri;

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 18(1) KE (illum l-Artikolu 21(1) TFUE):

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l‑kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-disposizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq [… fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq].”

8.        L-Artikolu 43 KE (illum l-Artikolu 49 TFUE) u l-Artikolu 49 KE (illum l‑Artikolu 56 TFUE) jipprojbixxu rispettivament, “ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” u “ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità [fl-Unjoni] … fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal‑Komunità [fi Stat Membru] li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is‑servizzi.”

9.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (9) jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

10.      In-nota ta’ spjega ta’ dan l-Artikolu (10) tagħmilha ċara li d-drittijiet iggarantiti jikkorrispondu għal dawk fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li l-limitazzjonijiet li b’mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuqhom huma l-istess bħal dawk permessi mill-Artikolu 8(2) ta’ dik il‑Konvenzjoni.

11.      Fil-kawżi Konstantinidis (11), García Avello (12) u Grunkin u Paul (13), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati ma’ diskrepanzi fil-kunjomijiet patronimiċi mogħtija lill-istess persuna fir-reġistri tal-istat ċivili ta’ Stati Membri differenti. Il-punti prinċipali ta’ dik il-ġurisprudenza jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej (14).

12.      Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kunjom patronimiku ta’ persuna attwalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il‑kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw il-liġi tal-Unjoni Ewropea (“UE”) sakemm ma tkunx involuta sitwazzjoni interna li ma għandha ebda rabta ma’ dik il-liġi. Tkun teżisti rabta meta ċittadini ta’ Stat Membru jkunu jgħixu legalment fi Stat Membru ieħor. F’tali ċirkustanzi, huma għandhom dritt jinvokaw, bi prinċipju, fir-rigward tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom, id-drittijiet tagħhom skont it-trattat, bħalma hu d-dritt li ma jiġux iddiskriminati minħabba ċ‑ċittadinanza, id-dritt li jmorru minn post għal ieħor u li joqgħodu liberament fit‑territorju tal-Istati Membri, u d-dritt tal-libertà tal-istabbiliment.

13.      Diskrepanza fil-kunjomijiet patronimiċi tista’ tikkawża inkonvenjenti serji fil-livell kemm professjonali kif ukoll f’dak privat. Jista’ jkun hemm diffikultajiet sabiex persuna tibbenefika fi Stat Membru mill-effetti legali ta’ atti jew ta’ dokumenti li fihom jintuża l-kunjom rikonoxxut fi Stat Membru ieħor. Diversi azzjonijiet fil‑ħajja ta’ kuljum, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll f’dak privat, jirrikjedu prova tal-identità, prova li ħafna drabi tingħata permezz tal-passaport. F’każ li l‑passaport maħruġ mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza juri isem differenti minn dak muri fuq iċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ fi Stat Membru ieħor, f’każ li l‑kunjom użat f’sitwazzjoni speċifika ma jikkorrispondix ma’ dak li jkun hemm fuq id-dokument prodott bħala prova tal-identità ta’ persuna, jew inkella f’każ li l‑kunjom li jkun hemm f’żewġ dokumenti prodotti flimkien ma jkunx l-istess, x’aktarx iqumu dubji dwar l-identità tal-persuna, dwar l-awtentiċità tad-dokumenti prodotti jew il-veraċità tal-kontenut tagħhom, u jista’ jkun hemm suspetti ta’ dikjarazzjoni falza.

14.      Ostakolu għall-moviment liberu kif jirriżulta minn tali inkonvenjenti serji jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jekk ikun proporzjonat għall-għan leġittimament imfittex. Kunsiderazzjonijiet ta’ faċilità amministrattiva ma jistgħux ikunu biżżejjed għal dan l-iskop. Madankollu raġunijiet speċifiċi ta’ ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw dan l-ostakolu.

 Il-liġi Awstrijaka

15.      Fl-1919 il-Liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà (15), li għandha status kostituzzjonali skont l-Artikolu 149(1) tal-Liġi Federali Kostituzzjonali (16), abolixxiet in-nobbiltà, l-ordnijiet sekulari tal-kavallieri u ċertu titoli u onorefiċenzi oħra, u pprojbixxiet li jinżammu l-istili korrispondenti. Skont l-Artikolu 1 tad‑dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni adottati mill-ministri kompetenti (17), l‑abolizzjoni tapplika għaċ-ċittadini Awstrijaċi kollha, indipendentement minn fejn inkisbu l-privileġġi rilevanti. L-Artikolu 2 jindika li l-projbizzjoni tkopri, b’mod partikolari, id-dritt li jinżamm il-prefiss “von” bħala parti mill-isem u d‑dritt li jinżamm kwalunkwe titolu ta’ grad tan-nobbiltà, bħal “Ritter” (kavallier), “Freiherr” (baruni), “Graf” (konti), ‘Fürst’ (prinċep), “Herzog” (duka) jew indikazzjonijiet korrispondenti oħra tal-istatus, kemm Awstrijaċi kif ukoll barranin. Skont l-Artikolu 5, jistgħu jiġu imposti diversi penali f’każ ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni.

16.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Awstrijak, dik il-projbizzjoni ġiet applikata mill-qrati b’ċertu aġġustamenti f’każijiet ta’ persuni b’kunjom patronimiku Ġermaniż li jinkludi fih dak li qabel kien sinjal tan-nobbiltà. F’każijiet ta’ ċittadini Ġermaniżi b’tali kunjom patronimiku u li kienu kisbu ċittadinanza Awstrijaka, dak l-isem ma setax jiġi interpretat mill-ġdid bħala isem li jinkludi titolu tan-nobbiltà u ma setax jinbidel. Barra minn hekk, mara Awstrijaka li kisbet tali isem għaliex tkun iżżewġet ċittadin Ġermaniż kellha dritt iżomm l-isem sħiħ; madankollu, hija kellha żżomm l-istess kunjom patronimiku eżattament bħal dak ta’ żewġha u mhux il-forma femminili tiegħu (18).

17.      Skont l-Artikolu 9(1) tal-Liġi Federali dwar id-dritt privat internazzjonali (19), l-istatus personali ta’ persuni naturali huwa stabbilit bil-liġi taċ‑ċittadinanza tagħhom. Skont l-Artikolu 13(1), l-isem li jkollhom huwa rregolat mill-istatus personali tagħhom, independentement mill-bażi li fuqha nkiseb dak l-isem. L-Artikolu 26 jipprovdi li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l‑adozzjoni huma rregolati mill-istatus personali ta’ kull parti li tadotta u tal-wild, filwaqt li l-“effetti” tagħha huma rregolati, meta hemm parti waħda li tadotta, mill-istatus personali ta’ dik il-parti.

18.      Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak f’din il-kawża u l-awtorità akkademika ċċitata fihom, l-“effetti” hekk irregolati huma estiżi biss għal dawk li hemm fil-liġi dwar il-familja u mhux sabiex jiġi ddeterminat isem il-wild adottat (li għadu rregolat bl-Artikolu 13(1)). Madankollu, skont rapport imħejji mill‑Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili (ICCS - International Commission on Civil Status) f’Marzu 2000 (20), meta l-Awstrija kienet membru ta’ dik l-organizzazzjoni, bħala risposta għall-mistoqsija “Liema hija l-liġi applikabbli sabiex jiġi ddeterminat l-isem ta’ wild adottat?”, l-Awstrija ddikjarat: “L-isem (il-bdil tal-isem) ta’ wild adottat huwa wieħed mill-effetti tal-adozzjoni u huwa ddeterminat skont il-liġi nazzjonali tal-parti jew tal-partijiet li jadottaw. Meta l-partijiet li jadottaw ikunu konjuġi ta’ nazzjonalità differenti, tapplika l-liġi nazzjonali komuni tagħhom, u fin-nuqqas tagħha tapplika l-liġi nazzjonali komuni preċedenti tagħhom jekk tkun għadha l-liġi nazzjonali ta’ wieħed mill-konjuġi. Qabel, il-liġi applikabbli kienet dik tar-residenza abitwali.”

19.      Skont l-Artikolu 183(1), moqri flimkien mal-Artikolu 182(2) tal-Kodiċi Ċivili tal-Awstrija (21), wild adottat minn persuna waħedha jieħu kunjom dik il‑persuna jekk ir-rabtiet legali mal-ġenitur tas-sess l-ieħor ikunu nħallew.

20.      L-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar l-istat ċivili (22) jirrikjedi li reġistrazzjoni tiġi kkoreġuta jekk tkun inkorretta fiż-żmien meta tkun saret.

 Il-liġi Ġermaniża

21.      L-Artikolu 109 tal-Kostituzzjoni ta’ Weimar (23) abolixxa fost l-oħrajn il‑privileġġi kollha bbażati fuq it-twelid jew l-istatus u stipula li s-sinjali tan‑nobbiltà huma validi biss bħala parti minn kunjom patronimiku. Skont l-Artikolu 123(1) tal-Dritt Kostituzzjonali attwali (24), dik id-dispożizzjoni għadha applikabbli sal‑lum. Għalkemm ma ġiet iċċitata ebda awtorità leġiżlattiva quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku li skont il-liġi Ġermaniża, kunjom patronimiku li jinkludi fih sinjal li kien jindika nobbiltà għadu jvarja skont is-sess tal-persuna li jkollha dak il-kunjom jekk dan iseħħ għas-sinjali li kienu jindikaw nobbiltà.

22.      Skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili (25), l-ismijiet personali huma ddeterminati bil-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna. L‑Artikolu 22(1) u 22(2) tal-istess liġi jipprovdi li l-adozzjoni u l-effetti tagħha fuq ir-relazzjonijiet legali bejn dawk ikkonċernati fil-qasam tal-liġi dwar il-familja huma rregolati mil-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-parti li tadotta.

23.      Ir-rapport tal-ICCS iċċitat iktar ’il fuq (26) jindika li fis-sena 2000, bħala risposta għall-mistoqsija “Liema hija l-liġi applikabbli sabiex jiġi ddeterminat l‑isem ta’ wild adottat?”, il-Ġermanja ddikjarat: “L-isem ta’ wild adottat jiddependi mil-liġi fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Għaldaqstant, il‑leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-ismijiet hija applikabbli meta wild barrani jiġi adottat minn persuna Ġermaniża u jkun b’hekk kiseb ċittadinanza Ġermaniża. Jekk wild Ġermaniż jiġi adottat minn ċittadin barrani, l-istatus ta’ isem dak il-wild jinbidel skont dan unikament jekk huwa jkun tilef iċ-ċittadinanza Ġermaniża bl‑adozzjoni (27).”

24.      L-Artikolu 1757(1) tal-Kodiċi Ċivili (28), moqri flimkien mal‑Artikolu 1767(2) tal-istess kodiċi, jistipula li l-ulied adottati, inklużi dawk maġġorenni, għandhom jieħdu l-kunjom patronimiku tal-parti li tadotta bħala “l-isem tat‑twelid”.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

25.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (“ir-rikorrenti”) hija ċittadina Awstrijaka, imwielda Ilonka Kerekes fi Vjenna fl-1944. F’Ottubru 1991, kunjomha ġie rreġistrat bħala “Havel, née Kerekes” meta l-adozzjoni tagħha skont il-liġi Ġermaniża minn ċittadin Ġermaniż, Lothar Fürst von Sayn-Wittgenstein, li saret permezz ta’ att notarili, ġiet ifformalizzata b’deċiżjoni tal-Kreisgericht (il‑Qorti Distrettwali) Worbis (il-Ġermanja), li kienet il-qorti responsabbli mill‑kustodja. Meta hija xtaqet tirreġistra l-identità l-ġdida tagħha quddiem l‑awtoritajiet fi Vjenna, dawn kitbu lill-Kreisgericht Worbis f’Jannar 1992 sabiex jiksbu iktar dettalji. Sussegwentement dik il-qorti ħarġet sentenza supplimentari fejn speċifikat li fl-adozzjoni, il-kunjom tat-twelid tagħha sar “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein”, li huwa l-forma femminili ta’ kunjom patronimiku tal-missier adottiv tagħha. L-awtoritajiet ta’ Vjenna sussegwentement ħarġu lir-rikorrenti ċertifikat tat-twelid fis-27 ta’ Frar 1992, bl-isem Ilonka Fürstin von Sayn-Wittgenstein. Huwa paċifiku li l-adozzjoni ma kellha ebda effett fuq iċ-ċittadinanza tagħha.

26.      Fis-seduta ġie ddikjarat li r-rikorrenti hija attiva professjonalment fil-parti benestanti tas-suq tal-proprjetà immobbli; b’mod speċifiku, hija taġixxi bl-isem ta’ Ilonka Fürstin von Sayn-Wittgenstein għall-bejgħ ta’ kastelli u djar maestużi antiki. Jirriżulta li, tal-inqas sa mill-adozzjoni tagħha, hija għexet u pprattikat in‑negozju tagħha prinċipalment fil-Ġermanja (għalkemm wettqet xi attivitajiet transkonfinali), inħarġitilha liċenzja tas-sewqan Ġermaniża bl-isem ta’ Ilonka Fürstin von Sayn‑Wittgenstein u rreġistrat kumpannija fil-Ġermanja b’dak l-isem. Barra minn hekk, il-passaport Awstrijak tagħha ġie mġedded mill-inqas darba (fl‑2001) u nħarġu żewġ ċertifikati taċ-ċittadinanza, dawn kollha bl-isem Ilonka Fürstin von Sayn-Wittgenstein, mill-awtoritajiet konsolari tal-Awstrija fil‑Ġermanja.

27.      Fis-27 ta’ Novembru 2003, il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) Awstrijaka ħarġet sentenza b’rabta ma’ kawża b’ċirkustanzi simili għal dawk tar-rikorrenti. Din il-qorti ddeċidiet li l-Liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà pprekludiet ċittadin Awstrijak milli jikseb, permezz tal-adozzjoni minn ċittadin Ġermaniż, kunjom patronimiku magħmul minn titolu li kien tan-nobbiltà (29). Din is-sentenza kkonfermat ukoll il-ġurisprudenza preċedenti li għall-kuntrarju tal-liġi Ġermaniża, il-liġi Awstrijaka ma tippermettix li l-kunjomijiet patronimiċi jiġu ffurmati skont regoli differenti għall-irġiel u għan-nisa.

28.      Xi żmien wara li ngħatat dik is-sentenza, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni fi Vjenna kienu tal-fehma li r-reġistrazzjoni tat-twelid tar-rikorrenti kienet inkorretta. Fil-5 ta’ April 2007, huma nnotifikawha bl-intenzjoni tagħhom li jikkoreġu l-kunjom patronimiku tagħha fir-reġistru tat-twelid u jibdluh għal “Sayn‑Wittgenstein”. Fl-24 ta’ Awwissu 2007, minkejja l-oġġezzjonijiet tagħha, huma kkonfermaw dik il-pożizzjoni. Peress li l-appell amministrattiv tagħha kontra din l-azzjoni ġie miċħud, ir-rikorrenti issa tixtieq li din id-deċiżjoni tiġi mibdula mill-Verwaltungsgerichtshof.

29.      Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari d-drittijiet tagħha tal-moviment liberu u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif iggarantiti bit-trattati tal-UE. Hija tqis li tkun interferenza f’dawk id-drittijiet li hija tkun obbligata tuża kunjomijiet patronimiċi differenti fi Stati Membri differenti. Hija ssostni wkoll li l-bdil ta’ tal-kunjom patronimiku tagħha wara 15-il sena jkun ta’ interferenza fil-ħajja privata tagħha kif protetta bl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

30.      L-awtorità konvenuta ssostni, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma hijiex obbligata tuża ismijiet differenti iżda sempliċement tneħħi l-komponent tat-titolu “Fürstin von” mill-kunjom patronimiku “Sayn-Wittgenstein”, li jibqa’ l-istess; li anki jekk hija jkollha tbati xi inkonvenjenti, l-abolizzjoni tan-nobbiltà hija prinċipju kostituzzjonali ta’ importanza imperattiva fl-Awstrija, li jista’ jiġġustifika deroga minn libertà tat-Trattat; u li anki skont ir-regoli tal-Ġermanja, il-kunjom patronimiku tagħha kellu jiġi ddeterminat skont il-liġi Awstrijaka (konsegwentement, billi l-forma “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” ma hijiex permessa bil-liġi Awstrijaka, l-attribuzzjoni tagħha lir-rikorrenti kienet inkorretta anki mill-perspettiva tal-liġi Ġermaniża).

31.      Wara li qieset is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Grunkin u Paul, il-Verwaltungsgerichtshof tikkunsidra li kwalunkwe ostakolu għall‑moviment liberu tar-rikorrenti li jista’ jirriżulta mill-bdil tal-kunjom patronimiku tagħha jista’ madankollu jiġi ġġustifikat inkwantu bbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jkun proporzjonat għall-għan leġittimament imfittex mill-abolizzjoni tan-nobbiltà.

32.      Għalhekk hija tagħmel is-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 18 KE jipprekludi regola li tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jirrifjutaw milli jirrikonoxxu kunjom [patronimiku], li ġie ddefinit fi Stat Membru ieħor, ta’ tifla adottata (adulta) meta dan il-kunjom [patronimiku] jinkludi titolu ta’ nobbiltà li mhux aċċettat fl-ewwel Stat Membru (anki skont id-dritt kostituzzjonali ta’ dan l-Istat)?”

33.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-gvernijiet tal‑Ġermanja, tal-Italja, tal-Litwanja, tal-Awstrija u tas-Slovakkja, kif ukoll mill‑Kummissjoni. Fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010, saru sottomissjonijiet orali f’isem ir-rikorrenti, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni.

 Kunsiderazzjonijiet

34.      Għadd ta’ kwistjonijiet imqajma mid-domanda tal-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu ttrattati mingħajr kumplikazzjonijiet, għalkemm uħud minnhom taw lok għal fehmiet diverġenti fis-sottomissjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, kwistjonijiet oħra jidhru li huma iktar diffiċli, u fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jirrikjedu iktar tiftix tal-fatti jew tal-liġi (nazzjonali) qabel ma jkunu jistgħu finalment jissolvew. Fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet kollha, jiena se nimpenja ruħi nanalizza d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi tal-UE hekk kif għandhom jiġu applikati fid-diversi ipoteżi possibbli.

 Applikabbiltà tal-liġi tal-UE

35.      L-ewwel kwistjoni hija waħda li dwarha ma ġie espress ebda nuqqas ta’ qbil fis-sottomissjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa paċifiku li r-rikorrenti hija ċittadina ta’ Stat Membru u hija residenti u professjonalment attiva fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tagħha mhijiex purament interna għal Stat Membru wieħed, u ż-żewġ Stati għandhom jikkonformaw mal‑liġi tal-UE meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom bħalma hija dik li għandhom sabiex jistabbilixxu isimha. F’dak il-kuntest, ir-rikorrenti tista’ tinvoka bi prinċipju, kontra l-awtoritajiet tal-Awstrija, id-drittijiet u l-libertajiet mogħtija lilha mit-Trattat bħala ċittadina tal-Unjoni u bħala operatur ekonomiku, ċittadina ta’ Stat Membru stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li tipprovdi servizzi lil persuni fi Stat Membru wieħed jew iktar (30).

36.      Dan jimplika li għalkemm il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru hija l-unika liġi applikabbli sabiex jiġi stabbilit l-isem taċ-ċittadini tiegħu, hija għandha tikkonforma mal-liġi tal-UE meta tapplika dik il-liġi nazzjonali sabiex tibdel jew tikkoreġi entrata fir-reġistru tal-istat ċivili meta ċ-ċittadin inkwistjoni jkun ibbaża ruħu fuq dik l-entrata fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

 Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza

37.      Il-qorti tar-rinviju mhijiex qiegħda titlob indikazzjonijiet dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni, u fil-fatt tqis li din l-kwistjoni ma tqumx fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. L-istess fehma hija espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri kollha li ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

38.      Madankollu, ir-rikorrenti tara li hemm diskriminazzjoni minħabba ċ‑ċittadinanza li tirriżulta mir-regoli ta’ konflitt tal-Awstrija (31), inkwantu fil-każ li ċittadin Ġermaniż jadotta ċittadin Ġermaniż ieħor fl-Awstrija, il-liġi applikabbli għall-aspetti kollha tal-adozzjoni hija l-liġi Ġermaniża u l-persuna adottata tista’ b’hekk tikseb kunjom patronimiku li jinkludi elementi ta’ titolu li qabel kien tan-nobbiltà, iżda fil-każ li l-persuna adottata tkun ċittadina Awstijaka, l-isem jiġi stabbilit skont il‑liġi Awstrijaka u ma jkunx jista’ jinkiseb kunjom ta’ dak it-tip.

39.      Minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx f’dik is-sitwazzjoni, għaliex hija kienet adottata fil-Ġermanja, jiena ma nistax naqbel ma’ tali kunsiderazzjoni. Kif kien il-każ fil-kawża Grunkin u Paul, ir-regola ta’ konflitt Awstrijaka inkwistjoni (32) tirreferi fil-każijiet kollha għal-liġi sostantiva taċ-ċittadinanza tal‑persuna kkonċernata. Dik ir-regola lanqas ma hija b’xi mod f’kunflitt mar‑regola ekwivalenti fil-liġi Ġermaniża (33), li sostanzjalment tidher li hija identika. Tali regola, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Grunkin u Paul, tiddistingwi bejn l-individwi skont iċ-ċittadinanza tagħhom, iżda ma tiddiskriminax minħabba ċ-ċittadinanza. L-iskop tal-projbizzjoni ta’ tali diskriminazzjoni ma huwiex sabiex jitneħħew id-distinzjonijiet li neċessarjament jirriżultaw mill-fatt li persuna jkollha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u mhux ta’ ieħor, iżda sabiex tipprekludi differenzi ulterjuri fit-trattament li jkunu bbażati fuq iċ-ċittadinanza. F’dan il-każ, iċ-ċittadini kollha huma ttrattati skont il-liġi tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom.

 “Inkonvenjent serju”

40.      Fil-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk kienx hemm interferenza f’xi libertà tat-trattat f’każijiet simili, hija użat bħala kriterju l-livell ta’ inkonvenjent li tkun sofriet persuna minħabba li jkollha ismijiet differenti rreġistrati uffiċjalment fi Stati Membri differenti. Fil-kawża Konstantinidis, hija qieset li r-regoli tat-traskrizzjoni fir-reġistri tal-istat ċivili kienu inkompatibbli mal-garanzija tad-dritt tal-istabbiliment mogħti bit-trattat, jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli kienet twassal sabiex il-persuna li isimha ġie traskritt b’alfabett differenti jkollha “tali livell ta’ inkonvenjent li jinterferixxi mal-libertà tagħha” li teżerċita dak id-dritt. Dan kien il-każ meta l-ortografija riżultanti kienet timmodifika l-pronunzja tal-isem ta’ dik il-persuna u meta dan it-tagħwiġ kien jesponiha għar-riskju li klijenti potenzjali jitfixkluha ma’ ħaddieħor. Fil-kawżi García Avello u Grunkin u Paul, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod iktar ġenerali l-inkonvenjent serju li x’aktarx jirriżulta fi kwalunkwe ċirkustanza fejn ċittadin ikun rikjest jiġġustifika differenza fl-ismijiet f’dokumenti uffiċjali li jagħmlu riferiment għalih u li jkun jixtieq jinvoka.

41.      Diversi Stati Membri sostnew li r-rikorrenti mhux se jkollha tali inkonvenjent minħabba l-korrezzjoni tal-kunjom patronimiku tagħha fir-reġistri Awstrijaċi tal-istat ċivili. Minn naħa, hija mhux se jkun rikjest minnha li tuża kunjomijiet patronimiċi differenti fi Stati Membri differenti, billi l-entrata kkoreġuta fir-reġistri Awstrijaċi ssir minn dakinhar ’il quddiem awtentika fiċ-ċirkustanzi kollha. Min-naħa l-oħra, l-element ċentrali ta’ identifikazzjoni tal-kunjom patronimiku tagħha – “Sayn-Wittgenstein” – se jinżamm, sabiex ma tiġix konfuża l-identità tagħha, u se jitneħħa biss l-aġġuntiv mhux definitorju “Fürstin von”.

42.      Fir-rigward tal-ewwel argument, huwa minnu li t-tfal fil-kawżi García Avello u Grunkin u Paul kienu qed jiffaċċjaw il-possibbiltà li jgħixu ħajjithom kollha b’isimhom irreġistrat b’mod irrevokabbli f’forom konfliġġenti fir-reġistru tal-istat ċivili ta’ żewġ Stati Membri, li ma’ kull wieħed minnhom kellhom rabta mill-qrib sa minn twelidhom. B’kuntrast ma’ dan, jidher li isem ir-rikorrenti f’din il-kawża huwa rrekordjat fir-reġistri tal-istat ċivili tal-Awstrija biss, u li huma biss l-awtoritajiet Awstrijaċi li jistgħu joħorġulha dokumenti uffiċjali bħal passaporti jew ċertifikati taċ-ċittadinanza, b’tali mod li kwalunkwe bidla fir-reġistrazzjoni ta’ isimha f’dawn ir-reġistri ma għandha toħloq ebda kunflitt mar-reġistri miżmuma fi Stat Membru ieħor jew ma’ dokumenti uffiċjali maħruġa minnu.

43.      Jista’ jkun hemm bżonn li dik is-sitwazzjoni fattwali tiġi investigata iktar fid-dettall mill-qorti nazzjonali kompetenti qabel ma ssir il-konklużjoni finali. Għalkemm il-Gvern tal-Ġermanja ddikjara li ma jaf b’ebda entrata fir-reġistri Ġermaniżi tal-istat ċivili relatata mar-rikorrenti, fis-seduta l-avukat tagħha ddikjara li huwa kien “jemmen” li hija kienet miżżewġa u ddivorzjata fil‑Ġermanja. Jekk dak huwa l-każ, jista’ jkun hemm kunflitt bejn il-forom ta’ kif il-kunjom patronimiku tagħha huwa rrekordjat fil-Ġermanja u fl-Awstrija, u dan jista’ jwassal għal diffikultajiet f’każ li, pereżempju, hija tkun tixtieq terġa’ tiżżewweġ.

44.      Irrespettivament minn dak l-aspett, madankollu, jidher li hemm iktar ċertezza dwar il-fatt li r-rikorrenti inħarġitilha mill-inqas liċenzja tas-sewqan waħda u li rreġistrat kumpannija fil-Ġermanja, it-tnejn li huma bl-isem Ilonka Fürstin von Sayn‑Wittgenstein. Huwa plawżibbli li hija kienet obbligata tirreġistra ruħha quddiem l-awtoritajiet hemmhekk bħala residenta mhux Ġermaniża. Huwa probabbli li hija għandha rekord tas-sigurtà soċjali fil-Ġermanja, għal skopijiet tal‑assigurazzjoni tas-saħħa u tal-pensjoni. Minbarra dawn ir-rekords uffiċjali ta’ isimha, matul 15-il sena bejn l-ewwel reġistrazzjoni tal-kunjom patronimiku tagħha bħala “Fürstin von Sayn-Wittgenstein” fl-Awstrija u d-deċiżjoni li dan jiġi kkoreġut għal “Sayn‑Wittgenstein”, bla dubju hija fetħet kontijiet bankarji u għamlet kuntratti li għadhom fis-seħħ, bħalma huma poloz tal-assigurazzjoni, fil-Ġermanja. Fi ftit kliem, hija għexet għal ammont kunsiderevoli ta’ żmien fi Stat Membru b’isem partikolari, li ħalla ħafna traċċi ta’ natura formali fil-qasam pubbliku kif ukoll f’dak privat. Dan ma jista’ jitqies xejn għajr inkonvenjent serju inkwantu hija tkun obbligata tirranġa dawk it-traċċi kollha għaliex fil-karti tal-identità uffiċjali tagħha jkollha isem differenti. Anki jekk il-bdil, ladarba jsir, jelimina d-diskrepanzi futuri kollha, ir-rikorrenti x’aktarx għandha, u jkollha bżonn tipproduċi fil-futur, dokumenti maħruġa jew imħejjija qabel il-bdil li juru kunjom patronimiku differenti minn dak fuq id-dokumenti tal-identità (il-ġdida) tagħha.

45.      Jiena naqbel li jista’ jkun hemm bdil f’kunjom patronimiku f’diversi stadji fil-ħajja ta’ persuna (speċjalment jekk tkun mara) minħabba żwieġ u divorzju. Ir-rikorrenti f’din il-kawża fil-passat kellha l-kunjomijiet “Kerekes” u “Havel”, u setgħet esperjenzat (u għadha tesperjenza) inkonvenjent tat-tip deskritt, minħabba l-bdil minn “Kerekes” għal “Havel” u minn “Havel” għal “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein”. Madankollu, apparti l-fatt li ż-żwieġ u d-divorzju huma fihom infushom passi normalment meħuda intenzjonalment, kwalunkwe bdil fil‑kunjom patronimiku wara ż-żwieġ huwa, minn perspettiva legali, kwistjoni ta’ għażla libera tal-partijiet ikkonċernati fil-maġġoranza l-kbira tas-sistemi legali tal-UE (34). Huwa minnu li l-pressjonijiet soċjali jistgħu jirrestrinġu dik il-libertà tal-għażla, iżda l‑pressjonijiet soċjali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE jew tal‑liġi nazzjonali. Hemm differenza bejn persuna li ssofri inkonvenjenti minħabba għażla libera skont il-liġi (speċjalment għażla li tinvolvi bdil fil-kunjom patronimiku soċjalment aċċettabbli u saħansitra mistenni) u persuna li ssofri dawn l‑inkonvenjenti imposti fuqha minħabba l-operat tal-liġi (speċjalment jekk tista’ tingħata l-impressjoni li qed tiġi rrimedjata irregolarità mwettqa mill‑persuna kkonċernata).

46.      Aspett li forsi huwa iktar importanti jirrigwarda l-attività professjonali tar‑rikorrent. Kienu x’kienu l-motivazzjonijiet tagħha għal adozzjoni li permezz tagħha tingħata l-kunjom patronimiku “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein”, huwa probabbli ħafna li l-pussess ta’ tali isem, assoċjat ma’ antenati Irjali, huwa vantaġġ kunsiderevoli fl-attività professjonali tagħha (vantaġġ li minħabba fih hija eżerċitat il-libertà tagħha tal-istabbiliment u, apparentement, għadha teżerċita l-libertà tagħha li tipprovdi servizzi f’diversi Stati Membri) li taġixxi bħala intermedjarju fi trattativi relatati mal-proprjetà immobbli li jikkonċernaw kastelli u djar maestużi antiki (35).

47.      Fis-seduta, l-aġent tal-Gvern tal-Ġermanja sostna li għal skopijiet uffiċjali r-rikorrenti għandha żżomm il-kunjom patronimiku stabbilit bil-liġi taċ-ċittadinanza tagħha, iżda li ma huwiex illegali li hija tuża l-isem “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” fil‑ħajja ta’ kuljum. Madankollu, fil-fehma tiegħi, anki bis-suppożizzjoni li hija tista’ tibqa’ tuża dak l-isem għall-vantaġġ professjonali tagħha, probabbilment ikun hemm differenza sinjifikanti bejn l-użu tal-isem uffiċjalment rikonoxxut tagħha u l-użu ta’ dak li kieku jikkostitwixxi sempliċement psewdonimu jew isem kummerċjali, u li jista’ jiġi interpretat bħala impustura.

48.      Fir-rigward tat-tieni argument li jikkonċerna l-livell ta’ inkonvenjent, jiena nħossni mifxula bl-approċċ li ħadu ċerti Stati Membri, speċjalment kif deher li qiegħed jiġi ppreżentat mill-Gvern Ġermaniż fis-seduta (36). Jekk fil-liġi Ġermaniża “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” huwa kunjom patronimiku sħiħ li ma jinkludix titolu tan-nobbiltà jew prefiss fis-sens strett tal-kelma, u jista’ għalhekk jitqabbel ma’ kunjom patronimiku bħal “Fürstmann” jew “Vonwald” (li jinsabu t-tnejn li huma fid‑direttorju telefoniku tal-Ġermanja u tal-Awstrija), kif jista’ jingħad li parti minnu (Sayn‑Wittgenstein) huwa l-element ċentrali ta’ identifikazzjoni tal-isem filwaqt li l-parti l-oħra (Fürstin von) hija sempliċement aġġuntiv mhux definitorju? Kieku l-element “Fürstin von” kien tabilħaqq titolu tan-nobbiltà veru u proprju, li ma jiffurmax parti mill-kunjom patronimiku, il-kunsiderazzjoni kienet tkun differenti, iżda d-domanda preliminari mressqa f’din il-kawża ma kinitx ibbażata fuq dan.

49.      Fil-fehma tiegħi huwa ċar li billi “Fürstin von Sayn-Wittgenstein” huwa kunjom kompost wieħed, huwa kunjom patronimiku differenti minn “Sayn-Wittgenstein” (bħalma “Baron-Cohen” huwa kunjom differenti minn “Cohen”), u li l-konfużjoni u l-inkonvenjenti x’aktarx jinħolqu minn diskrepanza bejn iż-żewġ kunjomijiet applikati għall-istess persuna. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fis-seduta, filwaqt li l-isem “Fürstin von Sayn-Wittgenstein” jista’ jiġi analizzat b’mod partikolari mill-kelliema Ġermaniżi, dawk li ma humiex familjari mal‑lingwa jistgħu jqisuh mod ieħor. Pereżempju, kelliem Franċiż jista’ jqis li “Fürstin” f’dan l-isem huwa ekwivalenti għal “Giscard” f’“Giscard d’Estaing”, fejn “Giscard” normalment jitqies bħala l-element prinċipali, u jista’ jkun li xi ħadd familjari biss mal-lingwa Ċiniża ma jkunx kapaċi janalizza l-isem assolutament, bħalma ħafna mill-Ewropej ma humiex kapaċi jiddeterminaw jekk isem Ċiniż kompost minn diversi elementi fihx komponent ta’ onorefiċenza u jekk dak il-komponent huwiex titolu jew inkella isem li jkun ingħata.

50.      Għalhekk, jiena tal-fehma li l-livell ta’ inkonvenjent li persuna fil‑pożizzjoni tar-rikorrenti x’aktarx issofri minħabba l-korrezzjoni tal-kunjom patronimiku tagħha jista’ jitqabbel ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għalih fis‑sentenzi Konstantinidis, García Avello u Grunkin u Paul.

 Analiżi tal-konsegwenzi legali tal-bdil tal-isem

51.      Għalkemm il-konsegwenzi legali, jekk ikun hemm, li jirriżultaw mid‑deċiżjoni supplimentari tal-Kreisgericht Worbis, li biha jingħata l-kunjom il‑ġdid tat-twelid tar-rikorrenti “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein”, huma kwistjoni tal-liġi Ġermaniża u/jew Awstrijaka u ma jistgħux jiġu stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja, id-domanda tal-Verwaltungsgerichtshof ma tistax titwieġeb kif xieraq mingħajr ma jsir riferiment għal dawk il-konsegwenzi. Għalhekk jeħtieġ jiġi kkunsidrat x’jistgħu jkunu dawn il-konsegwenzi.

52.      B’mod partikolari, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Awstrijak enfasizzaw dik li huma jqisu bħala d-differenza ewlenija bejn is-sitwazzjoni f’din il-kawża u dik fil-kawżi García Avello u Grunkin u Paul. Dawn il-kawżi (u sa ċertu punt anki l‑kawża Konstantinidis) kienu jinvolvu rifjut tar-rikonoxximent, fi Stat Membru, ta’ isem f’forma rreġistrata kif xieraq mill-awtoritajiet tal-istat ċivili ta’ Stat Membru ieħor fl-eżerċizzju tagħhom ta’ kompetenza skont il-liġi. Għall-kuntrarju ta’ dan, hawnhekk jidher li l-Kreisgericht Worbis ma kinitx kompetenti, la skont il-liġi Ġermaniża u lanqas dik Awstrijaka, sabiex tistabbilixxi l-kunjom patronimiku tar-rikorrenti bil-mod kif stabbilietu, peress li l-kunjom li fil-fatt tat ma kienx permess għal żewġ raġunijiet (l-inklużjoni ta’ titolu li kien tan-nobbiltà bil-prefiss “von”, u l-użu ta’ forma femminili) fil-liġi Awstrijaka, li kienet il-liġi sostantiva indikata mir-regoli ta’ konflitt kemm tal-Awstrija kif ukoll tal-Ġermanja. Għalhekk, ir‑reġistrazzjoni kkoreġuta fl-Awstrija ma tikkonċernax kunjom mogħti legalment fi Stat Membru ieħor, iżda kunjom patronimiku mogħti bi żball, l-ewwel mill-Kreisgericht Worbis u mbagħad mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Awstrija.

53.      Kif diġà indikajt, ma hijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprova tistabbilixxi l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, nosserva li l‑pożizzjoni li għadni kemm iddeskrivejt, li hija dik imressqa mill-Gvernijiet tal‑Ġermanja u tal-Awstrija, ma hijiex espressa b’mod daqstant ċar u mingħajr ambigwità fid-digriet tar-rinviju, u li ċertu elementi jistgħu jindikaw li din ma hijiex rappreżentazzjoni sħiħa u preċiża. Ir-risposta tal-awtoritajiet tal-Awstrija għall‑kwestjonarju tal-ICCS f’Marzu 2000 (37) tagħti x’tifhem li dak iż-żmien, u fil‑fehma tagħhom, il-liġi Awstrijaka kienet tqis li l-isem ta’ persuna adottata kellu jiġi stabbilit skont il-liġi taċ-ċittadinanza tal-parti li tadotta (u fid-dawl tal-fatt li l‑liġi Ġermaniża ma jidhirx li għamlet riferiment għal-liġi taċ-ċittadinanza tal‑persuna adottata, dan seta’ qajjem kwistjonijiet ta’ renvoi). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza pjuttost konfliġġenti tal-Awstrija li sar riferiment għaliha (38) tissuġġerixxi li seta’ ma kienx ċar qabel l-2003 jekk persuna Awstrijaka adottata minn persuna Ġermaniża setgħetx tieħu kunjom patronimiku din tal-aħħar (tal-anqas fil-forma tal-parti li tadotta) anki jekk kien jinkludi elementi pprojbiti skont il-liġi Awstrijaka.

54.      Jiena ma nazzarda nesprimi ebda opinjoni dwar dawn il-kwistjonijiet ħlief li, għall-benefiċċju tal-ordni, jidher li hemm bżonn jiġu kkunsidrati tliet ipoteżi (kollha bbażati fuq il-premessa li ż-żewġ settijiet ta’ regoli jagħmlu riferiment għal-liġi taċ-ċittadinanza tal-persuna adottata): (i) li l-kunjom patronimiku mogħti bid‑deċiżjoni supplimentari tal-Kreisgericht Worbis minn dejjem kien legali skont il-liġi kemm tal-Ġermanja kif ukoll tal-Awstrija; (ii) li għalkemm seta’ kien meqjus legali dak iż-żmien, il-ġurisprudenza sussegwenti wriet li ma kienx; u (iii) li qatt ma kien legali mill-perspettiva taż-żewġ sistemi legali.

55.      L-ewwel ipoteżi tikkonċerna sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik fil‑kawża Grunkin u Paul. F’dak il-każ, ċittadin tal-Unjoni, li kellu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed biss, twieled u minn dejjem irrisjeda fi Stat Membru ieħor, fejn kunjomu patronimiku ġie stabbilit u rreġistrat skont il-liġijiet tiegħu. Fil-każ tar‑rikorrenti, ċittadina tal-Unjoni, li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed biss, hija ġiet adottata u minn dakinhar ’il quddiem kienet tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, fejn il-kunjom patronimiku tagħha ġie stabbilit skont il-liġijiet tiegħu. Huwa minnu li t-twelid u l-adozzjoni ma humiex l-istess ħaġa (għalkemm jekk wieħed juża l‑immaġinazzjoni, l-adozzjoni tista’ tiġi deskritta bħala twelid mill-ġdid f’familja ġdida, u anki fil-livell strettament legali, iż-żewġ kunċetti jevokaw ħafna drittijiet, obbligi u konsegwenzi identiċi) u li l-kunjom patronimiku tar-rikorrenti għalhekk ma ddaħħalx fir-reġistri tal-istat ċivili tal-Ġermanja (għalkemm seta’ ġie sussegwentement irrekordjat f’għadd ta’ reġistri xi ftit jew wisq uffiċjali). Madankollu, jiena nqis li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma suffiċjentement simili sabiex inkun nista’ nikkonkludi li, l-istess bħal fil-kawża Grunkin u Paul, l-Artikolu 18 KE jipprekludi li l-awtoritajiet Awstrijaċi jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom patronimiku stabbilit fil-Ġermanja f’din l-ipoteżi – sakemm ir-rifjut tagħhom ma jkunx ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jkun proporzjonat għall-għan leġittimament imfittex.

56.      It-tieni ipoteżi tikkonċerna sitwazzjoni differenti inkwantu l-istabbiliment tal-kunjom patronimiku skont il-liġi Ġermaniża kien meqjus legali dak iż-żmien, għalkemm iktar tard intwera li ma kienx. Bis-suppożizzjoni li l-istabbiliment tal-isem sar mill-qorti tal-Ġermanja u l-kunjom patronimiku ġie rreġistrat mill-awtoritajiet tal-Awstrija bil‑konvinzjoni ġenwina u plawżibbli li dan kien l-approċċ legalment korrett, u li r-rikorrenti applikat għall-istabbiliment u r-reġistrazzjoni b’intenzjonijiet ġenwini, fil-fehma tiegħi għandu jintuża l-istess approċċ bħal dak fl-ewwel ipoteżi. Għalkemm sentenzi ġudizzjarji sussegwenti li jiċċaraw il-pożizzjoni legali jistgħu, b’mod ġustifikat, ikollhom effett retroattiv (ex tunc), ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu l-possibbiltà li jinvoka, f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑liġi tal-UE, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li huwa prinċipju fundamentali ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, anki f’din l-ipoteżi, l-Artikolu 18 KE jipprekludi li l-awtoritajiet Awstrijaċi jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom patronimiku stabbilit fil-Ġermanja, sakemm ir-rifjut tagħhom ma jkunx ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jkun proporzjonat għall-għan leġittimament imfittex.

57.      It-tielet ipoteżi, li dwarha l-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Awstrijak jaqblu, ma tistax tiġi analizzata faċilment bl-istess mod. F’din l-ipoteżi, il-liġi kienet ċara, iżda ġiet applikata inkorrettament darbtejn (l-ewwel minn qorti Ġermaniża u sussegwentement mill-uffiċċju tar-reġistazzjoni Awstrijak) bi żball jew b’injoranza. Madankollu, ma jistax ikun hemm aspettattivi leġittimi sabiex tinżamm sitwazzjoni kuntrarja għal-leġiżlazzjoni espliċita. Minkejja dan, din is‑sitwazzjoni illegali kienet permessa (mill-awtoritajiet Awstrijaċi – ma kinitx kwistjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi) għall-perijodu ta’ 15-il sena, li matulhom din is-sitwazzjoni ġiet ikkonfermata bil-ħruġ ta’ mill-inqas passaport wieħed u żewġ ċertifikati taċ-ċittadinanza. Sat-tmiem dak il-perijodu, il-korrezzjoni tal-kunjom patronimiku tar-rikorrenti ċertament kienet se toħolqilha inkonvenjenti serji. Ma jistax jiġi miċħud li l-awtoritajiet rilevanti għandu jkollhom id-dritt jikkoreġu żbalji li jsibu fir-reġistri tal-istat ċivili. Madankollu, minħabba li għadda ż-żmien u minħabba l‑livell ta’ inkonvenjent li inevitabbilment ġie kkawżat, għandhom jitqajmu mistoqsijiet relatati mal-proporzjonalità. Mingħajr ebda dubju, il-korrezzjoni (skont il-liġi) hija interferenza fil-ħajja privata tar-rikorrenti. Tista’ tkun iġġustifikata? Kieku s-sitwazzjoni kienet purament interna, kien ikollha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-liġi nazzjonali, b’riferiment għall-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Iżda billi tikkonċerna ċittadina ta’ Stat Membru legalment residenti u ekonomikament attiva fi Stat Membru ieħor, din is-sitwazzjoni għandha tiġi kkunsidrata wkoll fid-dawl tal-liġi tal-UE.

58.      Jiena għalhekk wasalt għall-konklużjoni li indipendentement mill-analiżi tas-sitwazzjoni legali f’din il-kawża, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk il-korrezzjoni inkwistjoni hijiex iġġustifikata minn għan leġittimament imfittex u jekk hijiex proporzjonata sabiex jintlaħaq dan l-għan.

 Ġustifikazzjoni

59.      Jidher li huwa ċar li l-abolizzjoni tan-nobbiltà, u tal-privileġġi u t-titoli relatati magħha, huwa għan leġittimu ta’ repubblika stabbilita reċentement – bħall-Awstrija fl-1919 – ibbażata fuq l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha u li qiegħdha tiġġieled sabiex tirkupra mir-rovina ta’ imperu li kien iddominat minn klassijiet privileġġati.

60.      Dan ma jfissirx li huwa għan neċessarju, li għandu jiġi mfittex li jintlaħaq mill-Istati Membri kollha kemm huma. Iż-żamma, l-abolizzjoni jew saħansitra l‑ħolqien ta’ sistema tan-nobbiltà, ereditarja jew ta’ xorta oħra, jew ta’ unuri, titoli jew privileġġi sekulari oħra, huma kwistjoni ta’ kull Stat Membru għalih, sakemm dan ma jmurx kontra l-liġi tal-Unjoni – pereżempju, il-prinċipji u r-regoli li jikkonċernaw it-trattament ugwali – skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.

61.      Jiena tal-opinjoni wkoll li huwa leġittimu għal repubblika bħal din li tkun tixtieq ikollha protezzjoni qawwija kontra l-apparizzjoni mill-ġdid ta’ kasti privileġġati li l-abolizzjoni tagħhom kien l-għan ewlieni, u li jista’ legalment jiġi stabbilit bħala prinċipju kostituzzjonali.

62.      Lanqas ma jidher li huwa sproporzjonat, bħala regola ġenerali, li tali Stat ifittex li jiżgura li jintlaħaq dak l-għan billi jipprojbixxi l-akkwist, il-pussess u l‑użu min-naħa taċ-ċittadini tiegħu ta’ titolu jew status tan-nobbiltà, jew ta’ deżinjazzjoni li tista’ twassal sabiex jinftiehem li l-persuna inkwistjoni għandha tali onorefiċenza.

63.      Madankollu, projbizzjoni ta’ dak it-tip tista’ tidher bħala sproporzjonata fil‑każ li taffettwa l-ismijiet li, għalkemm jistgħu jirreferu għal titolu tan-nobbiltà, ma joriġinawx minnu u ma humiex meqjusa bħala tali. Diġà ċċitajt l-ismijiet “Fürstmann” u “Vonwald”, li jinsabu fid-direttorju telefoniku tal-Awstrija. Jidher ukoll li kunjomijiet patronimiċi sempliċi bħal “Graf” (li t-tifsira litterali tiegħu hija “konti”’) u “Herzog” (“duka”), li l-oriġini tagħhom probabbilment ma hijiex nobbli u li jitqiesu bħala kunjomijiet patronimiċi sempliċi, jistgħu jintużaw minn ċittadini Awstrijaċi (39). Jekk dan huwa l-każ, u jekk dan japplika wkoll għall-akkwist ta’ ismijiet paragunabbli f’lingwi oħra (bħal “Baron”, “Lecomte”, “Leprince” jew “King”), il-projbizzjoni ma tidhirx li hija sproporzjonata f’dak ir-rigward. F’dawk iċ-ċirkustanzi, projbizzjoni ristretta għall-akkwist ta’ kunjomijiet patronimiċi bħal “Fürst (jew Fürstin) von Sayn‑Wittgenstein”, fejn huwa ċar li joriġinaw minn titoli tan-nobbiltà vera u proprji u jistgħu jinftiehmu bħala tali, ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak neċessarju sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l-għan kostituzzjonali fundamentali.

64.      Madankollu, tista’ din il-ġustifikazzjoni tapplika f’sitwazzjoni bħal ma hija dik fil-kawżi García Avello jew Grunkin u Paul, jiġifieri, meta l-kunjom patronimiku ikun stabbilit legalment bil-liġi ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-persuna kkonċernata jkollha rabta partikolarment mill-qrib, bħaċ-ċittadinanza, jew it-twelid u r‑residenza?

65.      Jiena nissuġġerixxi li – abbażi ta’ dispożizzjoni kostituzzjonali fundamentali bħalma hemm fis-sitwazzjoni attwali – il-ġustifikazzjoni għandha tiġi aċċettata bħala valida f’tali każ, sabiex l-awtoritajiet Awstrijaċi jkunu jistgħu, bi prinċipju, jirrifjutaw legalment li jdaħħlu l-kunjom patronimiku inkwistjoni fir-reġistri tal‑istat ċivili tagħhom jew fi kwalunkwe dokument uffiċjali u jipprojbixxu lill‑persuna kkonċernata milli tużah fl-Awstrija.

66.      Madankollu, sakemm dan l-isem jibqa’ kunjom patronimiku leġittimu – u possibbilment anki obbligatorju – fi Stat Membru ieħor li miegħu ċ-ċittadina Awstrijaka għandha rabtiet mill-qrib, ikun jidher sproporzjonat ir-rifjut li tiġi rikonoxxuta saħansitra l‑eżistenza tiegħu bħala kunjom relatat mal-istess persuna. Għalhekk huwa neċessarju li jitnaqqas l-effett tal-miżura bi kwalunkwe mezz possibbli li jista’ jtaffi bl-aħjar mod l-inkonvenjenti serji li dik il-persuna x’aktarx ikollha tbati jekk dan ma jsirx. Waħda mill-possibbiltajiet hija li l-awtoritajiet Awstrijaċi joħorġu dokument simili għaċ-“ċertifikat ta’ kunjomijiet differenti”, kif ipprovdut mill‑ICCS (40), li jirrikonoxxi li l-persuna kkonċernata, għalkemm għandha dritt li jkollha isem partikolari unikament bħala ċittadina Awstrijaka, xorta hija rreġistrata legalment b’isem differenti fi Stat Membru ieħor.

67.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jikkonċernaw dik li tista’ tissejjaħ sitwazzjoni “normali”, fejn il-kwistjonijiet huma ċari mill-bidu. Pereżempju, fil‑kawża García Avello, il-kunjom patronimiku tal-ulied kien irrekordjat mill-bidu f’forom differenti fir-reġistri tal-istat ċivili ta’ żewġ Stati Membri (il-Belġju u Spanja) li huma ċittadini tagħhom; fil-kawża Grunkin u Paul, l-awtoritajiet Ġermaniżi għamluha ċara mill-bidu li ma kinux se jirreġistraw il-kunjom tal-wild fil-forma li kien irreġistrat biha fid-Danimarka. Madankollu, f’din il-kawża, jidhirli li l‑perijodu ta’ 15‑il sena li matulhom ir-rikorrenti baqgħet uffiċjalment irreġistrata fl-Awstrija, u li fih inħarġulha d-dokumenti tal-identità bil-kunjom patronimiku “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein”, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi kkunsidrata l-proporzjonalità tad-deċiżjoni li jiġi kkoreġut dak il-kunjom.

68.      Id-deċiżjoni finali dwar il-proporzjonalità għandha tkun tal-qorti nazzjonali kompetenti – fil-fatt hemm għadd ta’ kwistjonijiet legali u fattwali li jista’ jkun hemm bżonn jiġu vverifikati. Jekk, pereżempju, jiġi stabbilit li l-pożizzjoni legali fl-1992 kienet tali li r-rikorrenti, il-qorti Ġermaniża u l-awtoritajiet Awstrijaċi setgħu jkunu ġġustifikati jemmnu li l-kunjom patronimiku tar-rikorrenti kellu jiġi stabbilit bil‑liġi Ġermaniża biss, f’dak il-każ, korrezzjoni 15-il sena wara tidher tassew sproporzjonata. Jekk min-naħa l-oħra jirriżulta li r-rikorrenti kienet aġixxiet b’intenzjoni ħażina billi fittxet li tiġi rreġistrata b’kunjom patronimiku li kienet taf li ma kellhiex dritt għalih, jew li b’xi mod qarrqet bi kwalunkwe awtorità inkwistjoni, f’dak il-każ il-korrezzjoni tista’ tidher miżura ġusta u proporzjonata. F’kull każ, it‑tul tal-perijodu inkwistjoni u l-użu uffiċjali u professjonali tal-isem “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” min-naħa tar-rikorrenti huma neċessarjament fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni.

 L-użu tal-forma “Fürstin”

69.      Kwistjoni finali li tqajmet fis-sottomissjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li dwarha kien hemm ftit informazzjoni fir-rigward tal‑pożizzjoni legali preċiża fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati u ftit argumenti ta’ ġustifikazzjoni, hija dik tad-differenza (manifesta) bejn id-dispożizzjonijiet tal‑Ġermanja u dawk tal-Awstrija fir-rigward tal-possibbiltà li ssir differenza bejn il-forma maskili u dik femminili ta’ kunjom patronimiku.

70.      Peress li din hija kwistjoni li jista’ jkollha konsegwenzi fuq is-sistemi tal‑għoti tal-isem ta’ għadd ta’ Stati Membri (il-Gvern Litwan iddefenda bil‑qawwa s-sistema patronimika tiegħu tal-għoti tal-ismijiet differenzjati, stabbilita bħala valur kostituzzjonali, filwaqt li matul is-seduta tqajmet il-kwistjoni tal-kunjomijiet differenzjati fl-Irlanda), u billi tressqu ftit argumenti dwar dan il-punt, jiena tal‑opinjoni li huwa biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika li dispożizzjoni bħal dik li tidher li tapplika fl-Awstrija ma tistax, prima facie, tiġġustifika interferenza fid-drittijiet ta’ ċittadin għal moviment liberu u għal residenza libera jekk ma tkunx ibbażata fuq prinċipju kostituzzjonali jew kunsiderazzjoni oħra ta’ ordni pubbliku.

 Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb id-domanda preliminari mressqa mill‑Verwaltungsgerichtshof b’dan il-mod:

Anki jekk il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru hija l-unika liġi applikabbli sabiex jiġi stabbilit l-isem ta’ ċittadin tiegħu, hija għandha tikkonforma mal-liġi tal‑Unjoni Ewropea meta tapplika dik il-liġi nazzjonali sabiex tibdel jew tikkoreġi entrata f’reġistru tal-istat ċivili, meta ċ-ċittadin inkwistjoni jkun ibbaża ruħu fuq dik l-entrata fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

Dispożizzjoni li għandha status kostituzzjonali fi Stat Membru, ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet fundamentali tal-ordni pubbliku bħall-ugwaljanza taċ-ċittadini u l-abolizzjoni ta’ privileġġi tista’, bi prinċipju, tiġġustifika projbizzjoni fuq l‑akkwist, il-pussess jew l-użu min-naħa taċ-ċittadini tiegħu, ta’ titolu jew status tan-nobbiltà jew ta’ deżinjazzjoni li tista’ twassal sabiex jinftiehem li l-persuna inkwistjoni għandha tali onorefiċenza, anki jekk il-projbizzjoni tista’ tikkawża inkonvenjent lil tali persuna li teżerċita d-dritt tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni li tmur minn post għal ieħor u li toqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, sakemm jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità u b’mod partikolari sakemm

(a)      il-projbizzjoni ma tiġix estiża għall-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ ismijiet li normalment ma jiġux interpretati b’dak il-mod u

(b)      l-Istat Membru inkwistjoni ma jirrifjutax li jirrikonoxxi li ċittadin jista’ jkun magħruf legalment fi Stati Membri oħra b’isem ieħor li mhuwiex permissibbli bil-liġi tiegħu, u jgħin lil tali ċittadin fil-ħidma tiegħu sabiex jegħleb l-ostakoli kollha li jistgħu jitfaċċaw minħabba din id-diskrepanza.

Meta japplikaw tali dispożizzjoni sabiex jibdlu jew jikkoreġu entrata partikolari fir-reġistri, l-Istati Membri għal darba oħra għandhom jikkunsidraw il-prinċipju tal-proporzjonalità, li jobbligahom jikkunsidraw tali fatturi bħalma huma kwalunkwe aspettattiva leġittima li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tagħhom stess setgħu wasslu liċ-ċittadini sabiex ikollhom, it-tul ta’ żmien li matulu l-isem seta’ jintuża mingħajr kontestazzjoni min-naħa ta’ dawk l-awtoritajiet u l-interess personali u professjonali li ċ-ċittadin jista’ jkollu jekk jibqa’ juża isem preċedentement rikonoxxut.

Projbizzjoni fuq l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ isem f’forma li tvarja skont is‑sess tal-persuna kkonċernata bi prinċipju ma tistax, sakemm ma tkunx ibbażata fuq prinċipju kostituzzjonali fundamentali jew fuq kunsiderazzjoni oħra ta’ ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat, tiġġustifika bdil jew korrezzjoni ta’ entrata f’reġistru tal-istat ċivili f’każ li ċ-ċittadin inkwistjoni jkun ibbaża ruħu fuq dik l‑entrata fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Huwa paċifiku li l-adozzjoni ma kellha ebda effett fuq iċ-ċittadinanza Awstrijaka tagħha.


3 – [Nota li ma tapplikax għall-verżjoni Maltija tal-konklużjonijiet preżenti].


4 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2008 (C‑353/06, Ġabra p. I–7639).


5 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u rratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.


6 – Sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑22 ta’ Frar 1994, Burghartz vs L‑Isvizzera,(Serje A Nru 280-B, p. 28, punt 24); u tal‑25 ta’ Novembru 1994, Stjerna vs Il‑Finlandja (Serje A Nru 299-A, p. 60, punt 37).


7 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑11 ta’ Settembru 2007, Bulgakov vs l-Ukraina (rikors Nru 59894/00, punt 43 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


8 –      It-Trattat KE huwa ċċitat hekk kif kien fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju. It-test fil‑parentesi kwadri jindika l-modifiki li saru bit-Trattat ta’ Lisbona u li ġew inkorporati fit‑Trattat Dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).


9 – Ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000 C 364, p. 1). Verżjoni aġġornata ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Novembru 2007, wara li tneħħew ir-referenzi għall-Kostituzzjoni Ewropea (ĠU 2007 C 303, p. 1); il-verżjoni konsolidata l-iktar reċenti – ta’ wara Lisbona – ġiet ippubblikata fil-ĠU 2010 C 83, p. 389.


10 – ĠU 2007, C 303, punt 17, f‘p. 20.


11 – Sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993 (C‑168/91, Ġabra p. I‑1191).


12 – Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003 (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613).


13 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.


14 – Dan is-sommarju ġie adattat mis-sentenza fil-kawża Grunkin u Paul, punti 16 sa 18, 23 sa 28, 29, 36 u 38.


15 – Gesetz vom 3. April 1919 über die Aufhebung des Adels, der weltlichen Ritter- und Damenorden und gewisser Titel und Würden (Adelsaufhebungsgesetz).


16 – Bundes-Verfassungsgesetz (B-VG).


17 – Vollzugsanweisung des Staatsamtes für Inneres und Unterricht und des Staatsamtes für Justiz, im Einvernehmen mit den beteiligten Staatsämtern vom 18. April 1919, über die Aufhebung des Adels und gewisser Titel und Würden.


18 – Ara l-punt 1 iktar ’il fuq u l-punti 21 u 27 iktar ’l isfel.


19 – Bundesgesetz vom 15. Juni 1978 über das internationale Privatrecht (IPR-Gesetz).


20 – “Loi applicable à la détermination du nom”, disponibbli fi http://www.ciec1.org/Documentation/LoiApplicablealaDeterminationduNom.pdf.


21 – Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (ABGB).


22 – Bundesgesetz vom 19. Jänner 1983 über die Regelung der Personenstandsangelegenheiten einschließlich des Matrikenwesens (Personenstandsgesetz – PStG).


23 – Verfassung des Deutschen Reichs vom 11. August 1919 (VDR).


24 – Grundgesetz (GG).


25 – Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (EGBGB).


26 – Il-punt 18 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.


27 – Il-kontradizzjoni manifesta bejn l-ewwel żewġ sentenzi jidher li hija dovuta għal użu ambigwu tal-frażi “pajjiż tal-orġini” sabiex tfisser “pajjiż taċ-ċittadinanza (aħħarija)”, ibbażat fuq is‑suppożizzjoni li l-adozzjoni tista’ tinvolvi, għalkemm mhux dejjem, bidla taċ-ċittadinanza. Ir‑rapport tal-ICCS huwa disponibbli biss bil-Franċiż, u għalhekk mhux possibbli jkun magħruf x’termini fil-fatt intużaw mill-awtoritajiet Ġermaniżi fir-risposta tagħhom għall‑kwestjonarju.


28 – Bürgerliches Gesetzbuch (BGB).


29 – Kawża B 557/03. Il-kunjom patronimiku inkwistjoni kien Prinz von Sachsen-Coburg und Gotha, Herzog zu Sachsen (tradott bħala “Prinċep ta’ Saxe-Coburg u Gotha, Duka tas-Sassonja”).


30 – Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


31 – Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


32 – Artikolu 13(1) tal-IPR-Gesetz; ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


33 – Artikolu 10(1) tal-EGBGB; ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


34 – Ara “Facilitating Life Events, Part I: Country Reports” tar-rapport finali mħejji għall‑Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2008 minn von Freyhold, Vial & Partner Consultants, li jikkonċerna studju komparattiv dwar il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-istat ċivili, id‑diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ żona Ewropea ta’ ġustizzja fi kwistjonijiet ċivili u l-għażliet disponibbli sabiex dawn il-problemi jissolvew u tiġi ffaċilitata ħajjet iċ-ċittadini. Skont dak ir-rapport, l‑uniċi eċċezzjonijiet għal-libertà ta’ mara miżżewġa li żżomm il-kunjom patronimiku tagħha jidhru li jinsabu fl‑Italja, fejn hija għandha żżid kunjom żewġha ma’ tagħha, u fil-komunità Torka f’Ċipru, fejn hija għandha tieħu kunjom żewġha. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri jipprekludu l-użu tal-kunjom tal-ex konjuġi wara d-divorzju, sakemm ma tiġix ipprovata raġuni valida.


35 – Għalkemm iċ-ċirkustanzi tal-każ huma pjuttost differenti, jiena ninnota li f’waħda mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu, iċċitata ta’ spiss, sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1993, Dieter Kraus vs Land Baden-Württemberg (C‑19/92, Ġabra p. I‑1663 – sentenza li ngħatat l-għada ta’ dik fil-kawża Konstantinidis), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi kunsiderevoli fuq il-fatt li l-pussess tat-titolu akkademiku inkwistjoni kien vantaġġ kemm għad-dħul fi professjoni kif ukoll għas-suċċess fiha (ara l-punt 18 et seq ta’ dik is-sentenza).


36 – F’risposta bil-miktub għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż madankollu stqarr li l-elementi “Fürstin von” u “Sayn‑Wittgenstein” għandhom l-istess valur fil‑kunjom ġenerali.


37 – Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.


38 – Ara l-punti 16 u 27 iktar ’il fuq.


39 – Stephanie Graf, pereżempju, hija atleta Awstrijaka (li tikkompeti fi tlielaq ta’ distanza medja) li rrappreżentat lill-pajjiżha kemm fil-Logħob Olimpiċi tas-sena 2000 kif ukoll fil-Kampjonat Dinji tal-Atletika tal-2001, filwaqt li Andreas Herzog huwa plejer tal-futbol Awstrijak li kien jilgħab fit-tim nazzjonali bejn l-1988 u l-2003.


40 – Il-Konvenzjoni ICCS Nru 21 dwar il-kwistjoni ta’ ċertifikat ta’ kunjomijiet differenti, iffirmata f’Den Haag, fit-8 ta’ Settembru 1982. L-Awstrija ma hijiex waħda mill-partijiet f’dik il‑konvenzjoni (sa issa, mill-Istati Membri kollha, ġiet irratifikata biss minn Spanja, Franza, l‑Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi), iżda dan ma jwaqqafhiex milli toħroġ dokument ta’ natura simili għall-benefiċċju ta’ dawk iċ-ċittadini li jiġu affettwati.