Language of document : ECLI:EU:T:2006:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

10 ta' Lulju 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali LA BARONNIE – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti BARONIA – Prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell – Ammissibbiltà – Portata ta' l-eżami magħmul mill-Bord ta' l-Appell – Artikoli 62 u 74 tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑323/03,

La Baronia de Turis, Cooperativa Valenciana, stabbilita f'Turís (Spanja), irrappreżentata minn J. Carreño Moreno, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Petrequin u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Baron Philippe de Rothschild SA, stabbilita f'Pauillac (Franza), irrappreżentata minn K. Manhaeve, avocat,

li għandha bħala suġġett appell mid-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, tad-9 ta' Lulju 2003 (Każ R 57/2003-2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn La Baronia de Turis, Cooperativa Valenciana u Baron Philippe de Rothschild SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 59, l-Artikolu 62(1) u l-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat, jipprovdu li:

"Artikolu 59

Terminu u forma ta’ l-appell

[Sabiex jitressaq appell quddiem il-Bord ta' l-Appell] [g]ħandha tiġi preżentata notifika ta’ l-appell bil-miktub lill-Uffiċċju [għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni)] fi żmien xagħrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata ta’ l-appell ikun ġie mħallas. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew il-raġunijiet ta’ l-appell.

[...]

Artikolu 62

Deċiżjonijiet dwar appelli

1.      Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-[mertu] ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

[...]

Artikolu 74

L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess

1.      Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.       L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux [invokati jew] [ip]preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fis-26 ta' Jannar 2001, Baron Philippe de Rothschild SA (aktar 'il quddiem "l-intervenjenti") ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament Nru 40/94.

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali LA BARONNIE. Fit-23 ta' Lulju 2001, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin ta' Trade Marks Komunitarji.

4        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark jaqgħu fil-klassi 33 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade Marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "xarbiet alkoħoliċi (minbarra birer)".

5        Fit-2 ta' Ottubru 2001, La Baronia de Turis, Cooperativa Valenciana ppreżentat oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba. L-oppożizzjoni kienet tikkonċerna l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

6        Il-motiv li fuqu kienet ibbażata l-oppożizzjoni kienet l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark mitluba u trade mark preċedenti li tagħha r-rikorrenti hija l-proprjetarja. It-trade mark preċedenti in kwistjoni hija t-trade mark verbali BARONIA, irreġistrata fi Spanja fit-3 ta' Novembru 1976 bin-numru 699.163/7. Il-prodotti li fir-rigward tagħhom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata jaqgħu fil-klassi 33 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "kull tip ta' nbid".

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti invokat ukoll, taħt l-intestatura 99, intitolata "Spjegazzjoni tal-motivi", tal-formola ta' oppożizzjoni, drittijiet esklużivi marbutin ma' l-isem kummerċjali tagħha La Baronia de Turis, Coop. V. Minn naħa l-oħra, l-intestaturi 82 sa 85 u 97 tal-formola ta' oppożizzjoni, li permezz tagħhom il-persuna li tkun qiegħda tagħmel l-oppożizzjoni tista' tinvoka l-eżistenza ta' sinjal preċedenti użat fil-kummerċ bħala bażi ġuridika għall-oppożizzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, tħallew vojta mir-rikorrenti.

8        Fit-28 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dokumenti intiżi sabiex jippruvaw l-użu tat-trade mark preċedenti, jiġifieri: ċertifikat ta' medalja tad-deheb fl-eżibizzjoni internazzjonali ta' Barċellona fl-1929, kopja ta' biljett ta' lotterija ta' l-1946, erba' kopji ta' tikketti mingħajr data, ħames kampjuni ta' tikketti, fosthom waħda bid-data tas-sena 2000, żewġ kopji ta' tikketti ta' l-1929, opuskulu fuq l-inbejjed BARONIA, żewġ kopji ta' ritratt pubbliċitarju użat fuq il-karozzi tal-linja fi Spanja fl-1984, kopja mingħajr data ta' ritratt ta' fliexken ta' l-inbid, kopja mingħajr data ta' artikolu dwar l-inbid u kopja mingħajr data ta' tikketti ta' fliexken ta' l-inbid.

9        Permezz ta' ittra tal-5 ta' Lulju 2002, indirizzata lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI, l-intervenjenti talbet, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li r-rikorrenti tiġi mitluba tressaq il-prova ta' użu tat-trade mark preċedenti li fir-rigward tagħha saret l-oppożizzjoni. Fl-ittra tagħha, l-intervenjenti ppreċiżat li:

"Aħna qegħdin nitolbu li min għamel l-oppożizzjoni jressaq il-prova ta' l-użu tat-trade mark invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni matul l-aħħar ħames snin. Id-dokumenti ppreżentati minnha fl-4 ta' April 2002 ma jippruvawx użu effettiv u ma jġibux id-dati tal-perijodu kkonċernat."

10      Fid-9 ta' Lulju 2002, l-UASI talab lir-rikorrenti sabiex tressaq din il-prova qabel l-10 ta' Settembru 2002 filwaqt illi ppreċiża li l-oppożizzjoni tagħha tiġi miċħuda fir-rigward tal-prodotti jew servizzi kollha li fir-rigward tagħhom ma titressaqx il-prova ta' użu tat-trade mark preċedenti. Ir-rikorrenti ma ressqitx dokumenti ġodda.

11      Fid-19 ta' Novembru 2002, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li l-provi ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu użu ġenwin tat-trade mark BARONIA matul il-ħames snin ta' qabel saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja. Hija osservat li ċ-ċertifikat, il-biljett ta' lotterija u t-tikketti ta' l-1929 mhumiex marbuta, b'mod ċar, mal-perijodu ta' referenza – jiġifieri l-perijodu ta' bejn it-23 ta' Lulju 1996 u t-23 ta' Lulju 2001 – u li d-dokumenti l-oħra ma jipprovdux indikazzjoni dwar il-perijodu jew il-portata ta' l-użu tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti rreġistrati. Fir-rigward tal-perijodu ta' referenza, hija osservat biss tikketta waħda bid-data ta' 2000. Fir-rigward tal-portata ta' l-użu, hija kkonstatat li mid-dokumenti ppreżentati ma tista' tirriżulta l-ebda informazzjoni ta' natura kwantitattiva. Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ressqet provi suffiċjenti dwar l-użu reali, li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali, ta' l-isem kummerċjali La Baronia de Turis, Coop. V. fil-kummerċ fil-mument meta kienet saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja. Bl-istess mod, hija osservat li d-dokumenti li kienu ġew sottomessi ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni dwar il-portata, il-perijodu u t-tul ta' l-użu ta' dan is-sinjal.

12      Fit-8 ta' Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni. In sostenn ta' l-appell tagħha hija ressqet provi ġodda, jiġifieri att notarili li jiċċertifika li r-rikorrenti kienet magħrufa bl-isem "La Baronia de Turis, Coop. V.", att notarili li jiċċertifika l-eżistenza ta' fliexken ta' l-inbid ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark BARONIA, fatturi li jġorru dati bejn l-1993 u l-2002 u li nħarġu mill-fornituri tar-rikorrenti għal prodotti bit-trade mark BARONIA, fatturi maħruġa mir-rikorrenti lil diversi klijenti għall-bejgħ ta' inbid ikkummerċjalizzat taħt it-trade mark BARONIA matul il-perijodu ta' bejn l-1996 u l-2002, kif ukoll diversi mazzijiet ta' fatturi maħruġa mir-rikorrenti b'dati bejn l-1999 u l-2002, li jixhdu bejgħ ta' inbid bit-trade mark BARONIA.

13      Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Lulju 2003, R 57/2003-2 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet l-appell. Hija kkonfermat l-evalwazzjoni tal-provi li kienet saret mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet li din ta' l-aħħar kienet laħqet fir-rigward ta' l-insuffiċjenza tal-prova ta' l-użu. Fir-rigward ta' l-oppożizzjoni bbażata fuq l-isem kummerċjali, it-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell kkunsidratha bħala ammissibbli iżda infondata minħabba li l-parti li ressqet l-oppożizzjoni (ir-rikorrenti) ma kinitx ressqet biżżejjed provi ta' l-użu ta' l-isem kummerċjali u ma kinitx ippreżentat ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli. Fir-rigward tal-provi li kienu ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell, hija ddikjarathom inammissibbli peress li kienu ġew iddepożitati wara li skada t-terminu preskritt mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta' rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti introduċiet din l-azzjoni.

15      L-UASI u l-intervenjenti ddepożitaw in-noti tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Marzu 2004 u fit-8 ta' Marzu 2004 rispettivament.

16      Abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

17      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tas-17 ta' Novembru 2005.

18      Ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja LA BARONNIE.

19      Fis-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-talbiet għal miżuri istruttorji, li kienu jinsabu fir-rikors tagħha, minbarra dik intiża sabiex l-Oficina Española de Patentes y Marcas (Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks, aktar 'il quddiem l-"OEPM") jiġi ordnat jippreċiża l-istatus attwali tat-trade mark BARONIA u jindika x'kienet id-dokumentazzjoni li ġiet ippreżentata quddiemu in sostenn ta' l-applikazzjoni għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni Nru 699.163/7.

20      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sbiex jekk jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

21      L-intervenjenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell safejn tiddikjara ammissibbli l-oppożizzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u, għalhekk, tiddikjara l-oppożizzjoni inammissibbli safejn hija bbażata fuq din id-dispożizzjoni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba

22      Fil-kuntest tat-tieni talba tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba.

23      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jesegwixxi s-sentenzi tal-Qrati Komunitarji. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tindirizza ordni lill-UASI. Fil-fatt, huwa dan ta' l-aħħar li għandu jasal għall-konklużjonijiet li jirriżultaw mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 22].

24      Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja LA BARONNIE hija ammissibbli.

 Fuq it-talba ta' l-intervenjenti sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata parzjalment

25      Fil-kuntest tat-tieni talba tagħha, l-intervenjenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell safejn iddikjarat ammissibbli l-oppożizzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u, għaldaqstant, sabiex tiddikjara l-oppożizzjoni inammissibbli safejn hija bbażata fuq din id-dispożizzjoni.

26      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 134(3) tar-Regol tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, intervenjenti li kienet parti fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell tista', fir-risposta tagħha, tifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors u tippreżenta argumenti li ma jkunux tqajmu fir-rikors. Għaldaqstant, it-tieni talba ta' l-intervenjenti hija ammissibbli.

27      L-intervenjenti ssostni li l-formola ta' oppożizzjoni kienet mimlija b'mod żbaljat mir-rikorrenti, b'mod partikolari fil-partijiet tagħha dwar il-motiv legali li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni. B'mod aktar preċiż, hija tosserva li r-rikorrenti naqset milli timla l-intestaturi 82 sa 85 u 97, dwar l-eżistenza ta' isem kummerċjali bħala sinjal preċedenti użat fil-kummerċ. Hija żżid li, għalkemm ir-rikorrenti semmiet l-eżistenza ta' l-isem kummerċjali tagħha La Baronia de Turis, Coop. V. fl-intestatura 99, intitolata "Spjegazzjoni tal-motivi", tal-formola ta' oppożizzjoni, mill-indikazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta li l-bażi legali ta' l-oppożizzjoni kienet l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija jidhrilha li, peress li hija bbażata fuq l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-oppożizzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli applikabbli fil-qasam ta' ammissibbiltà ta' l-avviżi ta' oppożizzjoni. Minn dan hija tikkonkludi li l-Bord ta' l-Appell kien imissu ċaħad l-oppożizzjoni bħala inammissibbli safejn kienet ibbażata fuq l-isem kummerċjali La Baronia de Turis, Coop. V.

28      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, skond ir-Regola 18(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), l-UASI għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni bħala inammissibbli meta l-avviż ta' oppożizzjoni "ma jidentifikax b'mod ċar […] il-jedd preċedenti li fuq il-bażi tiegħu q[i]egħda ssir l-oppo[ż]izzjoni".

29      F'din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti ħalliet vojta l-intestaturi 82 sa 85 u 95 tal-formola ta' oppożizzjoni, li permezz tagħhom min ikun qiegħed jagħmel oppożizzjoni jkun jista' jinvoka l-eżistenza ta' sinjal preċedenti użat fil-kummerċ bħala bażi legali ta' l-oppożizzjoni, hemm qbil ukoll li hija invokat, fl-intestatura 99, protezzjoni marbuta ma' l-użu ta' l-isem kummerċjali tagħha La Baronia de Turis, Coop. V.

30      Barra minn hekk, irriżulta li l-UASI qatt ma kkunsidra li l-avviż ta' oppożizzjoni kien fih impreċiżjoni fir-rigward ta' l-invokazzjoni ta' l-isem kummerċjali La Baronia de Turis, Coop. V. bħala l-bażi ta' l-oppożizzjoni, u dan minkejja l-argumenti mqajma f'dan is-sens mill-intervenjenti fl-ittra tagħha tal-5 ta' Lulju 2002. Fil-fatt, l-ittra ta' l-UASI tad-9 ta' Lulju 2002, li l-għan tagħha kien li tgħaddi lir-rikorrenti t-talba ta' l-intervenjenti sabiex titressaq il-prova ta' użu ġenwin tat-trade mark BARONIA, ma fiha l-ebda talba għal spjegazzjoni fuq dan il-punt.

31      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ġustament iddikjarat l-oppożizzjoni ammissibbli safejn kienet ibbażata fuq l-użu ta' l-isem kummerċjali La Baronia de Turis, Coop. V., skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

32      Għaldaqstant, it-tieni talba ta' l-intervenjenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

33      Ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem tliet motivi ta' annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur ta' l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, rispettivament.

34      Fil-kuntest ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni, minn naħa, il-karattru suffiċjenti tal-provi li hija ressqet quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni sabiex tiġġustifika l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti tagħha u l-użu ta' l-isem kummerċjali La Baronia de Turis, Coop. V. filwaqt li min-naħa l-oħra qiegħda tallega l-ksur, mill-Bord ta' l-Appell, ta' l-obbligu tiegħu li jeżamina l-provi li hija kienet ipprovdiet, għall-ewwel darba, f'anness man-nota tagħha li tispjega l-motivi ta' l-appell.

 1. Fuq il-karattru suffiċjenti tal-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti jidhrilha li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti u tinvoka l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 16(2), ir-Regola 22(1) u r-Regola 92(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Skondha, il-provi annessi ma' l-avviż ta' oppożizzjoni kienu biżżejjed sabiex juru użu effettiv tat-trade mark imsemmija fir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 699.163/7 peress li juru b'mod ċar li hija, matul aktar minn ħamsa u sebgħin sena, qatt ma waqfet tuża l-isem BARONIA sabiex tikkummerċjalizza nbid ta' kull tip. Bl-istess mod, il-formalitajiet ta' tiġdid tar-reġistrazzjoni li hija wettqet jikkostitwixxu l-prova li din it-trade mark għadha tintuża.

36      Ir-rikorrenti tirreferi, b'mod partikolari, għaċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni Spanjola Nru 699.163/7 li jindika li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet saret fis-16 ta' Jannar 1973 u li t-trade mark BARONIA kienet imġedda fil-25 ta' Ottubru 1996. Hija tippreċiża li, skond il-leġiżlazzjoni Spanjola dwar it-trade marks, sabiex trade mark tiġi mġedda, huwa indispensabbli li jiġi pprovat użu tat-trade mark ikkonċernata matul is-snin immedjatament qabel id-data ta' l-applikazzjoni għal tiġdid. Iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni Nru 699.163/7 għaldaqstant jipprova b'mod ikontestabbli l-użu tat-trade mark preċedenti invokata.

37      L-UASI u l-intervenjenti jidhrilhom li l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar l-insuffiċjenza tal-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni hija fondata.

38      L-UASI jidhirlu wkoll li d-dipartimenti ta' l-UASI ġustament warbu d-dokumenti b'data preċedenti għall-perijodu ta' referenza. Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra, huwa josserva li dawn, minbarra tikketta waħda bid-data 2000, mhumiex datati u mhux possibbli li jiġi vverifikat jekk jikkonċernawx il-perijodu rilevanti. Barra minn hekk, abbażi ta' dawn id-dokumenti ma tistax tiġi stabbilita l-portata ta' l-użu tat-trade mark preċedenti peress li, f'din il-kawża, l-ebda dokument ma jindika l-kwantità ta' fliexken ta' l-inbid mibjugħa.

39      Fir-rigward tal-valur probatorju taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 699.163/7, l-UASI josserva li l-OEPM, meta ġedded ir-reġistrazzjoni, talab biss dikjarazzjoni in bona fede min-naħa ta' l-impriża kkonċernata u ma wettaq l-ebda eżami ta' l-użu effettiv tat-trade mark li tagħha kien intalab it-tiġdid. Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jikkostitwixxi biss, l-aktar l-aktar, indikazzjoni ta' użu reali u ġenwin li mhix ikkorroborata mill-ebda prova tanġibbli li tista' tiġi vverifikata.

40      L-intervenjenti żżid li r-rikorrenti la ġġustifikat l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li allegatament huma imposti mil-leġiżlazzjoni Spanjola sabiex jinkiseb it-tiġdid ta' reġistrazzjoni u lanqas ma ressqet il-prova tad-dokumenti li hija kienet issottomettiet quddiem l-OEPM. L-intervenjenti tippreċiża wkoll li anke jekk jittieħed in kunsiderazzjoni t-tiġdid tat-trade mark, li sar fil-25 ta' Ottubru 1996, ir-rikorrenti tkun tista' tipprova użu ġenwin tat-trade mark preċedenti tagħha biss għal perijodu ta' tliet xhur minn total ta' ħames snin rilevanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

41      Skond ġurisprudenza stabbilita sew, l-użu ġenwin ta' trade mark huwa użu effettiv li ma jkunx intiż biss sabiex jinżammu fis-seħħ id-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Dan għandu jkun użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta' l-oriġini ta' prodott jew ta' servizz billi tippermettilu li jiddistingwi mingħajr probabbiltà ta' konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li jkollhom provenjenza oħra. Il-protezzjoni tat-trade mark u l-effetti li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tagħha u li jistgħu jiġu invokati fir-rigward ta' persuni terzi m'għandhomx jibqgħu fis-seħħ jekk it-trade mark tkun tilfet l-iskop kummerċjali tagħha, jiġifieri li toħloq jew iżżomm fis-seħħ suq partikolari għall-prodotti jew għas-servizzi li jġorru s-sinjal li jikkostitwixxi t-trade mark fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li joriġinaw minn impriżi oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T-334/01, Ġabra p. II-2787, punt 33; ara wkoll, bħala analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439, punti 36, 37 u 43].

42      Użu tat-trade mark li ma jkunx essenzjalment intiż sabiex joħloq jew iżomm fis-seħħ sehem fis-suq għall-prodotti u/jew servizzi li din it-trade mark tipproteġi għandu jiġi analizzat bħala użu li fil-verità jkun intiż sabiex jiġi invokat bil-għan li tingħeleb eventwali applikazzjoni għal revokazzjoni. Użu bħal dan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala "ġenwin" (ara, bħala analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Jannar 2004, La Mer Technology, C-259/02, Ġabra p. I-1159, punt 26).

43      L-evalwazzjoni tal-karattru ġenwin ta' l-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu li din it-trade mark kienet verament użata kummerċjalment, b'mod partikolari, l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex iżomm fis-seħħ jew joħloq sehem fis-suq favur il-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta' dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq u l-portata u l-frekwenza ta' l-użu tat-trade mark (sentenza HIPOVITON, iċċitata aktar 'il fuq, punt 34; ara wkoll, bħala analoġija, is-sentenza Ansul, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43).

44      Fir-rigward tal-portata ta' l-użu magħmul mit-trade mark preċedenti, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-volum kummerċjali ta' l-atti ta' użu kollha, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, tat-tul tal-perijodu li matulu twettqu dawn l-atti ta' użu kif ukoll il-frekwenza ta' dawn l-atti. Għalhekk, aktar mal-volum kummerċjali ta' l-użu tat-trade mark ikun limitat, aktar ikun meħtieġ li l-parti li tkun ressqet l-oppożizzjoni tipproduċi indikazzjonijiet addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jitwarrbu dubji li jista' jkun hemm dwar il-karattru ġenwin ta' l-użu tat-trade mark ikkonċernata (sentenza HIPOVITON, iċċitata aktar 'il fuq, punti 35 u 37),

45      F'din il-kawża, id-dipartimenti ta' l-UASI ġustament identifikaw bħala insuffiċjenti l-provi, ippreżentati quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, ta' l-użu tat-trade mark BARONIA matul il-perijodu ta' ħames snin ta' qabel ma ġiet iddepożitata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tar-rikorrenti. Id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni korrettament osservat li ċ-ċertifikat, il-biljett ta' lotterija u t-tikketti ta' l-1929 mhumiex marbuta, b'mod ċar, mal-perijodu ta' referenza – jiġifieri bejn it-23 ta' Lulju 1996 u t-23 ta' Lulju 2001 – u li d-dokumenti l-oħra – jiġifieri, it-tikketti l-oħra, l-opuskulu fuq l-inbejjed BARONIA, ir-ritratt ta' fliexken ta' l-inbid u l-artikolu ta' gazzetta – ma jipprovdu, minbarra dokument wieħed minnhom, l-ebda indikazzjoni dwar il-perijodu jew il-portata ta' l-użu tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti rreġistrati. Fir-rigward tal-perijodu li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, l-uniku dokument rilevanti huwa tikketta ta' flixkun ta' l-inbid, li għandha d-data 2000. Fir-rigward tal-portata ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, kif ikkonstatat ġustament id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, mid-dokumenti pprovduti ma tista' tinġabar l-ebda informazzjoni ta' natura kwantitattiva. Fil-fatt, tikketta waħedha ma tista' tipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ.

46      Barra minn hekk, kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti, billi strieħet fuq il-provi milqugħa, ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar il-portata ta' l-użu tat-trade mark BARONIA, b'mod partikolari fir-rigward tal-volum tal-bejgħ, il-firxa ġeografika tad-distribuzzjoni – b'mod partikolari, in-numru ta' distributuri u l-kanali ta' distribuzzjoni –, it-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta' użu tat-trade mark, kif ukoll dwar il-frekwenza ta' dawn l-atti.

47      It-tiġdid tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 699.163/7 u l-fatt li l-leġiżlazzjoni Spanjola teżiġi li sabiex tkun imġedda reġistrazzjoni għandu jiġi pprovat l-użu tat-trade mark matul is-snin immedjatament qabel l-applikazzjoni għat-tiġdid mhumiex biżżejjed sabiex jipprovaw użu ġenwin tat-trade mark preċedenti wara l-25 ta' Ottubru 1996, id-data tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni Spanjola. It-tiġdid tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 699.163/7 tipprova biss li t-trade mark BARONIA kienet għadha fis-seħħ fi Spanja fid-data li fiha l-intervenjenti ddepożitat l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni dwar id-dokumenti li hija kienet ippreżentat quddiem l-OEPM. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova ta' natura li tiġġustifika l-użu tat-trade mark tagħha BARONIA wara l-25 ta' Ottubru 1996, id-data tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni Spanjola.

48      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-OEPM jwettaq eżami tal-provi ta' l-użu riċenti ta' trade mark li għaliha jintalab it-tiġdid, fatt bħal dan ma jeħlisx lir-rikorrenti mill-obbligu tagħha li tressaq il-prova ta' użu ġenwin tad-drittijiet invokati in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha meta tkun ġiet magħmulha talba f'dan is-sens mill-intervenjenti. Fil-fatt, il-preżentazzjoni ta' talba bħal din għandha l-effett li tqiegħed fuq min jagħmel l-oppożizzjoni l-oneru li jressaq il-prova ta' l-użu ġenwin – jew l-eżistenza ta' raġunijiet iġġustifikati għalfejn ma sarx użu – taħt piena ta' rifjut ta' l-oppożizzjoni tiegħu, liema prova jkollha għalhekk tiġi pprovduta fit-terminu preskritt mill-UASI skond ir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, Ġabra p. II-965, punt 38].

49      Finalment, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell għandha tiġi evalwata abbażi tar-Regolament Nru 40/94 biss, kif interpretat mill-Qrati Komunitarji, u mhux abbażi ta' prassi preċedenti dwar kif jittieħdu deċiżjonijiet fi Stat Membru [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punt 53].

50      Minn dan għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma ppruvatx, la quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u lanqas quddiem il-Bord ta' l-Appell, fid-dawl tal-provi ppreżentati quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, l-eżistenza ta' użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 2. Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Ir-rikorrenti jidhrilha li l-Bord ta' l-Appell kien imissu aċċetta l-provi li kienu ġew prodotti bħala anness man-nota li tispjega l-motivi ta' l-appell tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li dawn ma kinux dokumenti ġodda, u li minħabba f'hekk kienu jkunu inammissibbli, iżda li, bil-kontra ta' dan, kienu dokumenti addizzjonali għall-provi li kienu ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni fit-terminu preskritt minn din ta' l-aħħar.

52      Skond l-UASI, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T-308/01, Ġabra p. II-3253), ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li parti tippreżenta, in sostenn ta' l-oppożizzjoni, elementi fattwali u provi għall-ewwel darba – jew, jekk ikun il-każ, għat-tieni darba – quddiem il-Bord ta' l-Appell, filwaqt li fl-istess ħin din il-parti ma tkunx irrispettat it-terminu mogħti lilha sabiex tissottometti dawn l-elementi fattwali u dawn il-provi quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

53      L-UASI, bħall-intervenjenti, jidhirlu li l-Bord ta' l-Appell ġustament iddikjara li dawn il-provi kienu inammissibbli minħabba li kienu ġew prodotti wara li skada t-terminu li d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni kienet tat lir-rikorrenti, abbażi tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95, sabiex hija tressaq il-prova ta' l-użu tat-trade mark BARONIA. L-UASI jinvoka l-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS) (T-388/00, Ġabra p. II-4301), u jżid li r-rikorrenti għażlet li ma tikkompletax id-dokumentazzjoni li hija kienet ipprovdiet fit-28 ta' Jannar 2002 minkejja li l-UASI kien formalment stedinha sabiex tagħmel dan.

54      L-UASI jikkunsidra li, fi proċedura inter partes, l-eżistenza ta' terminu mogħti skond ir-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprekludi l-użu tad-diskrezzjoni li huwa jgawdi taħt l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward ta' jekk jaċċettax jew jirrifjutax provi li ma kinux ġew prodotti fil-ħin preskritt. Din l-analiżi hija kkorraborata mill-istess kliem ta' din id-dispożizzjoni li tapplika biss meta l-provi ma jkunux ġew prodotti "fil-ħin preskritt" u mhux meta dawn ikunu ġew prodotti "wara t-terminu". Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġu prodotti provi wara l-iskadenza tat-terminu mogħti twassal għal titwil fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni li jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta' ekonomija ta' proċedura. Għaldaqstant, l-UASI jqis li l-introduzzjoni ta' appell quddiem il-Bord ta' l-Appell ma jistax ikollha l-effett li tiftaħ mill-ġdid it-termini mogħtija mid-Diviżjoni ta' Oppożizjoni wara li jkunu skadew l-imsemmija termini. Il-fatt li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell mhux rilevanti għal din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, kull interpretazzjoni differenti tmur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet u tippreġudika l-interessi tal-parti l-oħra.

55      L-intervenjenti żżid li, anki jekk jitqies li l-provi ġodda mressqa quddiem il-Bord ta' l-Appell huma ammissibbli, fi kwalunkwe każ, dawn huma insuffiċjenti sabiex jippruvaw użu ġenwin tat-trade mark BARONIA matul il-perijodu rilevanti. Il-fatturi dwar l-ipprintjar ta' tikketti ma jippruvawx l-intensità tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark BARONIA. Kull ma jeżisti huwa numru limitat ħafna ta' fatturi li jsemmu nbid mibjugħ taħt din it-trade mark u n-numru ta' fliexken imsemmija fuq dawn il-fatturi xorta waħda huwa limitat għal xi ftit għexieren mill-aktar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      L-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-Bord ta' l-Appell jista' jew jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lil dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri. Minn din id-dispożizzjoni u mill-iskema tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell, meta jiġi biex jagħti deċiżjoni dwar appell, għandu l-istess kompetenzi bħad-dipartiment li jkun ħa d-deċiżjoni kkontestata u li l-eżami tiegħu għandu jkopri l-kwistjoni kollha fl-istat li tkun fiha fil-ġurnata meta jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

57      Minn dan l-artikolu, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita sew, jirriżulta wkoll li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti differenti ta' l-UASI, jiġifieri l-eżaminatur, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, id-Diviżjoni Legali u għall- Amministrazzjoni ta' Trade Marks u d-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni, minn naħa, u l-Bord ta' l-Appell, min-naħa l-oħra (ara s-sentenza KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn din il-kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti ta' l-UASI jirriżulta li, fil-kuntest ta' l-eżami mill-ġdid li l-Bord ta' l-Appell għandu jagħmel tad-deċiżjonijiet meħuda mid-dipartimenti ta' l-UASI fl-ewwel istanza, il-Bord ta' l-Appell huwa marbut li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi ta' fatt u ta' dritt kollha li l-partijiet qajmu jew matul il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ta' d-deċiżjoni fl-ewwel istanza jew fil-proċedura ta' l-appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32; ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 18, u tad-9 ta' Novembru 2005, Focus Magazin Verlag vs UASI – ECI Telecom (Hi-FOCuS), T-275/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37].

59      Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell jista', suġġett biss għall-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jilqa' appell abbażi ta' fatti ġodda invokati mill-parti li tkun ressqet l-appell jew anki abbażi ta' provi ġodda prodotti minn din il-parti [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 81, u KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26]. Il-verifika mwettqa mill-Bord ta' l-Appell mhix limitata għall-kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata iżda, minħabba d-devoluzzjoni li tirriżulta mill-proċedura ta' appell, din il-verifika timplika evalwazzjoni ġdida tal-kwistjoni fl-intier tagħha, u għaldaqstant il-Bord ta' l-Appell għandu jeżamina kompletament mill-ġdid ir-rikors inizjali u għandu jikkunsidra l-provi prodotti fit-terminu preskritt.

60      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, fir-rigward tal-proċedura inter partes, il-kontinwità funzjonali li teżisti bejn id-diversi dipartimenti ta' l-UASI ma twassalx għall-konsegwenza li parti ma titħalliex, taħt l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, tinvoka quddiem il-Bord ta' l-Appell elementi ta' fatt u ta' dritt ġodda li ma kinux ġew prodotti quddiem id-dipartiment li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza (sentenza Hi-FOCuS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37). It-teżi ta' l-UASI twassal sabiex tiġi miċħuda l-kompetenza ġenerali li l-Bord ta' l-Appell għandu sabiex jiddeċiedi fuq il-kwistjoni.

61      Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri li l-UASI għandu jeżamina l-fatti ex officio, tipprovdi għal żewġ limitazzjonijiet. L-ewwel nett, fil-kuntest tal-proċeduri dwar il-motivi relattivi għal rifjut ta' reġistrazzjoni, l-eżami għandu jkun limitat għall-fatti relatati mal-motivi u mat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. It-tieni nett, l-Artikolu 74(2) jagħti lill-UASI diskrezzjoni dwar jekk jiħux in kunsiderazzjoni provi li l-partijiet ma jkunux ipproduċew "fil-ħin preskritt".

62      Issa, mill-kontinwità funzjonali li tikkaratterizza r-relazzjoni bejn id-dipartimenti ta' l-UASI jirriżulta li l-kunċett ta' "fil-ħin preskritt" għandu jiġi interpretat, fil-kuntest ta' proċedura ta' appell quddiem Bord ta' l-Appell, fis-sens li qiegħed jirreferi għat-terminu applikabbli għall-introduzzjoni ta' l-appell kif ukoll għat-termini mogħtija matul il-proċedimenti in kwistjoni. Peress li dan il-kunċett japplika fil-kuntest ta' kull waħda mill-proċedimenti pendenti quddiem l-UASI, l-iskadenza tat-termini mogħtija mid-dipartiment li jkun qiegħed jiddeċiedi fl-ewwel istanza sabiex jiġu prodotti l-elementi ta' prova tirriżulta, għaldaqstant, mingħajr rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni ta' jekk dawn l-elementi kinux ġew prodotti "fil-ħin preskritt" quddiem il-Bord ta' l-Appell. Il-Bord ta' l-Appell huwa għalhekk obbligat li jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ta' provi ppreżentati quddiemu irrispettivament minn jekk kinux ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni jew le.

63      F'din il-kawża, quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti pproduċiet, minn naħa, żewġ atti awtentikati u, min-naħa l-oħra, sensiela ta' fatturi li jsemmu nbid mibjugħ taħt it-trade mark LA BARONIA matul il-perijodu bejn l-1996 u l-2002, li kienu maħruġa jew minnha stess jew mill-fornitur ta' tikketti ta' l-inbid tagħha. Dawn id-dokumenti kienu ġew prodotti in sostenn ta' l-argumenti, li kienu diġà tqajmu quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, li jgħidu li din it-trade mark kienet is-suġġett ta' użu ġenwin.

64      Għaldaqstant, peress li d-dokumenti in kwistjoni kienu ġew prodotti mir-rikorrenti fl-anness tan-nota tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell fit-terminu ta' erba' xhur mogħti taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/49, il-produzzjoni tagħhom ma tistax titqies bħala tardiva fis-sens ta' l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ma setax jirrifjuta li jikkunsidrahom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Hi-FOCuS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38).

65      Ir-referenza magħmula mill-UASI għas-sentenza ELS, iċċitata aktar 'il fuq, dwar il-produzzjoni, quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, ta' provi ta' l-użu tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-UASI ma tistax tiġi kkunsidrata peress li, jekk quddiem il-Bord ta' l-Appell il-provi jkunu ġew prodotti fit-termini preskritti, il-Bord ta' l-Appell huwa obbligat li jikkunsidrahom fl-eżami tiegħu ta' l-appell (sentenzi KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32, u Hi-FOCuS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40). Barra minn hekk, f'din il-kawża, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ma kinitx talbet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta xi dokumenti partikolari iżda kull tip ta' dokumenti intiżi sabiex jippruvaw l-użu preċedenti tat-trade mark. Peress li r-rikorrenti kienet ippreżentat ċerti dokumenti li d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni qieset li mhumiex ta' natura li jippruvaw l-użu preċedenti tat-trade mark, m'hemm xejn illi jipprekludi lir-rikorrenti milli tippreżenta dokumenti ġodda quddiem il-Bord ta' l-Appell.

66      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, l-ammissjoni ta' provi ġodda quddiem il-Bord ta' l-Appell bl-ebda mod ma tammonta għal ksur tad-drittijiet tad-difiża ta' l-applikant għar-reġistrazzjoni minħabba li dan ikun f'pożizzjoni li jassigura ruħu dwar l-eżistenza u l-portata eżatta tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni. Jekk, bħal f'din il-kawża, dawn id-dokumenti ma jkunux parti mill-proċedimenti ħlief fl-istadju tal-proċedura ta' l-appell, id-drittijiet tad-difiża ta' l-applikant għar-reġistrazzjoni ma jkunux miksura jekk dan ikun jista' jikkontesta, skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżistenza jew il-portata tad-drittijiet preċedenti quddiem il-Bord ta' l-Appell. F'din il-kawża, l-intervenjenti setgħet tagħmel kull osservazzjoni meħtieġa dwar dawn id-dokumenti quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, l-UASI ma jistax isostni li l-intervenjenti ma kinitx f'pożizzjoni li tassigura ruħha dwar l-eżistenza u l-portata eżatta tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti invokati in sostenn ta' l-oppożizzjoni. Għandu jiġi konkluż li l-ammissibbiltà tad-dokumenti in kwistjoni, fl-istadju tal-proċedura ta' l-appell, ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża ta' l-intervenjenti u lanqas il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet.

67      Barra minn hekk, l-argument ta' l-UASI li l-proċedura ta' reġistrazzjoni ta' trade marks Komunitarji tkun affettwata b'titwil kunsiderevoli jekk il-partijiet ikunu jistgħu jerġgħu jressqu elementi fattwali u provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell m'għandux jiġi aċċettat. Għall-kuntrarju, kienet pjuttost iċ-ċaħda tat-traduzzjoni addizzjonali prodotta quddiem il-Bord ta' l-Appell li kellha l-konsegwenza li ttawwal din il-proċedura (ara, f'dan is-sens, Hi-FOCuS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42).

68      Minn dan isegwi li, meta ma ħax in kunsiderazzjoni l-provi prodotti quddiemu mir-rikorrenti fit-terminu preskritt mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Hi-FOCuS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43).

69      Madankollu, għandhom jiġu eżaminati l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu minn dan l-iżball ta' dritt. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, irregolarità proċedurali twassal biss għall-annullament ta' deċiżjoni, fl-intier tagħha jew ta' parti minnha, meta jkun stabbilit li, fin-nuqqas ta' din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata kien jista' jkollha kontenut differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 2111, punt 47, u tat-23 ta' April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. I-1375, punt 28; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 283, u tal-5 ta' April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 416). Bl-istess mod, minn qari ta' l-Artikolu 63(2) u (3) flimkien tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li kemm l-annullament kif ukoll il-bdil ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell huma possibbli biss jekk dawn ikunu vvizzjati minn illegalità sostanzjali jew formali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 46].

70      F'din il-kawża ma jistax jiġi eskluż li l-provi li l-Bord ta' l-Appell, b'mod żbaljat, ċaħad li jieħu in kunsiderazzjoni jistgħu jkunu ta' natura li jibdlu l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dawn il-provi jikkonċernaw il-perijodu ta' referenza – jiġifieri bejn it-23 ta' Lulju 1996 u t-23 ta' Lulju 2001 –, filwaqt li d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni kienet ċaħdet l-oppożizzjoni b'mod partikolari minħabba li, fost il-provi ppreżentati, kienet biss tikketta waħda, bid-data 2000, li kienet tikkonċerna l-perijodu ta' referenza. F'dan ir-rigward, madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tieħu post l-UASI fl-evalwazzjoni tal-provi in kwistjoni.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra jew li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti għal miżuri istruttorji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li r-rikorrenti ma indikatx ir-raġuni għaliex hija ma kinitx ser tkun fil-pożizzjoni li tipproduċi l-provi in kwistjoni u kien ser ikollha bżonn l-intervent tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Bis-saħħa tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) ta' l-istess Regoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

73      F'din il-kawża, l-UASI u l-intervenjenti tilfu. Madankollu, ir-rikorrenti ma talbitx sabiex l-UASI u l-intervenjenti jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż.

74      Għaldaqstant, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) tad-9 ta' Lulju 2003 (każ R 57/2003-2) hija annullata.

2)      It-talba tar-rikorrenti, La Baronia de Turis, Cooperativa Valenciana, intiża sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba hija miċħuda minħabba li hija inammissibbli.

3)      It-talba ta' l-intervenjenti, Baron Philippe de Rothschild SA, intiża sabiex l-oppożizzjoni tiġi dikjarata inammissibbli safejn hija bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, hija miċħuda.

4)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

5)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Cooke

García-Valdecasas

Trstenjak

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Lulju 2006.

E. Coulon

 

      R. Garcìa-Valdecasa

Reġistratur

 

      President      


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.