Language of document : ECLI:EU:T:2006:202

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta' Lulju 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' Oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali VITACOAT – Trade marks nazzjonali verbali preċedenti VITAKRAFT – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑277/04,

Vitakraft-Werke Wührmann & Sohn GmbH & Co. KG, stabbilita fi Brême (il-Ġermanja), irrapreżentata minn U. Sander, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Johnson’s Veterinary Products Ltd, stabbilita f'Sutton Coldfield (ir-Renju Unit), irrapreżentata minn M. Edenborough, barrister,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-27 ta' April 2004 (kawża R 560/2003‑1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Vitakraft-Werke Wührmann & Sohn GmbH & Co. KG u Johnson’s Veterinary Products Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-9 ta' Lulju 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-14 ta' Jannar 2005,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Mejju 2005,

wara s-seduta tal-11 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-21 ta' Marzu 1996, Vitacoat Ltd talbet lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali VITACOAT bħala trade mark Komunitarja, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       Il-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni ġiet mitluba jaqgħu fil-klassijiet 3, 5 u 21 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 3: "shampoo, conditioner, preparazzjonijiet għax-xagħar u l-ġilda, deodoranti; kollha għall-annimali";

–       klassi 5: "Prodotti kontra l-friefet, il-furraxa, il-bergħud u parrasiti oħrajn; kollha għall-annimali";

–       klassi 21: "Xkupilji u pettnijiet għall-annimali".

3       Fil-11 ta' Mejju 1998, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 34/1998.

4       Fil-25 ta' Mejju 1998, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ibbażata fuq erba' trade marks irreġistrati fil-Ġermanja (iktar 'il quddiem it-"trade marks preċedenti"), li jikkonsistu fis-sinjal verbali VITAKRAFT u li jipprotegu b'mod partikolari l-prodotti li ġejjin:

–       reġistrazzjoni Nru 834 153 : "Oġġetti tal-ħġieġ, porċellana u tal-fuħħar, jiġifieri maxturi għal għasafar, klieb u qtates";

–       reġistrazzjoni Nru 950 955: "Preparazzjonijiet farmaċewtiċi veterinarji għal ħut, għasafar tad-dar u għasafar domestiċi, bl-eċċezzjoni ta' preparazzjonijiet li jinbiegħu biss fl-ispiżeriji";

–       reġistrazzjoni Nru 1 065 186: "Preparazzjonijiet sanitarji u preparazzjonijiet għall-kura tal-ġisem u ta' sbuħija għal annimali tad-dar, kif ukoll shampoo għal annimali tad-dar";

–       reġistrazzjoni Nru 39 615 031: "Sustanzi għall-ħasil, spapen, preparazzjonijiet għall-kura tal-ġisem u ta' sbuħija, lozjonijiet tax-xagħar, preparazzjonijiet għall-qerda ta' insetti noċivi, pettnijiet u xkupilji".

5       L-oppożizzjoni kienet ibbażata b'mod partikolari fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u kienet intima kontra l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

6       Fil-11 ta' Frar 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' traduzzjonijiet kompluti taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti. Fuq talba tar-rikorrenti, it-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI annulla din id-deċiżjoni fid-19 ta' Ġunju 2001 għal dak li jirrigwarda t-trade marks preċedenti.

7       Fl-4 ta' Settembru 2001, Vitacoat infurmat lill-UASI dwar it-trasferiment ta' l-applikazzjoni lill-kumpannija Johnson’s Veterinary Products Ltd, liema trasferiment kien ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji fid-29 ta' Ottubru 2001.

8       Fid-29 ta' Lilju 2003, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ċaħdet l-oppożizzjoni bħala infondata.

9       Fl-24 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

10     Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' April 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li l-prodotti in kwistjoni kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili, iżda li s-sinjali in kwistjoni kien fihom biss ftit elementi ta' xebh fuq livell fonetiku u viżiv. Skond il-Bord ta' l-Appell, il-kliem "vita" u t-trade marks VITAKRAFT għandhom biss karattru distintiv intrinsiku dgħajjef għall-prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni Nru 834 153 u għall-"pettnijiet u xkupilji" koperti mir-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 39 615 031. Barra minn hekk, huwa sostna li huma kienu differenti fuq livell kunċettwali, għaliex il-kelma "Kraft" tfisser "forza, saħħa" bil-Ġermaniż u għalhekk enfasizzat il-kunċett ta' "vitalità" ("Vitalität" bil-Ġermaniż) issuġġerit mill-element "vita", filwaqt li l-kelma "vitacoat" ma kellhiex sinjifikat konkret indipendentement mill-kwistjoni jekk il-konsumatur Ġermaniż kienx jaf is-sinjifikat tal-kelma Ingliża "coat". Għal dak li jikkonċerna d-dokumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex turi l-karattru distintiv qawwi tat-trade marks preċedenti minħabba l-fatt li huma magħrufa fis-suq Ġermaniż, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li dawn ma jikkostitwixxux provi suffiċjenti ta' l-eżistenza ta' reputazzjoni tat-trade marks preċedenti (ara punti 24 u 25 iktar' il quddiem). Skond hu, billi r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li t-trade marks tagħha kienu magħrufa fis-suq Ġermaniż, ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni mhuwiex biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11     Inizjalment, ir-rikors ġie ppreżentat bil-lingwa Ġermaniża. L-Ingliż sar il-lingwa tal-proċedura skond l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza wara li l-intervenjenti ppreżentat oġġezzjonijiet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Awwissu 2004.

12     Ir-rikorrenti annettiet mar-rikors tagħha diversi annessi bil-Ġermaniż. Fil-31 ta' Jannar 2005, hija ssostitwiet parti minnhom b'verżjonijiet fil-qosor.

13     Skond l-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ġiet awtorizzata tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha bil-Ġermaniż.

14     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–       tirrinvija l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-UASI sabiex huwa jkun jista' jirreġistraha;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż li l-intervenjenti sostniet minħabba l-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, quddiem il-Bord ta' l-Appell u quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

17     Fis-seduta, l-intervenjenti spjegat, f'risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li t-tieni kap tat-talbiet tagħha kienet assoċjata, fir-realtà, ma' l-ewwel kap. Għal dak li jirrigwarda t-tielet kap tat-talbiet, dan huwa intiż, skond l-intervenjenti, sabiex jassigura li l-UASI tkompli effettivament il-proċedura ta' reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-każ li r-rikors jiġi miċħud. Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż, hija ddikjarat li hija fformulat, għal raġunijiet ta' prekawzjoni, ir-raba' kap bl-iktar mod wiesgħa possibbli.

 Id-dritt

 Fuq it-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

18     Ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Din hija komposta minn, essenzjalment, tliet partijiet. Permezz ta' l-ewwel parti, hija ssostni li t-trade marks VITAKRAFT u l-element tagħhom "vita" għandhom karattru distintiv qawwi minħabba l-fatt li din it-trade mark hija magħrufa fis-suq Ġermaniż. Permezz tat-tieni parti tar-raġuni, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata tax-xebh bejn is-sinjali, b'mod partikolari għaliex huwa ma ndunax li l-kelma "vita" tikkostitwixxi l-element dominanti. Permezz tat-tielet parti, hija ssostni li dawn iż-żewġt iżbalji kif ukoll il-fatt li ma tax kas tal-livell ta' xebh bejn il-prodotti in kwistjoni wasslu sabiex il-Bord ta' l-Appell injora l-eżistenza, fil-kawża preżenti, ta' probabbiltà ta' konfużjoni li, barra minn hekk, ġiet regolarment stabbilita minn qrati Ġermaniżi f'każijiet simili għall-kawża preżenti.

 Osservazzjonijiet ġenerali

19     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f'moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

20     Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi għandha tiġi evalwata globalment, skond il-mod kif il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjali u l-prodotti jew servizzi in kwistjoni u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża preżenti, b'mod partikolari l-interdipendenza fix-xebh bejn is-sinjali u dak bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG vs L-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 51].

21     Fil-kawża preżenti, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li, billi t-trade marks preċedenti huma protetti fil-Ġermanja u billi l-prodotti huma intiżi għall-persuni kollha li għandhom annimal domestiku, il-pubbliku kkonċernat huwa kkostitwit minn konsumaturi medji Ġermaniżi li għandhom tali annimal.

22     Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark kienu identiċi għal xi wieħed jew ieħor mill-prodotti protetti mit-trade marks preċedenti Nru 1 065 186 u Nru 39 615 031. Barra minn hekk, huwa jsostni, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mit-trade mark Nru 834 153 kienu simili. Ir-rikorrenti ma kkontestatx dawn il-konklużjonijiet.

23     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata r-raġuni tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti tar-raġuni, ibbażata fuq l-eżistenza ta' karattru distintiv qawwi tat-trade marks preċedenti minħabba l-fatt li huma magħrufa

–       Id-deċiżjoni kkontestata

24     Quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti ppreżentat il-provi li ġejjin sabiex tistabbilixxi l-fatt li t-trade marks tagħha huma magħrufa:

–       lista ta' prezzijiet tal-prodotti li fihom it-trade mark VITAKRAFT għas-sena 1994;

–       analiżi tas-suq imwettqa fl-1997 dwar it-trade marks VITAKRAFT;

–       analiżi tas-suq imwettqa fl-1992 dwar it-trade mark VITA u l-konnessjoni eventwali li l-pubbliku ser jagħmel bejn din it-trade mark u s-sinjal VITAKRAFT.

25     Il-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-lista ta' prezzijiet għaliex din kienet tikkonċerna essenzjalment prodotti differenti minn dawk koperti mit-trade marks preċedenti in kwistjoni (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dak li jikkonċerna l-analiżi ta' l-1997, il-Bord ta' l-Appell qies li l-valur probatorju kien insuffiċjenti, fid-dawl tal-fatt li l-persuni intervistati ma kienux waslu b'mod spontaneu għall-konnessjoni bejn it-trade marks VITAKRAFT u l-prodotti in kwistjoni (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dak li jirrigwarda l-analiżi ta' l-1992, il-Bord ta' l-Appell sostna li l-valur probatorju kien naqas b'mod kunsiderevoli, għaliex tali analiżi ma tkoprix il-perijodu rilevanti. Skond il-Bord ta' l-Appell, għandu jiġi preżunt li r-realtajiet ta' suq jinbidlu kunsiderevolment f'erba' snin, sakemm ma jingħatax prova tal-kuntrarju. Huwa jżid li l-analiżi ma tirrigwardax it-trade marks VITACRAFT, li tkopri biss il-konsumaturi li għandhom annimal domestiku, li dawn il-konsumaturi kienu orjentati lejn it-trade mark VITA għall-prodotti in kwistjoni u li biss 20 [% ta'] persuni intervistati kienu identifikaw it-trade marks VITAKRAFT (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       L-argumenti tal-partijiet

26     Qabel kollox, għal dak li jikkonċerna l-lista ta' prezzijiet ta' l-1994, ir-rikorrenti tenfasizza li din tkopri wkoll il-prodotti indikati mit-trade marks preċedenti.

27     Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-analiżi ta' l-1997, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, il-fatt li l-Bord ta' l-Appell ma aċċettax l-indikazzjonijiet mogħtija lill-persuni intervistati fir-rigward tat-trade mark u l-prodotti in kwistjoni. Skond ir-rikorrenti, mhuwiex possibbli li ma tindikax it-trade mark taħt analiżi matul diskussjonijiet ma' konsumaturi. Hija żiedet, fis-seduta, li billi l-kelma "vita" hija element użat spiss fit-trade marks li jipproteġu prodotti ta' ikel għall-bnedmin, l-indikazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti kienet neċeessarja sabiex tiġi evitata konfużjoni ma' trade marks li jaqgħu fis-settur ta' l-ikel għall-bnedmin.

28     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-analiżi ta' l-1992, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li s-suq in kwistjoni ma jinbidilx matul perijodu relattivament qasir ta' erba' snin, liema fatt joħroġ wkoll mill-analiżi ta' l-1997. Sussegwentement, hija tenfasizza li l-istitut għall-istħarriġ ta' l-opinjoni pubblika Allensbach li wettaq din l-analiżi jgawdi minn reputazzjoni tajba ħafna. L-analiżi turi li, għal grupp rappreżentattiv tas-suq in kwistjoni, il-kelma "vita" tikkostitwixxi element dominanti tat-trade marks VITAKRAFT u li dan il-pubbliku jagħmel konnessjoni immedjata bejn il-preżenza tal-kelma "vita" fis-sinjal li jkopri l-prodotti in kwistjoni u t-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

29     L-UASI jwieġeb, qabel kollox, li l-lista ta' prezzijiet ma tistax, fiha nnifisha, turi li t-trade marks preċedenti kienu magħrufa, kien x'kien il-kontenut tagħha.

30     Għal dak li jirrigwarda l-analiżi ta' l-1997, l-UASI jikkunsidra li, bħala regola ġenerali, il-konsumaturi mhumiex miġbuda lejn trade mark speċifika, iżda jiddeċiedu fil-mument liema prodott huma jixtiequ jixtru. Għaldaqstant, hija biss risposta spontanja dwar l-għarfien li l-konsumatur għandu ta' trade mark għal prodotti speċifiċi li tista' tagħti prova biżżejjed ta' dak li huwa magħruf fis-suq. Fil-kawża preżenti, minn naħa, il-konsumaturi kienu orjentati direttament lejn it-trade marks VITAKRAFT u, min-naħa l-oħra, l-analiżi tibqa' partikolarment mhux ċara għal dak li jikkonċerna l-prodotti koperti. L-UASI żied, fis-seduta, li l-valur probatorju ta' l-analiżi kompla jonqos minħabba l-fatt li hija tkopri perijodu li ġie wara dak rilevanti u, għaldaqstant, seta' jiġi influwenzat mill-kampanji pubbliċitarji mwettqa wara li d-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għat-trade mark.

31     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-analiżi ta' l-1992, l-UASI josserva li skond dan, 70% tal-persuni intervistati ma waslu għal ebda konnessjoni bejn il-kelma "vita" u t-trade marks preċedenti minkejja li d-domandi saru b'tali mod li jorjentaw il-konsumaturi intervistati lejn riżultat speċifiku.

32     L-intervenjenti ssostni li l-analiżi ta' l-1997 m'għandhiex tiġi kkunsidrata, għaliex hija tikkonċerna perijodu li ġie wara d-data rilevanti, u li l-valur probatorju ta' l-analiżi ta' l-1992 mhuwiex suffiċjenti, peress illi hija ma tikkonċernax it-trade marks preċedenti iżda s-sinjal VITA. Hija ppreċiżat, fis-seduta, li d-domandi magħmula lill-persuni intervistati fl-1992 setgħu, l-iktar, juru ċerta assoċjazzjoni bejn is-sinjali VITA u VITAKRAFT.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33     Kif jirriżulta mis-seba' premessa tar-Regolament Nru 40/94, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn numru ta' fatturi u b’mod partikolari mill-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark fis-suq in kwistjoni. Hekk kif il-probabbiltà ta' konfużjoni hija ikbar meta l-karattru distintiv ta' trade mark ikun importanti, it-trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi, kemm intrinsikament kif ukoll minħabba l-għarfien li għandu l-pubbliku, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar dgħajjef (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24; tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).

34     L-eżistenza ta' karattru iktar distintiv minn dak normali, minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu ta' trade mark fis-suq, tippreżupponi neċessarjament li din it-trade mark tkun magħrufa għall-inqas mill-parti l-kbira tal-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollha reputazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Ma jistax jiġi stabbilit b'mod ġenerali, per eżempju billi wieħed jirrikorri għal perċentwali speċifiċi dwar il-livell ta' għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark f'postijiet ikkonċernati, li trade mark għandha karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 52, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24). Madankollu, wieħed għandu jirrikonoxxi ċerta interdipendenza bejn l-għarfien li l-pubbliku għandu ta' trade mark u l-karattru distintiv tagħha fis-sens li, iktar ma t-trade mark tkun magħrufa mill-pubbliku kkonċernat, iktar il-karattru distintiv ta' din it-trade mark ikun qawwi.

35     Sabiex jiġi eżaminat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti in kwistjoni, jiġifieri, b'mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu tagħha, l-importanza ta' l-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tal-pubbliku kkonċernat li bis-saħħa tat-trade mark jidentifikaw il-prodotti jew servizzi bħala li jkunu ġejjin minn impriża speċifika kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija jew ta' assoċjazzjonijiet oħra professjonali (ara, b'analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1999, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punti 26 u 27).

36     Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ppreżentat tliet elementi ta' prova sabiex tistabbilixxi l-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade marks preċedenti tagħha, jiġifieri lista ta' prezzijiet ta' l-1994, analiżi tas-suq ta' l-1997 u analiżi tas-suq ta' l-1992 (ara l-punt 24 iktar 'il fuq).

37     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-lista ta' prezzijiet, għandu jiġi mfakkar li l-preżentazzjoni waħedha tal-katologi, mingħajr indikazzjoni jew prova dwar id-distribuzzjoni tagħhom lill-pubbliku jew dwar l-importanza tad-distribuzzjoni eventwali tagħhom, mhuwiex biżżejjed sabiex juri l-użu ta' trade mark [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs L-UASI – Krafft (VITAKRAFT), T-356/02, Ġabra p. II-3445, punt 34]. Iktar u iktar, hija ma tistax turi l-intensità ta' tali użu. Din il-ġurisprudenza tista' tiġi applikata għal lista ta' prezzijiet li l-funzjoni tagħha tista' tiġi mqabbla ma' dik ta' katalogu. Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Bord ta' l-Appell żbalja dwar il-kontenut ta' din il-lista ta' prezzijiet, għandu jiġi miċħud.

38     It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-analiżi tas-suq imwettaq fl-1992 u fl-1997, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, sabiex tibbenefika minn karattru iktar distintiv minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha, trade mark preċedenti għandha, f'kull każ, tkun magħrufa fost il-pubbliku fid-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal trade mark jew, skond il-każ, fid-data tal-prijorità invokata in sostenn ta' din l-applikazzjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, Ġabra p. II-4297, punti 71 sa 73, u li ma ġietx appellata fuq dawn il-punti]. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż a priori li analiżi mwettqa f'ċertu żmien qabel jew wara din id-data jista' jkun fiha indikazzjonijiet utli, filwaqt li madankollu wieħed iżomm f'moħħu li l-valur probatorju jista' jvarja skond kemm il-perijodu kopert huwiex viċin jew le mad-data ta' preżentata jew mad-data ta' prijorità ta' l-applikazzjoni għat-trade mark in kwistjoni. Barra minn hekk, il-valur probatorju tiegħu jiddependi mill-metodu ta' stħarriġ użat.

39     Fil-kawża preżenti, il-valur ta' l-analiżi ta' l-1997 jonqos, kif isostni ġustament il-Bord ta' l-Appell, minħabba l-fatt li l-persuni intervistati ma wieġbux b'mod spontanju, peress illi l-kwestjonarji użati indikaw is-sinjal in kwistjoni kif ukoll il-prodotti. Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minn naħa, l-identifikazzjoni tal-prodotti koperti kienet neċessarja sabiex twaqqaf il-pubbliku milli jindika trade marks ta' ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem u, min-naħa l-oħra, stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika mingħajr ebda tismija tat-trade mark ikkonċernata ma twassalx għal riżultati utli ħlief fil-każ ta' trade marks magħrufa ħafna ("berühmte Marken") (ara l-punt 27 iktar 'il fuq). Setgħu jiġu indikati lill-persuni intervistati l-prodotti in kwistjoni, mingħajr ma jissemmew it-trade marks VITAKRAFT, jew inkella li tingħatalhom lista ta' trade marks differenti fosthom, b'mod partikolari, is-sinjal preċedenti in kwistjoni.

40     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' dritt meta kkunsidra li l-analiżi ta' l-1997 mhijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, biex turi l-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade marks VITAKRAFT. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tiddeċiedi dwar l-argument supplementari ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti li jgħidu li l-valur probatorju ta' l-analiżi jonqos ukoll bil-fatt li hija tkopri perijodu li ġie wara d-data rilevanti.

41     Għal dak li jirrigwarda l-analiżi ta' l-1992, din ma tistax tiġi skartata mill-ewwel biss minħabba l-fatt li hija tikkonċerna prinċipalment it-trade mark VITA u mhux it-trade marks VITAKRAFT, u dan peress li r-rikorrenti tipprova turi li l-kelma "vita" tikkostitwixxi element dominanti tat-trade marks preċedenti f'dak illi l-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni immedjata bejn it-terminu "vita" u t-trade marks VITAKRAFT minħabba l-għarfien taż-żewġ sinjali u peress illi domanda fl-analiżi tittratta preċiżament din il-konnessjoni eventwali.

42     Madankollu, kif il-Bord ta' l-Appell ikkonstata ġustament, il-valur probatorju ta' l-analiżi ta' l-1992 jonqos bil-fatt li hija saret kważi erba' snin qabel id-data ta' preżentata tat-trade mark in kwistjoni. Barra minn hekk, bħall-Bord ta' l-Appell, għandu jiġi osservat li l-perċentwali ta' persuni li jagħmlu konnessjoni diretta bejn il-kelma "vita" u t-trade marks preċedenti mhijiex għolja biżżejjed sabiex juri li dawn ta' l-aħħar jew l-element "vita" tagħhom igawdu minn karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħhom. Id-domanda magħmula lill-konsumaturi minn min għamel l-istħarriġ wasslithom li jistabbilixxu konnessjoni ekonomika bejn it-trade marks VITAKRAFT u kull sinjal li fih il-kelma "vita", peress li l-preżenza eventwali ta' elementi oħrajn flimkien mat-terminu "vita" ma setgħetx tiġi f'moħħ il-konsumaturi intervistati. Anki f'dawn iċ-ċirkustanzi, 33% tal-persuni intervistati biss li għandhom annimal domestiku jaħsbu li s-sinjali kollha li għandhom l-element "vita" huma ta' l-istess impriża. 25% biss tal-persuni intervistati li għandhom annimal domestiku jagħmel konnessjoni bejn it-terminu "vita" u trade mark jew impriża bl-isem VITAKRAFT.

43     Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell sostna ġustament li l-konsumaturi kienu ġew infurmati bil-prodotti kkonċernati (prodotti għall-kura ta' annimali) kif ukoll bit-trade marks in kwistjoni (VITA u VITAKRAFT). Meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li d-domandi magħmula lill-konsumaturi setgħu jorjentawhom lejn risposta pjuttost favorevoli għar-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda ġustament li l-analiżi ta' l-1992 ma kinitx suffiċjenti biex tistabbilixxi li dawn it-trade marks preċedenti kienu magħrufa u, b'daqshekk, il-karattru distintiv qawwi tagħhom jew dak ta' l-element "vita" tagħhom.

44     Għal dawn il-motivi, billi r-rikorrenti ma tatx prova biżżejjed li t-trade marks preċedenti jgawdu minn karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku kellu tagħhom, l-ewwel parti tar-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tar-raġuni, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tax-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

45     Għal dak li jirrigwarda s-sinjali in kwistjoni, ir-rikorrenti tikkontesta, qabel kollox, li l-element "vita" tgawdi minn karattru distintiv intrinsiku imnaqqas, u dan jekk jiġi preżunt li l-Bord ta' l-Appell kellha raġun tikkunsidra li l-pubbliku kkonċernat jassoċja din il-kelma mal-kliem Ġermaniżi "vitali" (vital) u "Vitalität" (vitalità). Minn naħa, anki jekk din il-kelma latina, li tfisser "ħajja", hija xi drabi użata minn minoranza ta' persuni, li għandhom kultura ġenerali tajba, sabiex jitkellmu dwar il-"ħajja ta' persuna" ("Lebenslauf" bil-Ġermaniż), dan is-sinjifikat mhuwiex magħruf mill-maġġoranza tal-konsumaturi Ġermaniżi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, il-kliem Ġermaniżi "vital" u "Vitalität" mhumiex deskrittivi tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-UASI diġà rrikonoxxa l-karattru distintiv tal-kelma "vita" billi ppubblika, fil-15 ta' Lulju 2002, l-applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja VITA li tkopri prodotti simili għal dawk koperti mit-trade marks preċedenti.

46     Minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade marks preċedenti, il-kelma "vita" tikkostitwixxi, skond ir-rikorrenti, l-element dominanti tagħhom.

47     Indipendentement minn dak kollu li ntqal, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li twettqet mill-Bord ta' l-Appell dwar ix-xebh bejn is-sinjali fuq livell viżiv, kunċettwali u fonetiku.

48     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, ir-rikorrenti tenfasizza, qabel xejn, li l-konsumatur mhuwiex ser jagħmel analiżi filoloġika tat-trade mark. Għall-kuntrarju, billi l-livell ta' attenzjoni tiegħu huwa relattivament baxx meta jiġi biex jagħżel il-prodotti in kwistjoni, l-identiċità ta' l-ewwel parti tas-sinjali VITAKRAFT u VITACOAT kif ukoll l-identiċità ta' l-ittri "a" u "t" fit-tieni parti tagħhom tista' twassal sabiex huwa joħloq konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni. Ir-rikorrenti qajmet, fis-seduta, il-fatt li l-konsumatur jagħti iktar attenzjoni għall-bidu ta' sinjal vebali milli għat-tmiem tiegħu.

49     It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell wettaq, skond ir-rikorrenti, żball meta sostna li l-konsumatur m'hu ser jagħmel ebda konnessjoni bejn il-kelma Ingliża "coat" u r-referenza magħmula għall-kliem Ġermaniżi "vital" u "Vitalität", u dan indipendentement mill-fatt jekk jafx jew le s-sinjifikat tal-kelma Ingliża. Ir-rikorrenti ssostni li ħafna mill-konsumaturi Ġermaniżi jafu li l-kelma "coat" tfisser "Fell" (ġild ta' annimal bil-pil) bil-Ġermaniż, b'tali mod li jifhmu l-karattru deskrittiv tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-pubbliku kkonċernat jifhem il-kelma "coat" ma jwassalx għal differenza kunċettwali, iżda, għall-kuntrarju, jenfasizza x-xebh kunċettwali bejn it-trade marks konfliġġenti.

50     Fis-seduta, ir-rikorrenti żiedet tgħid li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 54; tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz Picasso et vs l-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punt 56, u tas-27 ta' Ottubru 2005, Éditions Albert René vs l-UASI – Orange (MOBILIX), T-336/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 80, taħt appell], differenza kunċettwali li tista' tinnewtralizza, fil-parti l-kbira, ix-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, teżisti biss jekk is-sinjal fit-totalità tiegħu kellu sinjifikat ċar u speċifiku. Fl-opinjoni tagħha, dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti, peress illi l-kliem "vitakraft" u "vitacoat" m'għandhomx sinjifikat konkret la bil-Ġermaniż u lanqas bl-Ingliż.

51     It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda x-xebh fonetiku, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li dan ma jistax jiġi nnewtralizzat mill-allegata differenza kunċettwali bejn is-sinjali, liema differenza ma teżistix fil-kawża preżenti. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-preżenza ta' l-ittri "r" u "t" fit-trade marks preċedenti teskludi xebh fonetiku, tikser il-prinċipju li l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata skond l-elementi li jixxiebhu tas-sinjali u mhux skond id-differenzi tagħhom.

52     L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

53     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza BASS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54     Qabel kollox, għal dak li jikkonċerna l-grad ta' karattru distintiv tal-kelma "vita", il-pubbliku kkonċernat, ikkostitwit minn konsumaturi Ġermaniżi medji li għandhom annimal domestiku, ser jifhem il-kelma "vita", li ma teżistix bħala tali fil-lingwa Ġermaniża, bħala li talludi għal kliem bħal "vital" (vitali) u "Vitalität" (vitalità). Meta kelma li toriġina mil-Latin mhijiex daqstant familjari għal konsumatur li jitkellem bil-lingwa Ġermaniża milli għal konsumatur Spanjol, il-kelma "vita" tinvoka ġeneralment kwalità pożittiva attribwibbli lil varjetà kbira ta' prodotti jew ta' servizzi differenti. Fil-fatt, il-kelma "vita" tikkostitwixxi prefiss li jagħti lill-kelma li tiġi wara, jiġifieri l-kelma Ġermaniża "Kraft" (forza, saħħa) konnotazzjoni ta' "vitalità". Għaldaqstant, il-pubbliku mhuwiex ser jipperċepixxi din il-kelma, fil-kawża preżenti, bħala element distintiv u dominanti tas-sinjal preċedenti. Għalhekk, għandha tiġi miċħuda t-teorija tar-rikorrenti li tgħid li l-kelma "vita" għandha karattru distintiv intrinsiku qawwi. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 33 sa 44 iktar 'il fuq, il-kelma "vita" lanqas m'hija partikolarment distintiva minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade marks preċedenti jew minħabba konnessjoni ekonomika li l-pubbliku kkonċernat jista' jistabbilixxi bejn il-proprjetarju tagħhom u t-trade marks VITA.

55     Il-fatt li l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali VITA għal prodotti simili għal dawk koperti mit-trade marks preċedenti ġiet ippubblikata mill-UASI ma jeffettwax din l-evalwazzjoni. Mhijiex kwistjoni jekk dan is-sinjal huwiex "nieqes minn karattru distintiv" jew "purament deskrittiv", b'tali mod li r-reġistrazzjoni tiegħu tiġi rifjutata skond l-Artikolu 7(1)(b) jew (c) tar-Regolament Nru 40/94. Hija biss kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk il-kelma "vita" tikkostitwixxix l-element dominanti tat-trade marks preċedenti.

56     Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, għandu jiġi osservat li s-sinjali in kwistjoni huma komposti mill-elementi "vita", minn naħa, u "kraft" jew "coat", min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, għandhom in komuni l-ewwel parti tagħhom ("vita") kif ukoll l-aħħar ittra ("t") u ittra fin-nofs tat-tieni parti tagħhom ("a"). Barra minn hekk, it-tul tagħhom huwa kważi identiku. Minkejja dawn l-elementi li jixxiebhu, id-differenza bejn it-tieni partijiet tal-kliem, jiġifieri l-elementi "kraft" u "coat", jagħtu impressjoni globali differenti. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata ġustament li, għal dak li jirrigwarda l-impressjoni viżiva sħiħa, id-differenzi huma ikbar mill-elementi li jixxiebhu.

57     Fuq livell fonetiku, għandu jiġi osservat li l-kelma "vitakraft" hija magħmula minn tliet sillabi ("vi", "ta" u "kraft"), b'sekwenza ta' vokali "i - a - a" u b'ċertu karattru fonetiku li jiġbed l-attenzjoni bis-saħħa tal-konsonanti "r" u "f", għaliex il-konsonanti "k" u "t" huma siekta u qosra. L-aċċent prinċipali huwa fuq l-ewwel sillaba u hemm aċċent iktar dgħajjef fuq l-aħħar waħda. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, għandu jiġi osservat li l-kliem Ingliżi huma komuni biżżejjed fil-pubbliċità Ġermaniża, b'tali mod li ħafna mill-konsumaturi jkunu jafu għall-inqas ir-regoli ta' pronunzja Ingliżi. Għalhekk, huma ser jippronunzjaw il-kelma "coat" f'ħoss wieħed, simili ħafna għal "co:t". Min-naħa l-oħra, peress illi l-kelma "vita" hija simili għall-kliem Ġermaniżi "vital" u "Vitalität", il-konsumaturi mhux ser ibidlu l-pronunzja Ġermaniża ta' din il-kelma ("vi :ta") bil-pronunzja Ingliża ("vaita"). Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha tliet sillabi b'sekwenza ta' vokali "i - a - o" u, fit-tieni parti tagħhom, biss il-konsonanti "c" u "t", fejn l-aċċent huwa fuq l-ewwel sillaba. Minħabba d-differenza fil-pronunzja bejn it-tielet sillaba tal-kliem "vitakraft" u "vitacoat", għandu jiġi konkluż, kif għamel il-Bord ta' l-Appell, li l-elementi li huma differenti fonetikament huma importanti.

58     Fl-aħħar nett, fuq livell kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata, ġustament, li l-assoċjazzjoni, fit-trade marks preċedenti, bejn il-kliem "vita", marbuta mal-kunċett ta' vitalità, u "kraft", li tfisser "forza, saħħa" bil-Ġermaniż, twassal lill-konsumaturi sabiex jassoċjaw il-kelma "vitakraft" mal-kwalità li jissaħħu jew li jiġu stabbiliti mill-ġdid is-saħħa u l-vitalità, anki jekk il-kelma ma teżistix bħala tali fil-Ġermaniż. Għal dak li jirrigwarda t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kelma "coat" m'għandha ebda tifsira bil-Ġermaniż. Mhuwiex daqstant probabbli li l-konsumaturi jifmhu l-kelma Ingliża "coat". Huma jafu, l-iktar, li din il-kelma tfisser "kowt" bl-Ingliż. F'kull każ, anki jekk ikunu jafu t-tifsiriet kollha tagħha, jibqa' l-fatt li dawn huma differenti ħafna minn dik tal-kelma "Kraft". Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumaturi jifmhu eventwalment is-sinjifikat tal-kelma "coat" ma jwassalhomx biex jipperċepixxu l-kelma "vita" bħala l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-istess bħal dik tat-trade marks preċedenti. L-impressjoni kunċettwali sħiħa hija dik ta' element wieħed li fih l-prefiss "vita" tagħti lill-kelma "coat" ċerta konnotazzjoni marbuta mal-kunċett ta' "vitalità", fejn dawn iż-żewġ kelmiet jiffurmaw unità, mingħajr ma waħda mit-tnejn tista' tiġi kkunsidrata bħala li tiddomina fuq l-oħra.

59     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li jeżisti xebh viżiv żgħir, ikkostitwit, essenzjalment, mill-identiċità ta' l-erba' ittra tal-bidu taż-żewġ sinjali, iżda mnaqqas b'mod kunsiderevoli minħabba d-differenza bejn it-tieni parti tas-sinjali in kwistjoni, jiġifieri l-kliem "kraft" u "coat".

60     Bl-istess mod, hemm xebh fonetiku żgħir, ikkostitwit mill-identiċità taż-żewġ sillabi inizjali ("vi - ta"), iżda mnaqqas b'mod kunsiderevoli mid-differenza fonetika bejn il-kelma "kraft" (distinta permezz tal-vokali "a" u l-konsonanti "r" u "f") u "coat" (distinta permezz tal-vokali "o").

61     Fl-aħħar nett, peress illi l-kelma "Kraft" għandha sinjifikat preċiż u perċettibbli mill-ewwel għall-konsumaturi Ġermaniżi, filwaqt li l-kelma "coat" m'għandha għalihom ebda sinjifikat jew tiġi, l-iktar, ikkunsidrata bħala kelma Ingliża li għandha tifsira differenti, għandha tiġi kkonstatata differenza kunċettwali distinta bejn is-sinjali. Tali differenza kunċettwali hija ta' natura li tinnewtralizza f'parti kbira x-xebh viżiv u fonetiku żgħir bejn is-sinjali in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BASS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54). Il-preżenza tal-prefiss "vita" fis-sinjali konfliġġenti ma teffettwax din l-evalwazzjoni, għaliex huwa ser jiġi pperċepit bħala prefiss, b'tali mod li l-parti l-kbira mill-impressjoni globali mogħtija mis-sinjali hija ddeterminata, fuq livell kunċettwali, mit-tieni parti tas-sinjali.

62     Meta tittieħed in kunsiderazzjoni d-differenza kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni u l-elementi viżivi u fonetiċi differenti, għandha tiġi aċċettata l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li s-sinjali huma simili biss fuq livell baxx ħafna, għaliex id-differenza kunċettwali tinnewtralizza f'parti kbira l-elementi li jixxiebhu fonetikament u viżivament.

 Fuq it-tielet parti tar-raġuni, li tirrigwarda l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

63     L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni mwettqa mill-Bord ta' l-Appell hija, skond ir-rikorrenti, ivvizjata bl-iżbalji li ġejjin.

64     L-ewwel nett, huwa ma ħax in kunsiderazzjoni l-karattru distintiv qawwi tat-trade marks preċedenti minħabba l-fatt li huma magħrufa fis-suq. It-tieni nett, huwa ma tax importanza biżżejjed lil-livell ta' xebh bejn is-sinjali konfliġġenti. It-tielet nett, il-Bord ta' l-Appell ma tax importanza biżżejjed lill-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni.

65     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-qrati Ġermaniżi rrikonoxxew regolarment, f'każijiet simili, l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, liema fatt jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-qrati mehmuża mar-rikors.

66     L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti. Barra minn hekk, L-UASI jsostni li, peress illi d-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi ma ġewx ippreżentati matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, dawn id-dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

67     Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 44 u 62 iktar 'il fuq, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball meta sostna, minn naħa, li t-trade marks preċedenti ma jgawdux minn karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku kellu tagħhom u, min-naħa l-oħra, li s-sinjali in kwistjoni kienu biss ftit simili.

68     Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra l-identiċità ta' ħafna mill-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni. Madankollu, huwa kkunsidra li s-sinjali kienu differenti biżżejjed, b'mod partikolari fuq livell kunċettwali, sabiex jeskludu probabbiltà ta' konfużjoni anki f'relazzjoni mal- prodotti identiċi. Il-Qorti tal-Prim'Istanza jaqbel ma din id-deċiżjoni, anki jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-livell baxx ta' attenzjoni li tingħata fl-għażla tal-prodotti in kwistjoni.

69     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza Ġermaniża mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat, qabel xejn, li s-sentenzi tal-qrati Ġermaniżi ġew invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

70     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza hu intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fatti li jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, mingħajr ma jkunu ġew ippreżentati quddiem id-diversi istanzi ta' l-UASI preċedentement, jistgħu jaffettwaw il-legalità ta' tali deċiżjoni biss jekk l-UASI kellu jikkunsidrahom ex officio. F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1), li tgħid li fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għar-rifjut ta' reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għar-raġunijiet invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet, li huwa mhuwiex obbligat jikkunsidra ex officio l-fatti li ma jkunux ġew imressqa mill-partijiet. Għaldaqstant, tali fatti ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs L-UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, Ġabra p. II-2939, punt 13].

71     Madakollu, għandu jiġi ppreċiżat li la l-partijiet u lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza stess m'huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, minn elementi bbażati fuq ġurisprudenza Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali. Tali possibbiltà li jsir riferiment għal sentenzi ta' qrati nazzjonali mhijiex imsemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar 'il fuq, peress illi l-Bord ta' l-Appell mhuwiex qed jiġi kkritikat li ma ħax in kunsiderazzjoni elementi ta' fatt f'sentenza nazzjonali preċiża, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, u qed tiġi invokata l-ġurisprudenza in sostenn ta' din ir-raġuni.

72     Madankollu, fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi invokati mir-rikorrenti mhumiex ta' natura li jannullaw id-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, huma ma jistgħux jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Bord ta' l-Appell u lanqas jagħtu prova ta' l-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade marks preċedenti fis-suq jew tal-fatt li l-konsumatur Ġermaniż jagħmel konnessjoni bejn il-kelma "vita" u t-trade marks tar-rikorrenti, għal raġunijiet mogħtija fil-punt 70 iktar 'il fuq. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma invokatx argument legali speċifiku bbażat fuq dawn id-deċiżjonijiet li jippermetti li wieħed jispira ruħu fiċ-ċirkustanzi mogħtija fil-punt 71 iktar 'il fuq.

73     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq ebda żball fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raġuni hija infondata. Minn dan jirriżulta li r-raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, ir-rikors ukoll.

 Fuq it-talba ta' l-intervenjenti intiża għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

74     Għal dak li jikkonċerna t-tielet kap tat-talbiet ta' l-intervenjenti, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri biex jeżegwixxi s-sentenza. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tindirizza inġunzjonijiet lill-UASI. Huwa dan ta' l-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi ta' din is-sentenza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs L-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punt 53; tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12, u tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 19].

75     Safejn l-intervenjenti titlob it-tkomplija, mill-UASI, tal-proċedura ta' reġistrazzjoni, din hija, fl-aħħar riżors, miżura li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza u tifforma parti, fir-realtà, mill-ewwel kap ta' talbiet, intiż sabiex jiġi miċħud ir-rikors. Jekk l-intervenjenti kellha l-intenzjoni, barra minn hekk, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-UASI sabiex jipproċedi bir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, din it-talba tkun inammissibbli skond il-ġurisprudenza kostanti ċċitata fil-punt preċedenti.

 Fuq l-ispejjeż

76     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tkopri l-każ ipotetiku fejn id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell hija annullata, inkluż il-parti dispożittiva li tirrigwarda l-ispejjeż tal-proċedimenti. Min-naħa l-oħra, meta d-deċiżjoni kkontestata mhijiex annullata, anki parzjalment, id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż quddiem l-UASI tibqa' valida, bir-riżerva ta' appell eventwali.

77     Minn dan jirriżulta li għandħa tiġi miċħuda t-talba ta' l-intervenjenti intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u quddiem il-Bord ta' l-Appell. Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuti u l-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) kif ukoll l-ispejjeż ta' l-intervenjenti sostnuti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Lulju 2006.

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.