Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2023 – Pilatus Bank vs BĊE

(Kawża T-1056/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Pilatus Bank plc (Ta’ Xbiex, Malta) (rappreżentant: O. Behrends, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-BĊE huwa responsabbli għad-danni kkawżati lir-rikorrenti minħabba n-nuqqas tal-BĊE li jwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tar-rappreżentanza tar-rikorrenti u tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll fir-rigward tal-irtirar tal-liċenzja maħruġa mill-BĊE permezz tad-deċiżjoni tal-BĊE tat-2 ta’ Novembru 2018, li tħabbret pubblikament u li ġiet ikkomunikata b’ittra elettronika fil-5 ta’ Novembru 2018;

tiddikjara li l-BĊE għandu jikkumpensa d-dannu permezz ta’ restituzzjoni in natura;

tiddikjara li l-BĊE għandu jipprovdi kumpens finanzjarju;

tiddetermina l-ammont tad-dannu finanzjarju wara li tkun stabbilita mill-ġdid ir-rappreżentanza effettiva tar-rikorrenti u wara li r-rikorrenti tkun għamlet sottomissjonijiet dwar dan il-punt;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv: l-aġir tal-konvenut jikkostitwixxi ksur serju ta’ dispożizzjonijiet legali intiżi li jagħtu drittijiet lir-rikorrenti u r-rikorrenti ġarrbet dannu bħala konsegwenza diretta ta’ dan l-aġir. L-aġir inkwistjoni tal-BĊE jikkonsisti: (1) fin-nuqqas li jaċċetta lid-diretturi tar-rikorrenti u lill-avukat maħtur minn dawn id-diretturi bħala r-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-konfront tal-BĊE u fin-nuqqas li jippermetti rappreżentanza effettiva; (2) fit-trattament żbaljat tal-hekk imsejħa “Persuna Kompetenti” bħala r-rappreżentant uniku tar-rikorrenti; (3) fl-impożizzjoni mill-BĊE tar-rekwiżit li kwalunkwe att ta’ rappreżentanza kellu jitwettaq mill-Persuna Kompetenti jew bl-approvazzjoni espliċita tagħha; (4) fin-nuqqas ta’ konformità mal-pożizzjoni allegata tal-BĊE stess fir-rigward tar-rappreżentanza tar-rikorrenti minħabba azzjonijiet inkonsistenti wara l-kwinti; (5) fin-nuqqas li jaġixxi b’mod trasparenti u li jżomm rekords tal-aġir tiegħu; (6) fin-nuqqas li jintroduċi garanziji jew miżuri li jtaffu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tal-BĊE; (7) fl-aġir tal-BĊE inkonnessjoni mal-eliminazzjoni de facto ta’ kwalunkwe rappreżentanza residwa potenzjali tar-rikorrenti immedjatament qabel l-irtirar tal-liċenzja u ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Appell ta’ Malta tal-pożizzjoni żbaljata tal-BĊE dwar ir-rappreżentanza tar-rikorrenti; u (8) fin-nuqqas tal-BĊE, wara l-bidla fil-pożizzjoni tiegħu fl-20 ta’ Diċembru 2018, li jirrettifika jew itaffi l-konsegwenzi tal-aġir żbaljat tiegħu fil-passat u speċifikament fl-insistenza tiegħu li hemm allegat privileġġ li jwaqqaf lill-Persuna Kompetenti milli tikkomunika informazzjoni lir-rappreżentanti legali tar-rikorrenti.

It-tieni motiv: ir-rikorrenti ġarrbet dannu sinjifikattiv minħabba l-aġir tal-BĊE iżda l-kwantifikazzjoni ta’ dan it-telf ma hijiex possibbli qabel ma tiġi stabbilita mill-ġdid ir-rappreżentanza effettiva tar-rikorrenti.

It-tielet motiv: il-BĊE kkawża u għadu jikkawża dannu sinjifikattiv li jista’ jiġi kkumpensat b’mezzi finanzjarji u b’restituzzjoni in natura.

____________