Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2023 – Apple vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1080/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Apple Inc. (Cupertino, California, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Beard, S. Love, J. Bourke, Barristers-at-Law, W. Knibbeler u T. van Helfteren, lawyers)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla totalment jew parzjalment l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2023 u kkomunikata lil Apple fis-6 ta’ Settembru 2023, referenza DMA.100013, DMA.100025 u DMA.100027, sabiex taħtar lir-rikorrenti bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2002/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L. 265, p. 1), li jispeċifika s-sistema operattiva iOS tal-Apple bħala gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali, sa fejn jimponi obbligu fuq Apple li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ interoperabbiltà tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925, u/jew tiddikjara l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925 inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFEU;

tannulla totalment jew parzjalment l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2023 li jispeċifika li s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online App Store ta’ Apple huwa servizz ewlieni wieħed ta’ pjattaforma li jikkostitwixxi gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ Settembru 2023 sa fejn tikkonkludi b’mod żbaljat li iMessage huwa servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/1925 u d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; u

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925 ma huwiex konsistenti mar-rekwiżiti tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u fuq li l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2023 hija illegali sa fejn timponi obbligi taħt l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925 fuq Apple relattivi għal iOS.

It-tieni motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni żbaljata tar-Regolament (UE) 2022/1925, u fatti materjalment ineżatti, meta ġie konkluż li l-ħames App Stores tar-rikorrenti huma servizz ewlieni wieħed ta’ pjattaforma.

It-tielet motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni żbaljata tar-Regolament (UE) 2022/1925 u tad-Direttiva (UE) 2018/1972, u fatti materjalment ineżatti, meta ġie konkluż li iMessage huwa servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

____________