Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2013 – Miettinen vs Il-Kunsill

(Kawża T-303/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Samuli Miettinen (Espoo, il-Finlandja) (rappreżentanti: O. Brouwer, E. Raedts, avukati, u A. Villette, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Marzu 2013, li tirrifjuta li tagħti aċċess sħiħ għad-Dokument 15309/12 skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ikkomunikata lir-rikorrent fil-25 ta’ Marzu 2013 f’ittra bir-referenza ‘04/c/01/13’ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrent skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż għal kwalunkwe parti intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi:

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji u pariri legali u l-protezzjoni ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni pendenti rispettivament, peress li

L-ewwel nett, il-Kunsill naqas milli juri li l-iżvelar tad-Dokument 15309/12 jippreġudika l-kapaċità tas-servizz legali tiegħu sabiex jiddefendih fi proċeduri legali futuri, u jimmina l-proċess leġiżlattiv;

It-tieni nett, il-Kunsill naqas milli juri li d-Dokument 15309/12 huwa partikolarment sensittiv u/jew ta’ portata wiesgħa li jiġġustifika li tiġi skartata l-preżunzjoni favur l-iżvelar ta’ opinjonijiet legali fil-kuntest leġiżlattiv;

It-tielet nett, it-teorija tal-Kunsill ta’ preġudizzju hija purament teoretika. Hija fattwalment, kif ukoll legalment, infondata, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-parir fid-Dokument 15309/12, kunsens bejn l-Istati Membri li konformament mal-analiżi tas-servizz legali, kien pubbliku meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata; u

Ir-raba’ nett, il-Kunsill applika ħażin it-test ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku meta invoka l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) billi kkunsidra biss ir-riskji pperċipiti għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tiegħu assoċjat ma’ żvelar u ma kkunsidrax l-effetti pożittivi ta’ tali żvelar, inter alia, għal-leġittimità tal-proċess ta’ teħid ta’deċiżjoni u naqas milli japplika t-test kompletament meta invoka t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2).

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kunsill naqas billi jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata.