Language of document : ECLI:EU:T:2014:1055

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

11 ta’ Diċembru 2014

Kawża T‑304/13 P

Chris van der Aat et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’Varese – Artikoli 64 sa 65a tar-Regolamenti tal-Persunal – Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolament (UE) Nru 1239/2010 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett :      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Marzu 2013, van der Aat et vs Il-Kummissjoni (F‑111/11, ĠabraSP, UE:F:2013:42), u ntiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      L-appell huwa miċħud. Chris van der Aat u l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Talba għal aċċess ta’ uffiċjal għal data użata għall-kalkolu ta’ koeffiċjenti korretturi – Obbligu li titressaq talba għal aċċess skont ir-regolament quddiem l-amministrazzjoni – Ksur tad-dritt għal rikors effettiv  – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XI, Artikolu 3; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti – Obbligi ta’ min iressaq it-talba – Ċaħda ta’ talba fil-każ ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjoni – Ksur tad-dritt għal rimedju effettiv – Assenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 54)

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Iffissar – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 64 u 65 u Anness XI)

1.      Skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa l-uffiċjal li jixtieq aċċess għal data li abbażi tagħha twettqu l-kalkoli statistiċi fl-oriġini ta’ koeffiċjenti korrettivi applikabbli għar-remunerazzjoni ta’ uffiċjali li għandu jintroduċu talba għal aċċess fil-kuntest tal-imsemmi regolament. Il-ħtieġa għal tali talba la hija bl-ebda mod inkompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv, u lanqas ma tikser l-effettività tal-formazzjoni ta’ grupp tekniku dwar ir-rimunerazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ twaqqif ta’ stabbiliment ta’ koeffiċjent korrettur, ladarba d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti huwa previsti mit-termini stess tar-Regolament Nru 1049/2001 taħt il-kundizzjonijiet previsti fih u li ebda proċedura ta’ deroga ma hija applikabbli minħabba l-fatt biss li min jagħmel it-talba huwa uffiċjal tal-Unjoni.

(ara l-punt 58)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il-Kummissjoni, T‑175/97, ĠabraSP EU:T:2000:259, punt 85 ; 25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑72/01, ĠabraSP EU:T:2003:176, punt 62

2.      It-Tribunal għas-Servizz ma jistax jiġi kkritikat li jikser id-dritt għal rimedju effettiv ta’ rikorrrent meta jiċħad it-talba tiegħu għall-produzzjoni ta’ dokumenti miżmuma mill-istituzzjoni konvenuta, meta l-imsemmi rikorrent ma jipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza għall-eżitu tat-tilwima ta’ dokumenti li l-istituzzjoni kkonċernata tirrifjuta li tipprovdilu. Fil-fatt, għalkemm hemm il-possibbiltà ta’ involviment tal-qorti fit-tfittxija tal-provi għall-benefiċċju tar-rikorrent, dan l-involviment għandu jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, ir-rikorrent jkollu bżonn, sabiex jissostanzjaw l-argumenti tagħhom, ċerti provi li jkunu fil-pussess tal-konvenut u jsiuha diffiċli jikseb dawn il-provi, jew saħansitra dik il-parti tirrifjuta li tipprovdihom. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm l-intervent dirett tal-qorti fit-tfittxija għall-provi, għandhom jingħataw indizji preċiżi biżżejjed, oġġettivi u konsistenti tali li jsostnu l-veraċità u l-adegwatezza jew ir-raġonevolezza tal-fatti allegati, li l-provi mfittxija jservu li jippruvaw.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tat-12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP, EU:T:2008:71, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-grad ta’ kumplessità tal-materja jfisser li l-istituzzjonijiet jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-fatturi u elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jkunu aġġustati r-remunerazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni, rigward id-definizzjoni u l-għażla ta’ data bażika u l-metodi statistiċi użati mill-Eurostat għall-istabbiliment ta’ proposti ta’ koeffiċjenti korretturi, għandha tkun limitata għall-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipji stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti abbażi tal-istabbiliment ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u tal-assenza ta’ abbuż ta’poter.

Barra minn hekk, huwa l-partijiet li jridu jikkontestaw l-elementi u l-metodu użati mill-Kummissjoni sabiex jiffissaw il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li għandhom jipprovdu elementi li jistgħu juru li żball manifest twettaq.

(ara l-punti 66 sa 68)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-25 ta’ Settemrbu 2002, Ajour et vs Il-Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, ĠabraSP, EU:T:2002:224, punti 47 sa 49, u l-ġurisprudenza ċċitata