Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2022 – Shammout vs Il-Kunsill
(Kawża T-649/22)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Issam Shammout (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: L. Cloquet, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1277 tal-21 ta’ Lulju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja 1 , sa fejn din tapplika għar-rikorrent,
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1275 tal-21 ta’ Lulju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja 1 , sa fejn dan japplika għar-rikorrent,
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi dawk inkorsi mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti. Il-Kunsill għamel żball manifest meta evalwa l-fatti billi qies li r-rikorrent huwa “negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja”.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur sproporzjonat tad-dritt għas-sjieda u għall-eżerċizzju ta’ professjoni.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni pprovdut fl-Artikolu 296(2) TFUE.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju xieraq.
____________
1 ĠU 2022, L 194, p. 15.
1 ĠU 2022, L 194, p. 8.