Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2011 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-294/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias u S. Papaiioannou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' r-rikors;

tannulla d-deċiżjoni ta' implementazzjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta'April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fil-parti li tirrigwarda l-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq ir-Repubblika Ellenika, jew inkella, temendaha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta'April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bin-numru C(2011) 2517 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE L 102/33/16-4-2011 (ĠU L 102, p. 33) bin-Nru 2011/244/UE fil-parti li tirrigwarda l-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq ir-Repubblika Ellenika, fis-setturi (a) tal-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, (b) tal-infiq għall-istabbiliment tal-GIS, u (ċ) tal-għajnuna diretta (Prodotti tal-ħart).

Fir-rigward tal-korrezzjoni għas-settur tal-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni, li l-Kummissjoni għamlet żball fl-evalwazzjoni tal-punti ta' fatt peress li l-kontrolli fundamentali tas-sistema jiġu vverifikati regolarment b'nuqqasijiet żgħar, li ma jiġġustifikawx il-korrezzjoni rispettiva ta'10 % u ta' 15 %, iktar u iktar peress li mill-1 ta' Novembru 2003 daħlet fis-seħħ is-sistema ta' informazzjoni ġeografika, li taħdem u hija affidabbli, għas-settur taż-żejt fil-Greċja (GIS taż-żejt), bħala l-istrument fundamentali ta' kontroll tas-sistema sħiħa ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, u fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-tkabbir jiġu kkontrollati fid-dettall, kif jiġu kkontrollati l-produzzjoni mis-siġar taż-żebbuġ u l-funzjonament sħiħ tal-imtieħen taż-żejt.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li: a) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex bażi legali valida u reali għaż-żieda tal-korrezzjoni minħabba reċidiva, u t-tifsira li l-Kummissjoni tagħti għal tali terminu hija żbaljata, peress li huwa evidenti li ma jeżistux nuqqasijiet ripetuti, fejn iż-żieda identifikata bħala tali mill-Kummissjoni hija bbażata fuq preżuppost żbaljat peress li l-Kummissjoni tagħti tifsira żbaljata lil dan it-terminu u minnu toħroġ valutazzjoni manifestament żbaljata tal-allegati nuqqasijiet ripetuti, peress li issa, l-istrument fundamentali ta' kontroll tas-sistema, il-GIS taż-żejt, daħal fis-seħħ u b) il-Kummissjoni żbaljat fl-evalwazzjoni tal-fatti sa fejn, fi kwalunkwe każ, iż-żieda tal-korrezzjoni mill-10 % għall-perijodu 2003-2004 għal 15 % fil-perijodu 2004-2005 hija illegali u ma hijiex ġustifikata, peress li fl-imsemmi perijodu seħħ għadd ta' titjib u aġġornament kontinwu tal-GIS taż-żejt u, għaldaqstant, mhux talli s-sistema ta' kontroll ma marritx lura, talli tjiebet sostanzjalment.

Fir-rigward tal-korrezzjoni għas-settur tal-infiq tal-istabbiliment tal-GIS, ir-rikorrenti l-ewwelnett issostni, li ma hemmx bażi legali għall-korrezzjoni finanzarja tal-infiq relattiv għall-proċedura ta' stabbiliment tal-GIS taż-żejt, peress li l-fondi għall-istabbiliment tagħha kienu tnaqqsu mill-għajnuna li kellha tingħata lill-produtturi Griegi, minħabba li n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-infiq jikkostitwixxi motiv ta' arrikkiment indebitu tal-FAEGG u piena finanzjarja doppja, filwaqt li, fi kwalunkwe każ, kull infiq li seħħ huwa eliġibbli sakemm ma jabiżx il-baġit kif approvat mill-Kummissjoni u l-ammont totali mnaqqas għall-produtturi Griegi, filwaqt li l-mument kruċjali sabiex jiġi evalwat jekk nefqa partikolari hijiex legali jew le huwa l-mument li fih seħħ impenn legali jew il-mument tal-applikazzjoni ta' din in-nefqa, u mhux meta din in-nefqa ġiet iddikjarata.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni: a) il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità għall-infiq ta' EUR2 920 191.03 li ġejjin minn kuntratti addizzjonali u b) l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti għall-infiq li ġej mill-kuntratt 5190/ES/2003.

Fir-rigward tal-korrezzjoni għas-settur tal-għajnuna diretta (Prodotti tal-ħart), ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li a) ma teżisti l-ebda bażi legali valida għall-applikazzjoni tal-linji-gwida l-qodma, li kienu jipprovdu għall-introduzzjoni ta' ċerti ammonti ta' korrezzjonijiet għall-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, għas-sistema l-ġdida ta' għoti waħdieni ta' għajnuna u b) l-applikazzjoni tagħhom tippreġudika b'mod gravi l-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni l-evalwazzjoni żbaljata tal-punti ta' fatt: a) fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati tal-LPIS-GIS, b) fir-rigward tal-fatt li juri li mit-tqabbil tad-data tal-LPIS-GIS, bl-użu tas-sena ta' sottomissjonijiet tat-talbiet 2007, mad-data ta-LPIS-SIG tal-2009, kompleta u affidabbli, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni permezz ta' kontroll fuq il-post, jirriżulta li d-differenzi u n-nuqqasijiet huma minimi u ma jaqbżux it-2 %, u għaldaqstant, kwalunkwe korrezzjoni ma għandhiex taqbeż tali ċifra u (ċ) fir-rigward tal-allegat nuqqas ta' kontrolli amministrattivi, kontroverifiki u verifiki fuq il-post u l-kwalità tagħhom, u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta' kejl tal-mergħa u għall-allegat twettiq tardiv tal-kontrolli fuq il-post, mill-mument li l-għadd ta' titjib li seħħ matul is-sena ta' sottomissjoni tat-talbiet 2007 għandhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ma timponi l-ebda korrezzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1290/05 1 fir-rigward tal-korrezzjoni għall-infiq għall-iżvilupp rurali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni