Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2011 - Duscholux Ibérica vs UASI - Duschprodukter i Skandinavien (duschy)

(Kawża T-295/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Duscholux Ibérica, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentant: J. Carbonell Callicó, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Duschprodukter i Skandinavien AB (Hisings Backa, l-Isveżja)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tbiddel id-deċiżjoni mogħtija fil-21 ta' Marzu 2011 mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fil-Każ R 662/2010-1;

sussidjarjament u biss fil-każ li tiġi rrifjutata l-ewwel talba, tannulla d-deċiżjoni mogħtija fil-21 ta' Marzu 2011 mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fil-Kawża R 662/2010-1 u

tikkundanna għall-ispejjeż lill-konvenut u lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva internazzjonali "duschy" għall-prodotti fil-klassijiet 11 u 20 - applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru W927073.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti.

Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark figurattiva Komunitarja "DUSCHO Harmony" irreġistrata bin-Nru 2116820 għall-prodotti fil-klassijiet 6, 11 u 19.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: applikazzjoni parzjalment miċħuda.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni kkontestata annullata.

Motivi invokati: ksur tad-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; ksur tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn li l-Bord tal-Appell naqas milli josserva ċerti fatti u punti ta' prova mressqa mir-rikorrenti fit-terminu stabbilit; ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell qies b'mod żbaljat li ma kien hemm ebda probbabiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks ikkontestati.

____________