Language of document : ECLI:EU:T:2014:121

Kawża T‑296/11

Cementos Portland Valderrivas, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni — Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba — Indizji suffiċjentement serji — Stħarriġ ġudizzjarju — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Marzu 2014

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Fażi ta’ investigazzjoni preliminari qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistipulaw protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati mill-awtoritajiet pubbliċi — Obbligu tal-Kummissjoni li jkollha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja tal-indizji

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Indikazzjoni tal-bażijiet legali u tal-għan tat-talba — Rekwiżit ta’ rabta ta’ neċessità bejn l-informazzjoni mitluba u l-ksur imfittex — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Limitu — Rekwiżit ta’ rabta ta’ neċessità bejn l-informazzjoni mitluba u l-ksur imfittex — Natura pubblika tal-informazzjoni mitluba

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li tibgħat talba li tinvolvu l-formalizzazzjoni tad-data mitluba — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Limitu — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Terminu sabiex tingħata r-risposta impost fuq l-impriża — Evalwazzjoni tan-natura proporzjonata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

1.      Il-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet ta’ informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom stess l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għalhekk huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva billi l-miżuri istruttorji meħuda jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija trid tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha sabiex tikkonċepixxi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jipperikola l-bilanċ li l-ġurisprudenza tistabbilixxi bejn il-preżervazzjoni tal-effettività tal-investigazzjoni u l-preżervazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għandhiex ikollha elementi li jwassluha tikkonċepixxi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtoritajiet pubbliċi fl-isfera ta’ attività privata ta’ kull persuna, indipendentement minn jekk din hijiex fiżika jew ġuridika, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għall-finijiet tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandha tkun intiża sabiex tinġabar id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tiġi vverifikata r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni diġà għandha informazzjoni li tikkostitwixxi indizji suffiċjentement serji li jippermettu suspett ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja ta’ dawn l-indizji għandha titwettaq billi tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata tifforma parti mill-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tindirizza talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jew li tagħmel spezzjonijiet skont l-Artikolu 20 ta’ dan l-istess Regolament. Għaldaqstant, f’dan l-istadju ma jistax jiġi mistenni li l-Kummissjoni jkollha, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, elementi li juru l-eżistenza ta’ ksur. Għalhekk, huwa suffiċjenti li l-imsemmija indizji jkunu ta’ natura tali li joħolqu suspett raġonevoli dwar is-seħħ ta’ preżunzjonijiet ta’ ksur, sabiex il-Kummissjoni jkollha d-dritt li titlob li tiġi pprovduta lilha informazzjoni supplimentari permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 35, 37-40, 43)

2.      L-obbligu li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jimponi fuq il-Kummissjoni li tindika l-bażi legali u l-iskop tat-talba għal informazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex tirriżulta n-natura ġġustifikata tal-informazzjoni mitluba mingħand l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tad-dover ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li jżommu, fl-istess ħin, id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ titlob biss informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-twettiq tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni.

Fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ verifika wiesgħa tal-Kummissjoni, hija din li għandha tevalwa n-neċessità tal-informazzjoni li hija titlob mingħand l-impriżi kkonċernati. F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali twettaq ta’ din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” għandu jiġi interpretat skont l-għanijiet li fid-dawl tagħhom is-setgħat investigattivi inkwistjoni ngħataw lill-Kummissjoni. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur preżunt jiġi sodisfatt meta, f’dan l-istadju tal-proċedura, l-imsemmija talba tista’ leġittimament titqies li għandha relazzjoni mal-ksur preżunt, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippresupponi li d-dokument ser jgħinha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat.

(ara l-punti 36, 66)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 64)

4.      Informazzjoni, bħal kodiċi postali relatati ma indirizz speċifiku, jekk hija aċċessibbli mill-Kummissjoni mingħajr ma jkun neċessarju li hija tordna l-komunikazzjoni tagħha, tikkostitwixxi s-suppliment loġiku ta’ informazzjoni magħrufa unikament mill-impriża. Għaldaqstant, l-eventwali natura pubblika tagħha ma hijiex tali li tipprekludi li din tista’ titqies li hija neċessarja fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 74, 75)

5.      Għaldaqstant, il-provvista ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tfissirx biss il-produzzjoni ta’ dokumenti iżda wkoll l-obbligu li tingħata risposta għal mistoqsijiet dwar l-imsemmija dokumenti, il-Kummissjoni ma hijiex limitata biss għall-kwistjoni tal-produzzjoni ta’ data li teżisti indipendentement minn kull intervent tal-impriża kkonċernata. Għalhekk, hija għandha l-possibbiltà li tagħmel lil impriża mistoqsijiet li jinvolvu l-formalizzazzjoni tad-data mitluba.

Madankollu, l-użu ta’ din il-possibbiltà huwa suġġett għall-osservanza ta’ mill-inqas żewġ prinċipji. Minn naħa, il-mistoqsijiet magħmula lil impriża ma jistgħux jġiegħluha tammetti li wettqet ksur. Min-naħa l-oħra, it-tweġib tal-imsemmija mistoqsijiet ma għandux jirrappreżenta piż sproporzjonat meta mqabbel mal-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.

(ara l-punti 80, 81)

6.      It-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lil impriża għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jirrappreżenta għaliha oneru sproporzjonat meta pparagunat man-neċessitajiet tal-investigazzjoni.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura eventwalment sproporzjonata tal-oneru li jinvolvi l-obbligu li tingħata risposta għall-mistoqsijiet f’terminu stabbilit mill-Kummissjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-impriża destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, mhux biss talli tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal multa jew għal pagamenti ta’ penalità fil-każ li tipprovdi informazzjoni inkompleta jew tardiva jew fil-każ li tonqos milli tipprovdi informazzjoni, skont, rispettivament, l-Artikolu 23(1)(b) u l-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda talli tkun ukoll esposta għall-impożizzjoni ta’ multa fil-każ fejn tipprovdi informazzjoni li l-Kummissjoni tikklassifika bħala ineżatta jew “qarrieqa”, skont l-Artikolu 23(1)(b) tal-imsemmi regolament.

Minn dan jista’ jiġi dedott lil-eżami ta’ kemm it-terminu previst mid-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni huwa xieraq għandu importanza partikolari. Fil-fatt, l-imsemmi terminu għandu jkun jista’ jippermetti li d-destinatarju mhux biss jipprovdi materjalment risposta, iżda wkoll li jiżgura ruħu min-natura kompluta, eżatta u mhux qarrieqa tal-informazzjoni pprovduta.

(ara l-punti 86, 96, 97)