Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2016 – Bilde vs Il-Parlament

(Kawża T-633/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Dominique Bilde (Lagarde, Franza) (rappreżentant: G. Sauveur, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2016, innotifikata fis-6 ta’ Lulju 2016, li tipprovdi “li ammont ta’ EUR 40 320 tħallas indebitament lil Dominique BILDE” u li tordna lill-uffiċjal awtorevoli kompetenti u lill-kontabilist tal-istituzzjonijiet jirkupraw din is-somma;

tannulla barra minn hekk in-notifika u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni inklużi fl-ittri tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tat-30 ta’ Ġunju u Lulju 2016, ref. D 201921 u D 31255; u

tannulla l-intier tan-nota ta’ debitu Nru 2016-889 iffirmata mill-istess Direttur Ġenerali tal-Finanzi tad-29 ta’ Ġunju 2016;

tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-dannu morali li jirriżulta kemm mill-akkużi infondati esposti qabel il-konklużjoni tal-inkjesta, kemm mill-ħsara li saret għar-reputazzjoni tagħha, kif ukoll mill-problemi kbar ħafna fil-ħajja personali u politika tagħha li kienu l-konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata;

tħallas ukoll is-somma ta’ EUR 15 000 bħala spejjeż li ġew sostnuti għas-servizz tal-konsulenza legali, għall-preparazzjoni ta’ dan ir-rikors u għall-fotokopjar u għall-preżentata tal-imsemmi rikors u tad-dokumenti annessi, u tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallas din is-somma;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tqisx li hija kompletament konvinta mir-rilevanza u mill-ġenwinità tal-motivi ta’ dritt u ta’ fatt esposti mir-rikorrenti, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja b’kunsiderazzjoni għar-rabta inevitabbli bejn l-allegati fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata u dawk li huma s-suġġett tal-inkjesta kriminali mibdija mill-President tal-Parlament Ewropew:

tissospendi l-proċeduri sakemm tingħata deċiżjoni definittiva, li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, mogħtija mill-qorti ġudizzjarja Franċiża li quddiemha tkun tressqet kawża mill-President tal-Parlament Ewropew;

konsegwentement tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tintemm il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv li huma essenzjalment identiċi jew simili għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-624/16, Gollnisch vs Il-Parlament.

____________