Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2016 – Montel vs Il-Parlament

(Kawża T-634/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Sophie Montel (Saint-Vit, Franza) (rappreżentant(: G. Sauveur, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2016, innotifikata fis-6 ta’ Lulju 2016, fir-rigward ta’ “ammont ta’ EUR 77 276.42 ġew imħallsa indebitament favur Sophie MONTEL” u li tordna l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli u lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-istituzzjoni sabiex jirkupraw din is-somma;

tannulla wkoll in-notifika u l-miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni ċċitati iktar ’il fuq fl-ittri tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-5 u s-6 ta’ Lulju 2016, Ref. D 201922 u D 201851 ;

tannulla wkoll in-nota ta’ debitu Nru 2016-897 iffirmata mill-istess Direttur Ġenerali tal-Finanzi fl-4 ta’ Lulju 2016;

talloka lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 30 000 bħala kumpens għad-danni morali li jirriżultaw fl-istess ħin kemm mill-akkużi infondati maħruġa qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni, kif ukoll mill-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni tagħha, u mill-preġudizzju sinjifikattiv inflitt fil-ħajja personali u politika tagħha permezz tad-deċiżjoni kkontestata;

li tallokalha wkoll is-somma ta’ EUR 15 000 bħala spejjeż għall-ħlas tal-avukati tagħha, l-abbozzar ta’ dan ir-rikors, l-ispejjeż tal-kopji tal-preżentata tal-imsmemi rikors u tad-dokumenti annessi miegħu u tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ħlas ta’ din is-somma;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha;

sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tqisx ruħha konvinta b’mod sħiħ mir-rilevanza u s-sinċerità tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt esposti mir-rikorrenti, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni tal-konnessjoni indiskutibbli bejn il-fatti allegati li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, u dawk li jifformaw is-suġġett tal-investigazzjoni kriminali mibdija mill-President tal-Parlament Ewropew:

tissospendi l-proċeduri, sakemm tittieħed deċiżjoni finali, li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, deċiża mill-qorti Franċiża adita b’azzjonijiet ġudizzjarji mibdija mill-President tal-Parlament Ewropew;

konsegwentement, tikkundanna għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sat-tmiem tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv li essenzjalment huma identiċi jew simili għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-624/16, Gollnisch vs Il-Parlament.

____________