Language of document :

Rikors ippreżentat fil-1 ta’ Settembru 2016 – IPA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-635/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SC IPA SA (Bucharest, ir-Rumanija) (rappreżentant: L. Vasilescu, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni

Talba

tannulla n-noti ta’ debiti tat-28 ta’ Ġunju 2016, Nru 3241608864, fl-ammont ta’ EUR 63 653.58 u Nru 3241608865, fl-ammont ta’ EUR 9 690.30, maħruġa mill-konvenuta.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-kawża tirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż indiretti marbuta mal-kuntratt li hija benefiċċjarja tiegħu. B’hekk, xi snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni imponiet formula żbaljata għall-kalkolu tal-ispejjeż indiretti, fis-sens li din ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u kuntrarja għall-prinċipji u għall-prattiċi ġeneralment aċċettati fil-ġestjoni tal-kontabbiltà.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat il-pretenzjonijiet tagħha fuq verifika u aċċettat il-konklużjonijiet kollha tal-awditur, mingħajr ma nnotat li l-metodu tal-kalkolu tal-ispejjeż indiretti applikat mill-awdituri jikser: (i) il-prinċipji u l-prattiċi ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni tal-benefiċċjarja, li huma wkoll imposti permezz tal-kuntratt u (ii) il-prinċipji u l-prattiċi ġeneralment aċċettati fil-ġestjoni tal-kontabbiltà.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-metodi tal-kalkoli tal-ispejjeż indiretti tal-kuntratt użati mill-awditur u aċċettati mill-Kummissjoni kienu inġustikabbilment differenti mis-sistema ta’ kontabbiltà tal-benefiċċjarja, meta, skont il-kuntratt, l-ispejjeż kollha kellhom jiġu ddeterminati skont il-prinċipji u l-prattiċi normali ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni tal-benefiċċjarja. Is-sistema ta’ kontabbiltà tal-benefiċċjarja kienet l-unika waħda aċċettata għall-kuntratt u ma kienet teżisti l-ebda raġuni għas-sostituzzjoni jew l-iskreditar tal-proċeduri ta’ kontabbiltà tal-benefiċċjarja użati għall-kalkolu tal-ispejjeż indiretti tal-kuntratt.

Fl-aħħar, hija ssostni li, waqt il-proċedura ta’ verifika, l-awditur issottovaluta l-ispejjeż indiretti reali tal-kuntratt, u l-Kummissjoni, wara li aċċettat globalment il-konklużjoniijet tal-awditur, ħarġet noti ta’ debitu tat-28 ta’ Ġunju 2016, Nru 3241608864, fl-ammont ta’ EUR 63 653.58 u Nru 3241608865, fl-ammont ta’ EUR 9 690.30 sabiex tirkupra id-differenzi fl-ispejjeż deskritti fil-verifika.

____________