Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2016 – Starbucks u Starbucks Manufacturing Emea vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-636/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Starbucks Corp. (Seattle, Washington, l-Istati Uniti) u Starbucks Manufacturing Emea BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: S. Verschuur, M. Petite u M-A. Stroungi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38374 (2014/C ex 2014/NN) implementata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur Starbucks (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi wettqet żball materjali ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta interpretat u applikat il-qafas ta’ referenza sabiex tevalwa jekk il-ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet bil-quddiem (“advance pricing agreement”, iktar ’il quddiem l-“APA”) kienx jagħti vantaġġ selettiv.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi stabbilixxiet b’mod inkorrett li l-APA kien jagħti vantaġġ, u b’hekk wettqet diversi żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, naqset milli twettaq eżami diliġenti u imparzjali u pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 1 billi kkwantifikat b’mod żbaljat l-għajnuna allegata, u b’hekk wettqet żball materjali ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).