Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2017 – Bilde vs Il-Parlament

(Kawża T-633/16) 1

(“Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew - Allowance għal assistenza parlamentari – Irkupru ta’ somom imħallsa indebitament - Kompetenza tas-Segretarju Ġenerali - Electa una via - Drittijiet tad-difiża - Oneru tal-prova – Obbligu ta’ motivazzjoni - Aspettattivi leġittimi – Drittijiet politiċi – Ugwaljanza fit-trattament – Użu ħażin ta’ poter - Indipendenza tal-Membri - Żball ta’ fatt - Proporzjonalità”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Dominique Bilde (Lagarde, Franza) (rappreżentant: G. Sauveur, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: G. Corstens u S. Seyr, aġenti)

Intervenjenti insostenn tal-kovenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer, R. Meyer u A. Jensen, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tat-23 ta’ Ġunju 2016 dwar l-irkupru mingħand ir-rikorrenti ta’ somma ta’ EUR 40 320 imħallsa indebitament bħala assistenza paralmentari, tan-notifika u tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni li jinsabu fl-ittri tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat-30 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2016 kif ukoll tan-nota ta’ debitu relatata tad-29 ta’ Ġunju 2016 u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex tikseb kumpens tad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba, b’mod partikolari, l-imsemmija deċiżjoni.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Dominique Bilde għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

____________

1     ĠU C 383, 17.10.2016.