Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Novembru 2012 - Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-135/09) 

"Kompetizzjoni - Proċedura amministrattiva - Rikors għal annullament - Atti adottati matul spezzjoni - Miżuri intermedjarji - Inammissibbiltà - Deċiżjoni li tordna spezzjoni - Obbligu ta' motivazzjoni - Protezzjoni tal-ħajja privata - Indizji suffiċjentement serji - Stħarriġ ġudizzjarju"

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nexans France SAS (Pariġi, Franza); u Nexans SA (Pariġi) (rappreżentanti: M. Powell, solicitor, J. P. Tran-Thiet, avukat, u G. Forwood, barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment X. Lewis u N. von Lingen, sussegwentement N. von Lingen u V. Di Bucci, aġenti)

Suġġett

L-ewwel nett, talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/1, tad-9 ta' Jannar 2009, li tordna lil Nexans SA u lis-sussidjarja tagħha Nexans France SAS tissuġġetta ruħha għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08 Vol. 02 p. 205) (Każ COMP/39.610); it-tieni nett, talba sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara illegali d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni f'din l-ispezzjoni li tikkopja kollu kemm hu l-kontenut ta' ċerti fajls informatiċi sabiex jiġu eżaminati fl-uffiċċji tagħha; it-tielet nett, talba għal annullament tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li impjegat ta' Nexans France jiġi interrogat waqt l-ispezzjoni u, ir-raba' nett, talba sabiex il-Qorti Ġenerali tordna ċerti miżuri fir-rigward tal-Kummissjoni.

Dispożittiv

1)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 92/1, tad-9 ta' Jannar 2009, li tordna lil Nexans SA u lill-impriżi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża fosthom Nexans France SAS, sabiex tissuġġetta ruħha għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku barra minn dawk il-kejbils tal-elettriku ta' taħt wiċċ il-baħar u ta' taħt l-art ta' tensjoni għolja kif ukoll il-materjal relatat ma' dawn il-kejbils l-oħra.

2)    Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)    Nexans u Nexans France għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)    Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 141, 20.06.2009.