Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' April 2009 - Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-135/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nexans France SAS u Nexans SA (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: M. Powell, solicitor u J.-P. Tran Thiet, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2009 - Każ COMP/39610 - Surge;

tiddikjara illegali d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu erba' DVD-ROMs u kopja tal-hard disk kollu mil-laptop ta' impjegat ta' Nexans France sabiex teżaminhom iktar fil-bini tagħha f'Brussell;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinterroga impjegat ta' Nexans France fit-30 ta' Jannar 2009;

tordna lill-Kummissjoni tagħti lura lil Nexans France id-dokumenti u l-provi kollha li hija setgħet kisbet permezz tad-deċiżjonijiet annullati, inklużi u mingħajr limitazzjoni: (a) id-dokumenti li ma jaqgħux eżattament fl-ambitu tal-istħarriġ; (b) id-dokumenti li jirrigwardaw proġetti ta' kejbils tal-elettriku barra miż-Żona Ekonomika Ewropea; (ċ) id-dokumenti meħuda b'mod irregolari mill-hard disk u mid-DVD-ROMs; u (d) id-dikjarazzjonijiet stabbiliti waqt jew ibbażati fuq l-interrogazzjonijiet tal-impjegat ta' Nexans France;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tuża kull dokument jew prova li hija setgħet kisbet permezz tad-deċiżjonijiet annullati għall-finijiet ta' proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tibgħat tali dokumenti jew provi (jew konklużjonjiet jew informazzjoni bbażata fuqhom) lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'ġurisdizzjonijiet oħra;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tordna kwalunkwe miżura oħra jew addizzjonali, ġuridikament meħtieġa.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 92/1 tad-9 ta' Jannar 2009 li tordna lil Nexans SA u lill-impriżi direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Nexans France SAS, sabiex jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/20031 (Każ COMP/39610-Surge) kif ukoll il-mod kif din ġiet implementata.

Insostenn tal-talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet fundamentali tagħhom, inklużi d-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt li ma jinkriminawx lilhom infushom, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Barra minn hekk, fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-iskop tal-istħarriġ.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat; ĠU L 1, p. 1