Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' April 2011 - Rautenbach vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-222/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Muller Conrad Rautenbach (Harare, iż-Żimbabwe) (rappreżentanti: S. Smith QC, M. Lester, Barristers, u W. Osmond, Solicitor)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK, tal-15 ta' Frar 2011, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, p. 6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 174/2011, tat-23 ta' Frar 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċertu miżuri fir-rigward taż-Żimbabwe (ĠU L 49, p 23) sa fejn japplikaw għar-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-ħames motivi li ġejjin.

L-ewwel motiv: la r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 174/2011 u lanqas id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK ma għandhom bażi legali valida peress li l-istituzzjonijiet ikkonċernati marru lil hinn mill-portata tal-awtorità tagħhom.

It-tieni motiv: il-konvenuti ma għandhomx l-awtorità li jimponu dawn il-miżuri restrittivi fuq ir-rikorrent; alternattivament, l-inklużjoni tiegħu hija bbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-konvenuti żbaljaw meta kkonkludew li l-miżuri restrittivi kienu ġustifikati fir-rigward tar-rikorrent.

It-tielet motiv: il-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

Ir-raba' motiv: il-konvenuti kisru d-dmir tagħhom li jagħtu raġunijiet, peress li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mogħtija ma tikkonformax mal-obbligu ta' motivazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-ħames motiv: il-miżuri kkontestati jimponu restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, speċifikament fuq id-drittijiet ta' proprjetà tiegħu, fuq il-libertà tal-intrapriża tiegħu u fuq id-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni u tal-ħajja tal-familja tiegħu.

____________