Language of document : ECLI:EU:C:2021:958

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑25 ta’ Novembru 2021 (1)

Kawża C519/20

K

fil-preżenza ta’

Landkreis Gifhorn

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Artikolu 16(1) – Kunċett ta’ ‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ – Artikolu 18(1) – Kunċett ta’ ‘sitwazzjoni ta’ emerġenza’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-tqegħid f’detenzjoni jista’ jitwettaq f’ħabs minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza – Portata tal-evalwazzjoni li għandha tagħmel l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża diversi modalitajiet relattivi għat-tqegħid f’detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija, stabbiliti mid-Direttiva 2008/115/KE (2), b’linja mas-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate (3), tas‑17 ta’ Lulju 2014, Pham (4), kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (5).

2.        Din il-kawża taqa’ taħt il-każ partikolari fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva sabiex tidderoga mir-regola li dawn iċ-ċittadini jitqiegħdu, għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Huwa abbażi ta’ tali leġiżlazzjoni li K, ċittadin Pakistan, tqiegħed f’detenzjoni fit-taqsima ta’ Langenhagen fil-ħabs tal-Belt ta’ Hannover (il-Ġermanja) fix-xahar ta’ Settembru 2020.

3.        Issa, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) trid tevalwa l-legalità ta’ din il-miżura fid-dawl tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 u 18 tad-Direttiva 2008/115. Huwa għalhekk li hija tagħmel diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.        Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, sabiex jippermetti t-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabsijiet. Imbagħad, din il-qorti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina s-setgħat li għandha, f’dan il-kuntest, l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni. Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk it-taqsima ta’ Langenhagen li fiha tqiegħed K, tistax tikklassifika bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva. Din id-domanda tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kriterji li abbażi tagħhom faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni hija differenti minn ħabs, b’mod partikolari fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-istruttura, tas-sistema tad-detenzjoni u tal-kundizzjonijiet materjali tagħha.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi, fl-ewwel lok, ir-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, għal tul ta’ tliet snin, it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabsijiet ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ emerġenza stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115.

6.        Fit-tieni lok, ser nispjega li l-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali abbażi ta’ dan l-artikolu ma tistax iċċaħħad lill-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni milli tivverifika, f’kull sitwazzjoni individwali, jekk iċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza għadhomx issodisfatti.

7.        Fit-tielet lok, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra, li fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, it-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs tal-Belt ta’ Hannover jidhirli li ma setgħetx tiġi kklassifikata, fil-ġurnata tat-tqegħid f’detenzjoni ta’ K, bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2008/115

8.        Il-premessi 13, 16, 17 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu:

“(13)      L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta’ l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti […] L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jattwaw diversi possibilitajiet biex jissorveljaw ir-ritorn furzat.

[…]

(16)      L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.

(17)      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.

[…]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

9.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

10.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.”

11.      L-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, huwa fformulat kif ġej:

“Familji miżmumin f’detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu provduti b’akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.”

12.      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, jipprovdi:

“1.      F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi […] li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).

2.      Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni [Ewropea]. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.      L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva.”

13.      Fil-kuntest tal-proposta tagħha għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115 (6), il-Kummissjoni Ewropea ma tipproponi ebda modifika tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 16 u 18 tagħha.

B.      Id-dritt Ġermaniż

14.      Skont l-Artikoli 83 u 84 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), huma l-Bundesländer (l-Istati Federali) li għandhom jiżguraw l-eżekuzzjoni tad-detenzjonijiet ordnati fid-dawl tat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment.

15.      L-Artikolu 62a(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) (7), tat‑30 ta’ Lulju 2004, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mid‑29 ta’ Lulju 2017 sal‑20 ta’ Awwissu 2019, li għandu l-għan li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, huwa fformulat kif ġej:

“Id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha titwettaq bħala prinċipju f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Jekk ma tkun teżisti ebda faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fit-territorju federali jew jekk il-persuna barranija tkun ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, id-detenzjoni tista’ titwettaq f’ħabsijiet oħrajn; f’dan il-każ, il-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji”.

16.      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata wara d-dħul fis-seħħ taz-Zweiten Gesetzes zur besseren Durchsetzung der Ausreisepflicht (it-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju) (8), tal‑15 ta’ Awwissu 2019.

17.      L-Artikolu 1(22) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-Artikolu 62a(1) [tal-AufenthG] huwa ssostitwit bit-test li ġej:

‘(1) Il-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji. Meta diversi membri ta’ familja jitqiegħdu f’detenzjoni, dawn għandhom jingħataw akkomodazzjoni separata minn persuni oħra ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija. Huma għandhom jiġu żgurati privatezza adegwata.’”

18.      L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-imsemmija liġi tippreċiża, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(22) (9):

“Bħala konsegwenza tal-emenda tal-Artikolu 62a(1), ma għadux iktar meħtieġ temporanjament, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, li l-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija jingħataw akkomodazzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija tista’ titwettaq temporanjament fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni kollha u, b’limitu ta’ 500 post, f’ħabsijiet. Jibqa’ impost li l-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija u l-priġunieri ordinarji jkunu mifrudin. Ir-regola attwali li tirrigwarda l-akkomodazzjoni ta’ diversi membri tal-istess familja stabbilita fit-tielet u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 62(a)(1), kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115 jibqgħu barra minn hekk japplikaw ukoll. Barra minn hekk, għadu dejjem neċessarju li tiġi evalwata u deċiża l-kwistjoni dwar jekk akkomodazzjoni f’ħabs hijiex aċċettabbli u legali fil-każ konkret, pereżempju fir-rigward ta’ persuni li jappartjenu għal grupp vulnerabbli. Huwa previst li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-[Istati Federali] għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni sa 500 post għal persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija sabiex, b’teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda prevista fin-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni tal-[Istati Federali], total ta’ madwar 1 000 post ikun disponibbli għad-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija […] L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 joħloq, għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu ta’ separazzjoni skont l-Artikolu 16(1), kif ukoll mir-rekwiżit li l-familji jkollhom post ta’ akkomodazzjoni separat, stabbilit fl-Artikolu 17(2). Attwalment, l-obbligu ta’ separazzjoni huwa traspost fid-dritt Ġermaniż mill-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 62a(1). Ir-rekwiżit li jirrigwarda l-akkomodazzjoni tal-familji huwa stabbilit fit-tielet u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 62a(1). Il-kundizzjoni sabiex tkun tista’ tintuża l-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-Artikolu 18(1), hija li għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn iqiegħed piż fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni jew fuq il-persunal amministrattiv u ġudizzjarju li jeċċedi dawn il-kapaċitajiet. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta għal dak li jirrigwarda r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-kapaċitajiet eżistenti fil-Ġermanja huma (fis‑27 ta’ Marzu 2019) ta’ madwar 487 post ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija fit-territorju federali kollu. Minħabba l-iżbilanċ bejn in-numru ta’ persuni suġġetti għal obbligu eżekuttiv li jitilqu mit-territorju u n-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, huwa ċar li hemm piż eċċessiv fuq dawn il-kapaċitajiet eżistenti. Dan il-piż ikbar mill-kapaċitajiet jikkostitwixxi fil-fatt, restrizzjoni sinjifikattiva, li tfixkel l-implimentazzjoni tal-obbligu eżekuttiv ta’ tluq mit-territorju. Il-postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija eżistenti huma diġà użati bl-aħjar mod fil-livell federali permezz ta’ koordinazzjoni bejn [l-Istati Federali]. Il-Gemeinsame Zentrum zur Unterstützung der Rückkehr [il-Faċilità Komuni ta’ Sostenn fir-Ritorn, il-Ġermanja (ZUR)] stabbilita matul is-sena 2017, hija intiża wkoll għat-titjib tal-amministrazzjoni tal-postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija. Ir-rata ta’ postijiet ta’ detenzjoni okkupati, fit-territorju federali kollu, permezz taz-ZUR hija ta’ madwar għaxra fil-mija. Dan ifisser li, fil-prattika, numru kbir ta’ applikazzjonijiet għat-tqegħid f’detenzjoni ma jistgħux jiġu ppreżentati, minkejja li l-kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Barra minn hekk, kien imprevedibbli li l-piż jeċċedi l-kapaċitajiet b’dan il-mod. Peress li n-numru ta’ applikanti għal protezzjoni [internazzjonali] ġodda kien ilu snin nieżel b’mod kostanti, sal‑2015, l-[Istati Federali] kienu addattaw, matul is-snin, il-kapaċitajiet ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għall-bżonnijiet, li kienu inqas, billi naqsu n-numru tagħhom. Bħala konsegwenza tat-tibdil tas-sitwazzjoni matul is-sena 2015 u taż-żieda qawwija tan-numru ta’ applikanti għal protezzjoni [internazzjonali], l-ewwel obbligu tal-Istat Federali u tal-[Istati Federali] kien li joħolqu kapaċitajiet sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-persuni. Dan l-obbligu jirriżulta fost oħrajn mid-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari mid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), u mid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll, lil hinn, mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [(10)]. F’din is-sitwazzjoni, it-teħid inkarigu tal-persuni li kienu għadhom kemm waslu kien ta’ prijorità fuq iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ detenzjoni, bil-għan li f’data sussegwenti (wara li l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil u ta’ appell tkun waslet fi tmiemha) jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, ir-regola derogatorja prevista fl-Artikolu 18 [ta’ din id-direttiva] għandha, ġustament, l-għan u l-iskop li f’tali sitwazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet jieħdu ħsieb bi prijorità t-teħid inkarigu tal-persuni li jkunu għadhom kemm waslu mingħajr ma jiksru, b’mod prevedibbli, obbligi fil-futur. Id-Direttiva 2008/115 ma tistabbilixxix biss rekwiżiti għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, iżda timponi wkoll, fl-Artikolu 8(1) tagħha, li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ ritorn. L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 huwa ġustament intiż li jsolvi l-eventwali kunflitt ta’ għanijiet f’sitwazzjoni eċċezzjonali imprevedibbli, bħal dik li kienet teżisti fl‑2015 u matul is-snin sussegwenti; għalhekk dan issa għandu jiġi applikat. Wara li s-sitwazzjoni eċċezzjonali kienet spiċċat, l-[Istati Federali] bdew immedjatament jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ detenzjoni u diġà waslu sabiex żiedu n-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal 487 għat-territorju federali kollu (fis‑27 ta’ Marzu 2019). Fid-dawl taż-żmien normalment meħtieġ għat-twettiq ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni u l-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, adegwatezza kompleta tan-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għall-bżonnijiet attwali għadha ma ntlaħqitx. Fid-dawl tal-miżuri meħuda, huwa mistenni li n-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandu jissodisfa l-bżonnijiet fit‑30 ta’ Ġunju 2022. Sa din id-data, is-sitwazzjoni eċċezzjonali tippersisti u għalhekk l-Artikolu 62a(1), fil-formulazzjoni attwali tiegħu, għandu jitħassar sa din id-data. Imbagħad, il-leġiżlazzjoni attwalment applikabbli terġa’ tidħol fis-seħħ.”

19.      L-Artikolu 6 tat-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju, intitolat “Emenda oħra għall-Aufenth[G] b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2022”, jipprovdi:

“L-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, kif ippubblikata fil‑25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), emendata fl-aħħar lok mill-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, huwa ssostitwit bit-test li ġej:

‘Id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha titwettaq bħala prinċipju f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Jekk ma tkun teżisti ebda faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fit-territorju federali jew jekk il-persuna barranija tkun ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, id-detenzjoni tista’ titwettaq f’ħabsijiet oħrajn; f’dan il-każ, il-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji. Meta diversi membri ta’ familja jitqiegħdu f’detenzjoni, dawn għandhom jingħataw akkomodazzjoni separata minn persuni oħra ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija. Huma għandhom jiġi żgurati privatezza adegwata.’”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.      Ir-rikorrent, K, huwa ċittadin Pakistan li fil‑11 ta’ Awwissu 2020 tqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu fit-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs tal-Belt ta’ Hannover. Din il-miżura ġiet estiża sat‑12 ta’ Novembru 2020, permezz ta’ digriet iddatat il‑25 ta’ Settembru 2020. Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra dan id-digriet għar-raġuni li l-miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni li kien is-suġġett tagħha bejn il‑25 ta’ Settembru u t‑2 ta’ Ottubru 2020 tmur kontra l-obbligu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija jitqiegħdu f’“faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mid‑29 ta’ Lulju 2017 sal‑20 ta’ Awwissu 2019.

21.      Huwa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għall-evalwazzjoni tal-legalità li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità tal-emendi introdotti mill-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG sa mill‑15 ta’ Awwissu 2019, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115.

22.      Fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva [2008/115], għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha teżamina l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni f’kull każ individwali, b’mod partikolari li s-sitwazzjoni eċċezzjonali għadha tippersisti, fil-każ fejn il-leġiżlatur nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 18(1), ikun idderoga fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jitqiegħdu temporanjament f’ħabs sal‑1 ta’ Lulju 2022, minkejja li faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni huma disponibbli fl-Istat Membru u minkejja li ma hemm l-ebda sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva li teħtieġ dan?

3)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ intiża għad-detenzjoni ta’ persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jekk:

–        il-‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ tkun indirettament suġġetta għall-istess membru tal-gvern bħall-faċilitajiet intiżi għad-detenzjoni tal-priġunieri, jiġifieri l-Ministru tal-Ġustizzja,

–        il-‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ tkun organizzata bħala taqsima ta’ ħabs u għalhekk, għalkemm għandha direttur tagħha stess, peress li hija taqsima ta’ ħabs tinsab taħt l-amministrazzjoni ta’ dan il-ħabs?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet domanda:

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm akkomodazzjoni f’’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ intiża għad-detenzjoni ta’ persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija, jekk ħabs jistabbilixxi taqsima speċjali bħala ċentru ta’ detenzjoni, jekk din it-taqsima tokkupa żona speċjali bi tliet binjiet imdawra b’ċint u waħda minn dawn it-tliet binjiet tkun temporanjament okkupata esklużivament minn priġunieri li qed jiskontaw pieni ta’ priġunerija għaliex naqsu milli jħallsu multa jew sentenzi qosra ta’ ħabs, fejn il-ħabs jiżgura li l-persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jiġu sseparati mill-priġunieri l-oħra, b’mod partikolari li kull binja jkollha l-faċilitajiet tagħha stess (ħanut tal-ħwejjeġ tagħha, infermerija tagħha, sala għall-isport tagħha) u fejn il-bitħa/ż-żona ta’ barra tkun viżibbli mid-djar kollha, iżda jkun hemm żona separata għall-priġunieri ta’ kull binja, imdawwra b’ċint ta’ xbieki tal-wajer, b’mod li ma jkun hemm l-ebda aċċess dirett bejn il-binjiet?”

23.      Ir-rikorrent, il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Olandiż, wieġbu wkoll għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub li saru lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja u ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fis‑16 ta’ Settembru 2021.

IV.    Analiżi

24.      Ser nirrispondi għad-domandi preliminari f’ordni differenti minn dak li saru fih mill-qorti tar-rinviju.

25.      Qabelxejn, ser neżamina t-tieni domanda, relattiva għaċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, sabiex jordna d-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabs. Fil-fatt, din il-kwistjoni jidhirli li hija l-qalba ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-miżuri ta’ emerġenza li ġew adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bi tweġiba għall-kriżi migratorja tas-sena 2015 (11), hija għad ma kellhiex l-okkażjoni tagħti indikazzjonijiet dwar il-portata tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari, dwar il-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jiżguraw id-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabs għal raġunijiet marbuta mal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali.

26.      Imbagħad, ser neżamina l-ewwel domanda, relattiva għar-rwol tal-qorti responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni, b’mod li jiġi ddeterminat sa fejn din għandha tivverifika, f’kull sitwazzjoni individwali, l-eżistenza jew anki l-persistenza, ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

27.      Fl-aħħar, sabiex nirrispondi għat-tielet u r-raba’ domanda, ser nippreċiża l-kriterji li abbażi tagħhom għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni minn dik li fiha jitqiegħed f’ħabs, mifrud mill-priġunieri ordinarji, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-amministrazzjoni tal-istruttura, tas-sistema tad-detenzjoni u tal-kundizzjonijiet materjali tagħha.

A.      Fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabs (it-tieni domanda)

28.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, matul perijodu ta’ tliet snin, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija jiġu ddetenuti f’ħabsijiet, minkejja li ma teżisti ebda sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

29.      Qabel nirrispondi għal din id-domanda, ser infakkar, fl-ewwel lok, il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenzi Bero u Bouzalmate, Pham kif ukoll Stadt Frankfurt am Main fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Franċiża (12). Dawn is-sentenzi ngħataw fil-kuntest ta’ tilwim relattiv għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ tqegħid f’detenzjoni abbażi tal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, fil-verżjonijiet preċedenti tiegħu.

30.      Imbagħad fit-tieni lok, ser neżamina sa fejn Stat Membru jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, sabiex jiġġustifika l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’ħabs, lil hinn miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ inkwistjoni.

31.      Fl-aħħar, fit-tielet lok, ser neżamina sa fejn leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, fil-verżjoni tiegħu sa mill‑15 ta’ Awwissu 2019, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu.

1.      Is-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115

32.      Konformement mal-Artikolu 79(2) TFUE, l-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards u garanziji juridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u b’osservanza sħiħa tad-dinjità tagħhom (13).

33.      Mill-premessi 13 u 16 kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipproċedu bit-tneħħija taċ-ċittadini f’sitwazzjoni irregolari permezz tal-miżuri l-inqas koersivi possibbli. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri ta’ tneħħija, l-imsemmija direttiva tipprovdi gradwazzjoni ta’ miżuri li jibdew mill-miżura li tħalli l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju tagħha, sa miżuri li l-iktar jirristrinġuha, jiġifieri d-detenzjoni f’faċilità speċjalizzata. Huwa biss fil-każ fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija jkun f’riskju, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li jkun kompromess mill-aġir tal-persuna kkonċernata, li dawn l-Istati jistgħu jipproċedu biċ-ċaħda tal-libertà ta’ din tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni (14).

34.      Din l-aħħar miżura tikkostitwixxi l-miżura li l-iktar tirrestrinġi l-libertà permessa mid-Direttiva 2008/115 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija furzata (15). Bħala prinċipju, hija tikkostitwixxi l-aħħar miżura li għandha tintuża (16). Għalhekk hija strettament irregolata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, b’mod li jiġu żgurati, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għal dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kkonċernati (17).

35.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi r-regoli relattivi għall-kundizzjonijiet u għas-sistema tad-detenzjoni.

36.      Skont l-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, id-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment għandha titwettaq, bħala regola ġenerali, f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Fil-każ fejn Stat Membru “ma jkunx jista’” jissodisfa dan ir-rekwiżit u jordna t-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs, it-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu teħtieġ is-separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-priġunieri ordinarji.

37.      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 huwa intiż li jiżgura l-osservanza tad-dinjità tal-bniedem u r-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dak li ma jkun wettaq ebda ksur, billi jiżgura li l-miżura ta’ detenzjoni tkun distinta mill-eżekuzzjoni ta’ piena u sseħħ f’kundizzjonijiet u taħt sistema addattati għall-istatus ġuridiku tagħha.

38.      Fir-rigward tal-obbligu ta’ tqegħid f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza tiegħu hija imposta fuq l-Istati Membri bħala tali, u mhux fuq l-Istati Membri skont l-istruttura amministrattiva jew kostituzzjonali rispettiva tagħhom (18). L-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni għandhom għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jordnaw id-detenzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, billi jirrikorru, jekk ikun il-każ, għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jkunu ġew konklużi għal dan il-għan (19).

39.      Fir-rigward tad-deroga stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, din għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (20). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din “[t]awtorizza lill-Istati Membri, b’mod eċċezzjonali u lil hinn mis-sitwazzjonijiet espliċitament previsti fl-Artikolu 18(1) [ta’ din id-d]irettiva […], jqegħdu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment f’detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, f’faċilità korrettiva meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, huma ma jistgħux josservaw l-għanijiet imfittxija [mill-imsemmija] direttiva billi jiżguraw id-detenzjoni tagħhom f’ċentri speċjalizzati” (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jista’ jkun il-każ meta l-persuna kkonċernata tkun ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat (22), filwaqt li għandu jiġi mifhum li r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (23). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li la r-rieda espressa mill-persuna kkonċernata (24) u lanqas l-assenza ta’ faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni f’Land tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (25) ma jistgħu jiġġustifikaw waħedhom it-tqegħid f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija f’ħabs b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

40.      Fir-rigward tal-obbligu, previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, li ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi mqiegħda f’detenzjoni f’ħabs jiġu mifrudin mill-priġunieri ordinarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa inkundizzjonat (26), “ma huwa marbut ma’ ebda eċċezzjoni u jikkostitwixxi garanzija tar-rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni” (27).

2.      Ilmiżuri eċċezzjonali previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115

41.      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, għandu l-għan li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru “jista’” jiddeċiedi li jieħu miżuri ta’ emerġenza li jidderogaw mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva minħabba l-eżistenza ta’ piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Din hija dispożizzjoni fakultattiva, peress li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni sabiex jevalwaw sa fejn il-ġestjoni tal-pressjoni migratorja li huma jkollhom timponi deroga mill-kundizzjonijiet u mis-sistema tad-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva.

42.      Madankollu, il-portata ta’ dan il-marġni diskrezzjonali ma hijiex mingħajr limitu.

43.      Fil-fatt, nikkunsidra li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza tista’ twassal għal konsegwenzi onerużi ħafna fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati peress li s-sistema ta’ eżekuzzjoni tad-detenzjoni tista’ mbagħad tiġi konfuża mas-sistema tal-eżekuzzjoni ta’ piena.

44.      Mill-kliem tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 stess jirriżulta li l-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jidderogaw mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti “fl-Artikoli 16(1) u 17(2)” ta’ din id-direttiva. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddistingwixxiex l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva (il-prinċipju ta’ detenzjoni f’faċilità speċjalizzata) mit-tieni sentenza tiegħu (l-obbligu ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-priġunieri ordinarji fil-każ ta’ tqegħid f’ħabs). Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza tippermetti lill-Istati Membri jqiegħdu f’detenzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabsijiet mingħajr la ma jkunu meħtieġa jiżguraw is-seperazzjoni tagħhom mill-priġunieri ordinarji (28) u lanqas ma jkunu meħtieġa jipprovdu akkomodazzjoni separata għall-familji.

45.      Ċertament, anki fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17(1) u (3) sa (5) ta’ din id-direttiva, intiżi li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, u b’mod iktar partikolari, tal-minuri mqiegħda f’detenzjoni (29). Madankollu, ma naħsibx li dan huwa suffiċjenti sabiex jiġu żgurati l-osservanza tad-dinjità umana u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, iktar u iktar f’sitwazzjoni fejn il-miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni ma tkunx tiddependi fuq l-aġir partikolari ta’ dawn il-persuni, iżda fuq is-sitwazzjoni amministrattiva u ġudizzjarja tal-Istat Membru li fih dawn ikunu jinsabu. Fil-fatt, huwa ċar li t-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs jinvolvi, fih innifsu, ostakolu għal-libertà iktar strett mil-limitazzjoni inerenti għal tqegħid f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni. Barra minn hekk, l-assenza ta’ separazzjoni, fl-ambjent ta’ ħabs, bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-priġunieri ordinarji tissogra li tirriżulta, għal dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fl-applikazzjoni tas-sistema tal-eżekuzzjoni tal-pieni. Għalhekk, id-detenzjoni tieħu l-forma, de facto, ta’ miżura punittiva (30).

46.      Fid-dawl tal-gravità, li għadni kif iddeskrivejt, tal-konsegwenzi li tinvolvi s-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, jidhirli għalhekk li huwa essenzjali li din tiġi implimentata b’mod eċċezzjonali u proporzjonat, abbażi ta’ interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (31).

47.      Fl-ewwel lok, ser neżamina dawn il-kundizzjonijiet abbażi ta’ interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 qabel ma nippreċiża, fit-tieni lok, il-portata tagħhom fir-rigward tal-istruttura u l-iskop ta’ din id-direttiva.

a)      Linterpretazzjoni litterali tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115

48.      L-adozzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 hija suġġetta għall-osservanza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet sostantivi u formali li għandhom l-għan li jirregolaw strettament l-użu ta’ din is-sistema ta’ eċċezzjoni.

49.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 jeħtieġ, kif juri t-titolu tiegħu, sitwazzjoni ta’ emerġenza.

50.      Il-kelma “emerġenza” hija ddefinita fid-dizzjunarju Larousse bħala n-“natura […] ta’ dak li ma jsofri ebda dewmien”.

51.      Fil-qasam proċedurali, l-emerġenza tintwera mis-sitwazzjoni li fiha jista’ jseħħ dannu serju u irreparabbli jekk ma tittiħidx azzjoni fi żmien qasir, li tippermetti lill-qorti tadotta ċerti miżuri permezz ta’ proċedura mgħaġġla (32). Fid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza tippermetti għalhekk eżami tal-kawża fl-“iqsar żmien” meta l-persuna kkonċernata tkun imċaħħda mil-libertà tagħha (33).

52.      Fil-qasam tal-politika tal-immigrazzjoni u tal-ażil, id-diffikultajiet relattivi għall-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-miżuri ta’ emerġenza li din tirrikjedi huma previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’testi numerużi tad-dritt primarju u sekondarju.

53.      Pereżempju, l-emerġenza hija murija fl-Artikolu 78(3) TFUE, li jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jaffaċċjaw dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (34). Huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li, wara l-kriżi migratorja tas-snin 2014 u 2015, il-Kunsill stabbilixxa, sa mix-xahar ta’ Settembru 2015, mekkaniżmu temporanju u eċċezzjonali ta’ rilokazzjoni tal-persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali (35).

54.      L-emerġenza hija murija wkoll fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 (36), li jirrigwarda s-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ eċċezzjonalment u immedjatament jintroduċi mill-ġdid il-kontroll fil-fruntieri interni meta l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna jkunu jeħtieġu azzjoni urġenti (37). Huwa abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 (38), li kien issostitwit mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2016/399, u minħabba l-kriżi migratorja tas-snin 2014 u 2015 li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, introduċiet mill-ġdid, matul is-sena 2015, il-kontroll fil-fruntieri interni tagħha.

55.      Għalhekk hekk kif juru dawn it-testi, sitwazzjoni ta’ emerġenza teħtieġ azzjoni mgħaġġla, jew anki immedjata.

56.      Fit-tieni lok, nikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi bi preċiżjoni ċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-kuntest tat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, din is-sitwazzjoni għandha tkun ikkaratterizzata minn “għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura [li jkunu] ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu”.

57.      Il-preċiżjoni ta’ dawn ir-raġunijiet timplika, fil-fehma tiegħi, li l-Istat Membru għandu jwettaq evalwazzjoni kemm jista’ jkun kompleta u aġġornata taċ-ċirkustanzi li jindikaw li miżuri ta’ emerġenza huma meħtieġa.

58.      F’dan il-kuntest, naħseb li ma huwiex suffiċjenti li l-Istat Membru jikkomunika d-data relattiva għan-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn. Fil-fehma tiegħi, din ma tippermettix evalwazzjoni, bil-preċiżjoni meħtieġa, tal-piż reali u attwali fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Minn naħa, it-tqegħid f’detenzjoni jikkostitwixxi l-aħħar miżura li għandha tintuża fil-konfront taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant jirriżulta li huwa biss fil-każ fejn it-tneħħija tissogra, fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata jew fejn ma tkun teżisti ebda alternattiva oħra, li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għaċ-ċaħda tal-libertà permezz ta’ detenzjoni (39). Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ tqegħid f’detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn tvarja b’mod sinjifikattiv skont l-Istati Membri, u fi Stat Membru bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Istati Federali.

59.      Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-data kkomunikata mill-Istat Membru għandha turi l-eżistenza ta’ “piż kbir mhux previst” fuq il-kapaċitajiet materjali u umani tal-Istat Membru. Dawn iż-żewġ kriterji huma kumulattivi. Billi jsemmi piż “mhux previst”, il-leġiżlatur tal-Unjoni juri l-volontà tiegħu li jillimita l-implimentazzjoni tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva biss għall-każijiet li fihom l-Istat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jistenna tali pressjoni fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tiegħu jew il-persunal tiegħu. Għall-kuntrarju, billi jirreferi għal “piż kbir”, huwa ma jeħtieġx li jintwera li l-kapaċitajiet huma ssaturati.

60.      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, li l-Istat Membru jista’ jieħu miżuri ta’ emerġenza biss sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali. Minn dan jirriżulta, minn naħa, li dawn il-miżuri għandhom jitneħħew hekk kif is-sitwazzjoni eċċezzjonali tispiċċa, u min-naħa l-oħra, li ebda tul massimu ta’ dawn il-miżuri ma huwa stabbilit minn din id-direttiva. L-imsemmija direttiva hija differenti minn strumenti oħra tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li fihom il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jiġu adottati għal żmien qasir u rinnovabbli. Madankollu, il-miżuri inkwistjoni għandu jkollhom l-istess karatteristiċi. In-natura “eċċezzjonali” tas-sitwazzjoni timplika, fiha nnifisha, miżuri ta’ żmien qasir. Għalhekk, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115, il-Parlament jipproponi li t-tul tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri jiġi limitat għal tliet xhur (40). Barra minn hekk, billi jikkundizzjona l-applikazzjoni tal-imsemmija miżuri għall-persistenza tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni mill-ġdid perjodika tas-sitwazzjoni, b’mod li jiżguraw, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li t-tul tal-miżuri ta’ emerġenza ma jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju għall-ġestjoni tal-kriżi.

61.      Il-portata ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-istruttura li taħtha jaqa’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

b)      L-istruttura u l-iskop tad-Direttiva 2008/115

62.      Kif indikajt, id-Direttiva 2008/115 hija intiża li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif ukoll b’osservanza sħiħa tad-dinjità tagħhom (41).

63.      L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva huwa intiż li jilħaq dawn l-għanijiet minkejja sitwazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali.

64.      Minn naħa, billi jawtorizza t-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija fil-ħabsijiet mingħajr separazzjoni mill-priġunieri ordinarji, il-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jagħti lill-Istati Membri l-mezzi sabiex jiżguraw it-tneħħija tagħhom minkejja riskju ta’ saturazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Għalhekk, din il-miżura għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija, u b’mod iktar globali, għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji, li skont l-Artikolu 79(1) TFUE, tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni (42).

65.      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu ħsieb jippreċiża wkoll, fl-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2008/115, li minkejja l-emerġenza tas-sitwazzjoni, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jidderogaw mill-obbligu ġenerali li huma għandhom li jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm jekk huma ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn din id-direttiva (43).

66.      Din id-dispożizzjoni turi l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura, tkun xi tkun l-emerġenza tas-sitwazzjoni, ir-rispett tad-dritt għad-dinjità umana u tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati – skont l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 2, 17 u 24 tad-Direttiva 2008/115 –, iżda wkoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – skont il-premessi 13 u 16 ta’ din id-direttiva (44). B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika li l-miżuri hekk adottati ma jeċċedux, bit-tul u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni (45).

67.      Minn dan jirriżulta, l-ewwel, li l-miżuri ta’ emerġenza ma jistgħux iwasslu għal mekkaniżmu li permezz tiegħu t-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs mingħajr separazzjoni mill-priġunieri ordinarji jkun sistematiku u ġeneralizzat. L-emerġenza li tikkaratterizza s-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 ma tiġġustifikax dan peress li l-piż partikolarment kbir fuq il-kapaċità ta’ akkoljenza tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni ma jistax iċaħħad lill-awtoritajiet responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni milli f’kull waqt u bi prijorità jaraw jekk f’dawn il-faċilitajiet ta’ detenzjoni hemmx postijiet disponibbli.

68.      It-tieni, minn dan jirriżulta li l-miżuri ta’ emerġenza ma jistgħux iwasslu sabiex l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni jiġu mċaħħda milli jwettqu eżami individwalizzat ta’ kull sitwazzjoni, b’mod li jiġi ddeterminat jekk it-tqegħid f’detenzjoni, jekk ikollu jitwettaq f’ħabs, li barra minn hekk huwa mingħajr separazzjoni mill-priġunieri ordinarji, huwiex proporzjonat (46).

69.      Minn naħa, f’sitwazzjoni kkaratterizzata minn riskju ta’ saturazzjoni tal-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, din timplika li jiġi vverifikat jekk tistax tiġi prevista miżura inqas restrittiva sabiex tiġi rrimedjata b’mod effettiv l-emerġenza kkonstatata (47). F’dan il-kuntest, naħseb li l-miżuri ta’ emerġenza adottati skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 għandhom ikunu akkumpanjati minn użu ikbar ta’ miżuri alternattivi għat-tqegħid f’detenzjoni, bħal dawk previsti fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-konfront tal-persuni l-iktar vulnerabbli (48).

70.      Min-naħa l-oħra, din timplika li jiġi vverifikat, f’kull każ, jekk it-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs b’possibbiltà ta’ assenza ta’ separazzjoni mill-priġunieri ordinarji huwiex addattat għas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat minħabba, pereżempju, l-età tiegħu, l-istat ta’ saħħa fiżika jew mentali tiegħu, l-istatus tiegħu u s-sitwazzjoni familjari tiegħu. Dwar dan il-punt, infakkar li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 ma jawtorizzax lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligi tagħhom li jinsabu fl-Artikolu 16(2) sa (5) kif ukoll fl-Artikolu 17(1) u (3) sa (5) ta’ din id-direttiva, relattivi għas-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli u tal-minuri (49). Din ir-regola tkun tagħmel sens biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jwettqu eżami tas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull ċittadin ikkonċernat fid-dawl tal-kundizzjonijiet materjali tal-eżekuzzjoni tad-detenzjoni tiegħu.

71.      Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

72.      Fil-fatt, din tiddeċiedi li d-deċiżjonijiet ġeneralizzati jew awtomatiċi ta’ tqegħid f’detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jmorru kontra l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB (50), jekk qabel ma tkunx saret evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni kkonċernati. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkarigu lill-persuna kkonċernata permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa u jivverifikaw jekk huwiex possibbli li jissostitwixxuhom b’miżura oħra inqas radikali (51). Għalhekk, fis-sentenza Rahimi vs Il‑Greċja (52), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lir-Repubblika Ellenika għar-raġuni li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-libertà tal-minuri mhux akkumpanjat kienet “ir-riżultat tal-applikazzjoni awtomatika” tal-leġiżlazzjoni, peress li din id-deċiżjoni kienet adottata mingħajr ma l-awtoritajiet Griegi kienu eżaminaw is-sitwazzjoni partikolari tiegħu ta’ minuri mhux akkumpanjat u mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tiegħu (53).

73.      It-tielet, mill-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta li t-tul tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ eċċezzjoni ma għandux jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi indirizzata l-emerġenza tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2008/115 jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu. Għalhekk, din is-sistema għandha tkun l-iqsar possibbli u teħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu evalwazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni, b’mod li l-imsemmija sistema tkun kontinwament adattata għaċ-ċirkustanzi.

74.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li għandu jiġi evalwat jekk leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, fil-verżjoni tiegħu sa mill‑15 ta’ Awwissu 2019, tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115.

3.      Fuq l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

75.      Mill-elementi tal-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, li skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, l-Istati Federali ma għadhomx iktar meħtieġa jordnaw it-tqegħid f’detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Huma jistgħu jqegħduhom f’ħabsijiet, bil-kundizzjoni li dan it-tqegħid jiżgura separazzjoni mill-priġunieri ordinarji u l-akkomodazzjoni separata tal-familji tkun żgurata. Għandu jiġi żgurat ukoll li t-tqegħid f’ħabs ikun “aċċettabbli u legali fil-każ konkret”, pereżempju fir-rigward ta’ persuni vulnerabbli (54).

76.      Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li din il-leġiżlazzjoni kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Awwissu 2019 abbażi tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2008/115, u l-Gvern Ġermaniż indika kemm id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha kif ukoll it-tul tal-applikazzjoni tagħha. Il-miżuri ta’ emerġenza u d-deroga li dawn jinvolvu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni japplikaw matul perijodu ta’ tliet snin, jiġifieri mill‑15 ta’ Awwissu 2019 sat‑30 ta’ Ġunju 2022, data li fiha l-Gvern Ġermaniż jipprevedi t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

77.      Għar-raġunijiet li ser nesponi issa, inqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tagħha u tal-għan imfittex minnha, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115.

78.      Ċertament, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi mingħajr ambigwità mekkaniżmu għal tul determinat, b’mod li n-natura provviżorja tiegħu ma tistax tiġi kkontestata. Madankollu, ma naħsibx li s-sitwazzjoni li l-imsemmija leġiżlazzjoni hija intiża li tirrimedja tista’ tiġi kklassifikata bħala “sitwazzjoni ta’ emerġenza” fis-sens tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva.

79.      L-ewwel, l-emerġenza ta’ sitwazzjoni timplika teħid ta’ deċiżjoni mgħaġġla u immedjata. Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet adottata fil‑15 ta’ Awwissu 2019, jiġifieri erba’ snin wara l-bidu tal-kriżi migratorja, fatt li la jaqa’ taħt l-għaġġla u lanqas taħt l-immedjatezza meħtieġa mill-emerġenza ta’ sitwazzjoni. Minkejja li ma jistax jiġi miċħud li, fl‑2015, is-sitwazzjoni setgħet tiġi kklassifikata bħala “eċċezzjonali” u “imprevedibbli” – kif tenfasizza l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tat-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju –, għall-kuntrarju, nikkunsidra li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu raġonevolment f’pożizzjoni li jistennew tkabbir esponenzjali tal-pressjoni eżerċitata fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni tagħhom matul is-snin sussegwenti, peress li d-data tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) kif ukoll tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) turi żieda qawwija u kostanti tan-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment matul is-snin 2015 sa 2017, qabel ma dan stabbilizza ruħu, u mbagħad naqas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li fl‑2019, il-piż fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni ma setax jiġi kklassifikat bħala “mhux previst” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115.

80.      It-tieni, it-tul tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni jidhirli li jeċċedi dak li għandu jkun strettament neċessarju għall-ġestjoni ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-leġiżlatur Ġermaniż għażel li japplika din il-leġiżlazzjoni mhux għal żmien qasir u rinnovabbli, iżda għal żmien determinat ta’ tliet snin, sat‑30 ta’ Ġunju 2022, data li fiha huwa jipprevedi t-tlestija tal-proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tat-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju, dan il-leġiżlatur jenfasizza li, “sad‑[data tat‑30 ta’ Ġunju 2022], is-sitwazzjoni eċċezzjonali tippersisti”. Jidhirli li dan huwa diffiċilment konċiljabbli mar-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, ta’ evalwazzjoni mill-ġdid perjodikament tas-sitwazzjoni. Jidhirli wkoll li dan jikkontradixxi d-dikjarazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li huwa jwettaq investigazzjonijiet ripetuti fuq ir-rata ta’ okkupazzjoni tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni sabiex jagħmel din l-evalwazzjoni mill-ġdid.

81.      It-tielet, ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi evalwat sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni preċiża tar-relazzjoni, fl‑2019, bejn in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni u l-kapaċità tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Il-Gvern Ġermaniż jindika li ma għandux din l-informazzjoni għax-xahar ta’ Awwissu 2019 u lanqas għax-xhur sussegwenti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tirrileva li n-notifika tas‑27 ta’ Awwissu 2019 skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2008/115 ma kienet tinkludi ebda waħda minn dawn l-indikazzjonijiet għas-sena 2019 u lanqas għas-snin preċedenti, peress li l-leġiżlatur Ġermaniż irrefera biss għan-numru insuffiċjenti ta’ postijiet fil-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fid-dawl tan-numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom jitilqu mit-territorju.

82.      Fir-realtà, nistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex ibbażata b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu ma humiex issodisfatti, filwaqt li l-motivazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni donnhom huma kompletament differenti.

83.      Fil-fatt, qabelxejn, nikkonstata li din il-leġiżlazzjoni tipprovdi, mingħajr dubju, li d-detenzjoni titwettaq fil-ħabsijiet, iżda li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija għandhom jiġu mifrudin mill-priġunieri ordinarji u li l-familji għandhom jingħataw akkomodazzjoni separata. Issa, kif esponejt, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw kemm mill-obbligu li jifirdu liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi mill-priġunieri ordinjarji kif ukoll minn dak li jiżguraw l-akkomodazzjoni separata għall-familji. Għalhekk, l-uniku effett tal-imsemmija leġiżlazzjoni huwa li tippermetti d-detenzjoni fil-ħabsijiet, fatt li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, l-Istati Membri ma jistgħux josservaw l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva billi jiżguraw id-detenzjoni tagħhom f’faċilitajiet speċjalizzati (55).

84.      Imbagħad, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tat-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju, donnu jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni hija qabel kollox liġi ta’ ppjanar. Din kienet adottata sabiex tingħeleb l-insuffiċjenza tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, peress li l-Gvern Ġermaniż kien ta prijorità lill-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali matul il-kriżi migratorja tas-snin 2014 u 2015. Għalhekk, fil-preżent l-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni huwa li tippermetti, għal tul ta’ tliet snin, il-kostruzzjoni ta’ numru suffiċjenti ta’ faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Din l-espożizzjoni tal-motivi tispeċifika, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(22) tat-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju, li, “[b]ħala konsegwenza tat-tibdil tas-sitwazzjoni matul is-sena 2015 u taż-żieda qawwija tan-numru ta’ applikanti għal protezzjoni [internazzjonali], l-ewwel obbligu tal-Istat u tal-[Istati Federali] kien li joħolqu kapaċitajiet sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-persuni. […] F’din is-sitwazzjoni, it-teħid inkarigu tal-persuni li kienu għadhom kemm waslu kien ta’ prijorità fuq iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ detenzjoni, bil-għan li f’data sussegwenti (wara li l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil u ta’ appell tkun waslet fi tmiemha) jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, ir-regola derogatorja prevista fl-Artikolu 18 [ta’ din id-direttiva] għandha, ġustament, l-għan u l-iskop li f’tali sitwazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet jieħdu ħsieb bi prijorità t-teħid inkarigu tal-persuni li jkunu għadhom kemm waslu mingħajr ma jiksru, b’mod prevedibbli, obbligi fil-futur. […] L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 huwa ġustament intiż li jsolvi l-eventwali kunflitt ta’ għanijiet f’sitwazzjoni eċċezzjonali imprevedibbli”.

85.      Madankollu, jiena ma naqbilx mal-perspettiva espressa mil-leġiżlatur Ġermaniż fl-imsemmija espożizzjoni tal-motivi. Minkejja li r-regoli relattivi għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali stabbiliti mid-Direttiva 2013/33 u dawk relattivi għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jaqgħu taħt is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, madankollu, dawn id-direttivi għandhom kamp ta’ applikazzjoni speċifiku u jfittxu għanijiet differenti. Ebda regola stabbilita mill-imsemmija direttiva ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-preservazzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk tal-ewwel għandha sseħħ bi preġudizzju għad-drittijiet ta’ dawk tat-tieni.

86.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li l-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG, fil-verżjoni tiegħu sa mill‑15 ta’ Awwissu 2019, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 kemm minħabba r-raġunijiet sostnuti mil-leġiżlatur Ġermaniż sabiex jiġġustifika l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabsijiet kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Il-fatt li jiġi aċċettat il-kuntrarju jkun jammonta sabiex jiġi skużat nuqqas ta’ twettiq mill-Istati Membri tal-obbligi li huma għandhom skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, fatt li jippreġudika l-għan tal-imsemmija direttiva u l-effett utli tagħha.

87.      Nifhem li din l-opinjoni hija sostnuta wkoll mill-Kummissjoni. Fil-fatt, waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas‑7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas‑16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (56), hija wettqet, sa mix-xahar ta’ Frar 2020, żjarat fuq il-post. Peress li dawn tal-aħħar ippermettew li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-Ġermanja, il-Kummissjoni għalhekk irrakkomandat lil dan l-Istat Membru jevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni u jippreżenta pjan ta’ azzjoni.

88.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, għal tul ta’ tliet snin, it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabsijiet, meta la r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni, la l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tagħha u lanqas il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħha ma juru l-emerġenza tas-sitwazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu.

B.      Fuq il-portata tas-setgħat li għandha l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni (l-ewwel domanda)

89.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni tivverifika, f’kull sitwazzjoni individwali, l-eżistenza, jew anki l-persistenza, ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza li tiġġustifika t-tqegħid f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata f’ħabs.

90.      Għar-raġunijiet li ser nesponi issa, nikkunsidra li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tivverifika, f’kull istanza, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali, humiex issodisfatti.

91.      Huwa minnu li, il-konstatazzjonijiet relattivi għall-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali li jirriżultaw minnha, jaqgħu, qabel kollox, taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru. Fid-dawl tan-natura u tal-gravità taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, huwa l-Istat Membru li għandu jagħmel dawn il-konstatazzjonijiet abbażi ta’ eżami ġeneralizzat u fid-dettall li jieħu inkunsiderazzjoni d-data kollha li huwa għandu li tirrigwarda l-piż fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tiegħu jew fuq il-persunal amministrattiva u ġudizzjarju tiegħu. B’applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni hija mgħarrfa biss bl-adozzjoni u t-tħassir ta’ dawn il-miżuri ta’ emerġenza mingħajr ma l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi monitoraġġ ex ante tal-imsemmija miżuri. Bl-eċċezzjoni tal-istħarriġ li tista’ twettaq il-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, wara l-adozzjoni tagħhom dawn il-miżuri huma suġġetti biss għall-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ stabbilita mir-Regolament Nru 1053/2013.

92.      Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jistenna t-tneħħija għandha tkun tista’ teżerċita monitoraġġ.

93.      Fil-fatt dan il-monitoraġġ jidhirli li huwa ġġustifikat mill-fatt li l-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jinżammu biss, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, u l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni “hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu”, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, jidhirli li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni għandu jkollha l-possibbiltà, għal kull każ sottomess lilha, tivverifika jekk il-miżuri ta’ emerġenza humiex iġġustifikati fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva.

94.      Tali monitoraġġ jidhirli li huwa iktar u iktar neċessarju ladarba l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza u r-riskju ta’ saturazzjoni tal-kapaċitajiet li hija timplika – jekk din isseħħ – jikkostitwixxu kriterji oġġettivi li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni waqt id-deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni. Fil-fatt, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ tqegħid f’detenzjoni għandhom jiġu adottati każ b’każ u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi, minbarra dak ibbażat fuq sempliċi residenza irregolari (57). Għalhekk, din l-awtorità għandha tivverifika, abbażi ta’ eżami individwali li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari taċ-ċittadin ikkonċernat, jekk huwiex possibbli li tintuża miżura alternattiva għat-tqegħid f’detenzjoni u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk huwiex possibbli li dan tal-aħħar jitqiegħed f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni jew, fil-każ ta’ saturazzjoni, f’ħabs.

95.      Tali monitoraġġ jidhirli wkoll iktar u iktar indispensabbli ladarba l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu effett dirett (58). Fil-fatt, dan l-artikolu ma għandux jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija dritt invokabbli fih innifsu. F’dawn iċ-ċirkustanzi u skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-awtorità ġudizzjarja li għandha tiżgura applikazzjoni effettiva tal-prinċipji u tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

96.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni għandha tivverifika, f’kull sitwazzjoni individwali, jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali, għadhomx issodisfatti.

C.      Fuq il-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” (it-tielet u r-raba’ domanda)

97.      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kriterji li abbażi tagħhom faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni hija differenti minn ħabs, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-istruttura, tas-sistema tad-detenzjoni u tal-kundizzjonijiet materjali tagħha.

98.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” jeskludix struttura li hija taqsima speċifika ta’ ħabs, li l-amministrazzjoni tagħha hija suġġetta globalment għall-amministrazzjoni tal-ħabs u taqa’, bħal din il-faċilità, taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ġustizzja.

99.      Fil-każ li tali struttura tista’ tingħata din il-klassifikazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” ikoprix struttura li hija taqsima speċifika ta’ ħabs li fiha ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija jiġu mifrudin mill-priġunieri ordinarji, li hija komposta minn tliet binjiet imdawra b’ċint ta’ xbieki tal-wajer, li bejniethom ma jeżisti ebda aċċess dirett, kull waħda bil-faċilitajiet tagħha (ħanut tal-ħwejjeġ, infermerija, sala għall-isport, bitħa), u waħda minn dawn il-binjiet hija intiża temporanjament għall-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ multa jew ta’ pieni qosra.

100. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’deċiżjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħti preċiżjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha ta’ regola tal-Unjoni. Madankollu, hija proprju din tal-aħħar li għandha tivverifika l-elementi konkreti tal-kawża pendenti quddiemha, u b’mod partikolari, li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni fit-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs tal-Belt ta’ Hannover bejn il‑25 ta’ Settembru u t‑2 ta’ Ottubru 2020 jipprekludux il-klassifikazzjoni bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” (59). Tali eżami jikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE u taqa’ taħt il-qorti nazzjonali.

1.      It-tqegħid f’detenzjoni f’faċilità speċjalizzata

101. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jiddefinixxix bi preċiżjoni s-sistema u l-kriterji materjali speċifiċi għal faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni. Madankollu, huwa possibbli li dawn jiġu identifikati fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “detenzjoni”, tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul it-tqegħid f’detenzjoni tagħhom u tal-prinċipji stabbiliti kemm mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-Kunsill tal-Ewropa.

102. Il-kunċett ta’ “detenzjoni” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2008/115. Għall-kuntrarju, dan huwa ppreċiżat fil-kuntest tad-Direttiva 2013/33 fir-rigward tat-tqegħid f’detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-definizzjoni tapplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 (60).

103. Skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, id-detenzjoni hija ddefinita bħala “restrizzjoni ta’ applikant [għal protezzjoni internazzjonali] minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha” (61). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqegħid f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni huwa “miżura li ċċaħħad il-libertà” (62) jew anki “miżura koerċittiva li ċċaħħad [lill-persuna kkonċernata] mil-libertà ta’ moviment [tagħha] u tiżolah[a] mill-kumplament tal-popolazzjoni, billi timponi fuq[ha] li [t]ibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq” (63).

104. In-natura u l-iskop tad-detenzjoni huma distinti, fl-essenza tagħhom, minn dawk ta’ miżura punittiva peress li d-detenzjoni hija intiża biss li tikkontribwixxi għat-twettiq tat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment (64). Billi jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, il-prinċipju li d-detenzjoni għandha titwettaq f’faċilità speċjalizzata, il-leġiżlatur tal-Unjoni juri b’hekk il-volontà tiegħu li fit-territorju tal-Istati Membri jiġu stabbiliti faċilitajiet speċifikament intiżi għall-finijiet ta’ preparazzjoni u ta’ eżekuzzjoni tat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

105. Barra minn hekk, id-distinzjoni li huwa jagħmel fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 bejn it-tqegħid f’detenzjoni f’faċilità speċjalizzata u t-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs, teħtieġ li dik tal-ewwel tkun distinta mit-tieni, kemm permezz tar-regoli interni ta’ funzjonament tagħha kif ukoll permezz tas-sistemazzjoni tal-binjiet tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ faċilitajiet għandha tkun iktar u iktar ċara peress li l-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni huma intiżi wkoll li jiżguraw id-detenzjoni ta’ ċerti applikanti għal protezzjoni internazzjonali (għal finijiet oħra minbarra t-tneħħija), skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 (65).

106. Is-sistema u l-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni jirriżultaw ukoll mill-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu ħsieb jispeċifika d-drittijiet li l-Istati Membri għandhom jiżguraw matul l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni, bħall-aċċess għall-kura medika urġenti jew il-kuntatti mal-membri tal-familja, mar-rappreżentanti legali jew anki mal-awtoritajiet konsulari. Huwa jippreċiża wkoll il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-finijiet tat-tqegħid f’detenzjoni tal-familji u tal-minuri, billi jeħtieġ lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni primordjali lill-aħjar interessi tal-wild, skont l-obbligi previsti fl-Artikolu 7, l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li huma stabbiliti wkoll fil-premessa 22 u fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, il-familji għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn akkomodazzjoni separata li tiggarantilhom intimità xierqa u l-minuri għandhom ikunu jistgħu jipprattikaw attivitajiet rikreattivi addattati għall-età tagħhom kif ukoll, jekk ikun il-każ, ikollhom aċċess għall-edukazzjoni. Fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjati, dawn għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikunu s-suġġett ta’ teħid inkarigu speċifiku, minn persunal ikkwalifikat u f’faċilitajiet xierqa.

107. Fl-aħħar, is-sistema u l-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni jirriżultaw mill-obbligi li kull Stat Membru għandu li josserva d-dinjità tal-persuni mċaħħda mil-libertà kif ukoll li jirrispetta d-dritt tagħhom li ma jkunux esposti għal trattamenti inumani jew degradanti (66).

108. Ir-rekwiżiti li jistabbilixxi l-leġiżlatur tal-Unjoni jintegraw, essenzjalment, dawk stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Kunsill tal-Ewropa.

109. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tevalwa n-natura “xierqa” tas-sistema tad-detenzjoni fid-dawl tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 5 u 8 tal-KEDB abbażi ta’ indizji relattivi għall-post, għall-kundizzjonijiet u għat-tul tad-detenzjoni. Hija twettaq evalwazzjoni każ b’każ, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati (67).

110. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija partikolarment attenta għat-tqassim u għat-tagħmir tal-binjiet kif ukoll għall-kwalifiki tal-persunal ta’ superviżjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-familji. Dawn il-binjiet għandhom ikunu nodfa u joffru spazju fejn wieħed jgħix suffiċjenti għan-numru ta’ persuni li jistgħu jitqiegħdu fihom. B’mod partikolari, dawn għandu jkollhom tagħmir sanitarju b’aċċess liberu u f’numru suffiċjenti, spazju u materjal neċessarju għas-servizzi tal-ikel kif ukoll telefown b’aċċess liberu. L-imsemmija binjiet għandu jkollhom ukoll tagħmir mediku kif ukoll post irriżervat għall-akkoljenza tal-familji u tal-awtoritajiet konsulari. Barra minn hekk, għandu jkollhom spazju għall-edukazzjoni u rikreazzjoni, u b’mod partikolari spazju għall-mixi fil-miftuħ. Fl-aħħar, fil-każ li l-binjiet tal-faċilità jkollhom jakkomodaw lill-familji, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teħtieġ li l-kmamar ikunu mgħammra speċjalment bl-infrastrutturi essenzjali meħtieġa għad-detenzjoni ta’ tfal żgħar b’materjal għall-kura tat-tfal xieraq u sigur (68).

111. Barra minn hekk, il-linja gwida 10 tal-“Għoxrin Linja Gwida dwar ir-Ritorn Furzat”, li l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta fl‑4 ta’ Mejju 2005 u li d-Direttiva 2008/115 tirreferi għalihom fil-premessa 3 tagħha, teħtieġ, fil-punt 1 tagħha, li l-persuni ddetenuti qabel it-tneħħija jitqiegħdu “normalment” f’binjiet intiżi speċjalment għal dan il-għan, li joffru kundizzjonijiet materjali u sistema xierqa għall-istatus ġuridiku tagħhom (69). Fil-punt 4 tagħha, din timponi wkoll li dawn il-persuni jiġu mifruda mill-akkużati u mill-persuni kkundannati. Fir-rigward tal-linja gwida 11 ta’ dawn il-linji gwida, din teħtieġ, fil-punti 2 sa 4 tagħha, li l-familji jibbenefikaw minn postijiet ta’ akkomodazzjoni separati sabiex tiġi ppreservata l-intimità tagħhom u mgħammra b’persunal u faċilitajiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal, li jippermettulhom, b’mod partikolari, ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u jipparteċipaw f’attivitajiet rikreattivi (70).

112. Dawn l-indikazzjonijiet jippermettu li jiġu identifikati l-kriterji essenzjali ta’ faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni.

113. Qabel kollox din għandha tkun faċilità distinta, fid-destinazzjoni u fl-organizzazzjoni tagħha, minn ħabs, bir-riskju li d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 titlef kull sens u effett utli tagħha.

114. Imbagħad, din għandha tkun faċilità li tippermetti li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni minn persunal ikkwalifikat, skont sistema li ċċaħħad il-libertà u kundizzjonijiet materjali li jkunu xierqa għall-istatus ġuridiku taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari tal-iktar vulnerabbli, u li josservaw id-dinjità umana u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

115. Issa, għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom għandha titwettaq id-detenzjoni meta din isseħħ f’ħabs, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

2.      It-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs

116. Infakkar, li meta Stat Membru ma jkunx jista’ jqiegħed liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jistenna t-tneħħija f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkollu jqiegħdu f’ħabs, huwa għandu jiżgura s-separazzjoni ta’ dan tal-aħħar minn mal-priġunieri ordinarji, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

117. Infakkar ukoll, li fis-sentenza Pham, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ separazzjoni jmur lil hinn minn sempliċi modalità ta’ eżekuzzjoni speċifika ta’ tqegħid f’detenzjoni f’ħabsijiet u jikkostitwixxi kundizzjoni sostantiva ta’ dan it-tqegħid li mingħajrha, bħala prinċipju, dan ma jkunx konformi ma’ din id-direttiva (71). Barra minn hekk, hija ddeċidiet li dan l-obbligu ta’ separazzjoni huwa inkundizzjonat u ma huwa marbut ma’ ebda eċċezzjoni (72).

118. Is-saħħa tal-prinċipji hawn identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja timplika separazzjoni ġeografika u organizzattiva bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija u l-priġunieri ordinarji. Fil-fatt, il-ħabsijiet huma intiżi għal użu differenti minn dak tad-detenzjoni sakemm titwettaq tneħħija. L-amministrazzjoni u s-sistema ta’ ħabs jirriżultaw f’regoli interni ta’ funzjonament kif ukoll f’restrizzjonijiet amministrattivi u materjali li jissodisfaw għanijiet speċifiċi marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ piena.

119. Għalhekk, l-osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ separazzjoni timplika separazzjoni stretta permezz tal-ħolqien ta’ struttura distinta u iżolata mill-bqija tal-ħabs. Barra minn hekk, hija timplika trattament differenti bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija u l-priġunieri ordinarji. Għalhekk, l-Istat Membru għandu jiżgura li, fi ħdan l-istruttura ddedikata għat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-detenzjoni jkunu differenti mill-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena. Dan jippreżupponi l-istabbiliment ta’ sistema u ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni li jkunu xierqa għall-istatus ġuridiku tagħhom u kapaċi jissodisfaw il-bżonnijiet partikolari tagħhom, fatt li jimplika li din l-istruttura tiġi attribwita persunal li l-kompitu tiegħu jkun differenti mill-kompitu eżerċitat mal-priġunieri ordinarji.

120. Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi eżaminat sa fejn struttura bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju tista’ tikklassifika bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

3.      It-taqsima ta’ Langenhagen talħabs tal-Belt ta’ Hannover

121. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, jidhirli li l-miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni li K kien is-suġġett tagħha fit-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs tal-Belt ta’ Hannover bejn il‑25 ta’ Settembru u t‑2 ta’ Ottubru 2020 iktar taqa’ taħt miżura ta’ tqegħid f’ħabs fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 milli taħt miżura ta’ tqegħid f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fis-sens tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

122. Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-karatteristiċi differenti li donnha għandha din l-istruttura.

123. Ċerti karatteristiċi jistgħu jippermettu li l-imsemmija struttura tiġi kklassifikata bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”. Fil-fatt, donnha teżisti separazzjoni ġeografika bejn it-taqsima ta’ Langenhagen u l-ħabs tal-Belt ta’ Hannover li magħha din hija marbuta, peress li l-ewwel waħda tinsab ftit kilometri ’l bogħod mit-tieni. Barra minn hekk, din it-taqsima hija komposta minn tliet binjiet, li kull waħda għandha faċilitajiet tagħha, jiġifieri infermerija, ħanut tal-ħwejjeġ, sala għall-isport u bitħa. Il-kmamar huma okkupati minn persuna waħda, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn il-persuni kkonċernati jitolbu li joqogħdu flimkien. Il-faċilitajiet sanitarji huma aċċessibbli b’mod liberu l-ġurnata kollha. Il-persuni ddetenuti jistgħu jirċievu żjara kuljum, ikollhom mobile u jaċċedu għall-internet.

124. Il-fatt li l-amministrazzjoni tat-taqsima ta’ Langenhagen hija suġġetta għal dik tal-ħabs tal-Belt ta’ Hannover u taqa’, bħal dik ta’ din faċilità, taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ġustizzja ma huwiex element suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li tali taqsima tikklassifika bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”. Fil-fatt, il-kompiti tal-amministrazzjonijiet tal-ħabs, bħal dawk tal-ministeri, jinbidlu skont l-Istati Membri u dawn jistgħu, għalhekk, jeżerċitaw l-awtorità tagħhom fuq strutturi ta’ natura differenti ħafna.

125. Għall-kuntrarju, it-taqsima ta’ Langenhagen għandha karatteristiċi oħra li, minħabba l-importanza tagħhom, donnhom jeskludu l-klassifikazzjoni tagħha bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”.

126. Fil-fatt, din it-taqsima tista’ tilqa’ priġunieri ordinarji. Għalhekk, waħda mit-tliet binjiet li tinkludi din it-taqsima kienet użata għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà qosra jew ta’ pieni ta’ priġunerija minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ multa. Issa, jidhirli raġonevoli li wieħed jaħseb li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ma ordnawx l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, anki jekk din kienet waħda qasira jew minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ multa, fi struttura li hija “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” intiża għat-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u skont kundizzjonijiet u modalitajiet differenti minn dawk stabbiliti mill-Gesetz über den Vollzug der Freiheitsstrafe und der freiheitsentziehenden Maßregeln der Besserung und Sicherung (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni tal-Pieni ta’ Priġunerija u tal-Miżuri li Jneħħu l-Libertà) (73), tas‑16 ta’ Marzu 1976. Mill-elementi tal-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni fit-taqsima ta’ Langenhagen tassew titwettaq skont is-sistema tal-eżekuzzjoni tal-pieni u li l-persunal responsabbli mis-superviżjoni u mis-sorveljanza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija huwa l-persunal tal-ħabs responsabbli mill-priġunieri ordinarji. Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż indika wkoll li “[w]ara d-digriet mogħti mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) fit‑30 ta’ Settembru 2020” (74), il-ħmistax-il priġunier akkomodati fit-taqsima ta’ Langenhagen kienu ġew ittrasferiti “f’ħabsijiet oħra tal-Land”. Dawn l-elementi donnhom juru li din l-istruttura tista’ tintuża għall-finijiet tal-eżekuzzjoni kemm ta’ miżuri ta’ detenzjoni kif ukoll ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà fid-dawl tas-sistema applikabbli u tal-modalitajiet konkreti ta’ funzjonament.

127. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li l-miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni fit-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs tal-Belt ta’ Hannover taqa’ taħt miżura ta’ tqegħid f’ħabs fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

128. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, faċilità intiża li tipprepara t-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li fi ħdanha l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni titwettaq skont sistema li ċċaħħad il-libertà u f’kundizzjonijiet materjali li huma xierqa għall-istatus ġuridiku u għall-vulnerabbiltà ta’ dawn iċ-ċittadini.

129. Ma taqax taħt il-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” struttura li tista’ tintuża għall-finijiet tal-eżekuzzjoni kemm ta’ miżuri ta’ detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija kif ukoll ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà u li fi ħdanha d-detenzjoni titwettaq skont il-leġiżlazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni u taħt is-sorveljanza tal-persunal tal-ħabs ta’ din l-istruttura.

V.      Konklużjoni

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettawali ta’ Hannover, il-Ġermanja):

1)      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, għal tul ta’ tliet snin, it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija f’ħabsijiet, meta la r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni, la l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tagħha u lanqas il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħha ma juru l-emerġenza tas-sitwazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu.

2)      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mit-tqegħid f’detenzjoni għandha tivverifika, f’kull sitwazzjoni individwali, jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali, għadhomx issodisfatti.

3)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, faċilità intiża li tipprepara t-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li fi ħdanha l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni titwettaq skont sistema li ċċaħħad il-libertà u f’kundizzjonijiet materjali li huma xierqa għall-istatus ġuridiku u għall-vulnerabblità ta’ dawn iċ-ċittadini.

4)      Ma taqax taħt il-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” struttura li tista’ tintuża għall-finijiet tal-eżekuzzjoni kemm ta’ miżuri ta’ detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija kif ukoll ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà u li fi ħdanha d-detenzjoni titwettaq skont il-leġiżlazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni u taħt is-sorveljanza tal-persunal tal-ħabs ta’ din l-istruttura.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


3      C‑473/13 u C‑514/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bero u Bouzalmate”, EU:C:2014:2095.


4      C‑474/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pham”, EU:C:2014:2096.


5      C‑18/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stadt Frankfurt am Main”, EU:C:2020:511.


6      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (COM(2018) 634 final).


7      BGBl. 2004 I, p. 1950, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”.


8      BGB1. 2019 I, p. 1294.


9      Ara Deutscher Bundestag, Drucksache 19/10047, disponibbli fl-indirizz internet sussegwenti: https://dserver.bundestag.de/btd/19/100/1910047.pdf (p. 44 u 45).


10      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


11      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat‑22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).


12      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma huwiex ifformulat b’mod identiku fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bero u Bouzalmate (punti 26 u 27).


13      Ara l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 2 u 11 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll is-sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 39 u 41).


15      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 42).


16      Fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Jannar 2012, Popov vs Franza, CE:ECHR:2012:0119JUD003947207, punt 119, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’hekk fakkret li “t-tqegħid f’detenzjoni amministrattiva [huwa] l-aħħar miżura li għandha tintuża li ebda alternattiva [ma tista’] tissostitwixxi”. Ara, ukoll, ir-Riżoluzzjoni 1707 (2010), intitolata “Detenzjoni amministrattiva tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari fl-Ewropa”, adottata fit‑28 ta’ Jannar 2010, li fiha l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa jfakkar li “d-detenzjoni […] tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari hija miżura eċċezzjonali li għandha tapplika biss meta wieħed ikun eżamina l-alternattivi l-oħra kollha u ebda waħda ma tkun irriżultat effettiva” (punt 9.1.1).


17      Ara l-premessi 13, 16, 17 u 24 tad-Direttiva 2008/115.


18      Ara s-sentenza Bero u Bouzalmate (punt 28).


19      Ara s-sentenza Bero u Bouzalmate (punt 31).


20      Ara s-sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 39).


22      Sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara s-sentenza Pham (punt 22)


25      Sentenza Bero u Bouzalmate (punt 31).


26      Ara s-sentenza Pham (punt 17).


27      Sentenza Pham (punt 19).


28      Madankollu, infakkar li fis-sentenza Pham, waqt li kienet qiegħda tinterpreta t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji “ma huwa marbut ma’ ebda eċċezzjoni” u “jikkostitwixxi kundizzjoni sostantiva [għat-tqegħid f’detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’ħabsijiet] li mingħajrha, bħala prinċipju, dan it-tqegħid ma jkunx konformi [ma’ din id-]direttiva” (punti 19 u 21).


29      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 42), kif ukoll “Returning unaccompanied children: fundamental rights considerations”, Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (FRA), Settembru 2019, p. 7.


30      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teħtieġ li tkun teżisti rabta bejn ir-raġuni invokata għaċ-ċaħda ta’ libertà awtorizzata u l-post u s-sistema ta’ detenzjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Diċembru 2011, Kanagaratnam et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2011:1213JUD001529709, punt 84.


31      Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-marġni jiġi rregolat b’mod iktar strett fil-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil (COM(2020) 613 final). Skont il-Kummissjoni, “[i]d-dritt għall-ħelsien u l-libertà tal-moviment huwa protett peress li, jekk id-detenzjoni tintuża fil-kuntest tar-regoli derogatorji għall-proċeduri fil-fruntiera tal-ażil u tar-ritorn, dawn ir-regoli derogatorji jistgħu jiġu applikati biss f’qafas strettament regolat u għal żmien limitat” (punt 3.3, p. 13). Ara, ukoll, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat‑23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni (Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji) (ĠU 2020, L 317, p. 26).


32      Ara d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni (C‑517/15 P, EU:C:2016:21, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, bħala eżempju, id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punti 33 u 34).


34      Konformement mal-Artikolu 78(3) TFUE, fil-każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Istati Membri kkonċernati.


35      Ara pereżempju, id-Deċiżjoni 2015/1601.


36      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).


37      Ara l-kawżi magħquda Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu tal-kontrolli fil-fruntieri interni) (C‑368/20) u Bezirkshauptmannschaft Leibnitz (Tul massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni) (C‑369/20), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


38      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1).


39      Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 39 u 41).


40      F’dan il-kuntest, nirrileva li, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115, il-Parlament jipproponi l-limitazzjoni iktar ta’ dan il-marġni diskrezzjonali billi l-espressjoni “sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali” tiġi ssostitwita bi żmien speċifiku ta’ massimu tliet xhur: ara l-emendi għall-Proposta għal Direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Parlament, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/LIBE-AM-658738_MT.pdf, taħt l-Artikolu 21(1) (p. 357).


41      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Stadt Frankfurt am Main (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 28).


42      Fil-kuntest tal-aġenda Ewropea fil-qasam tal-migrazzjoni, ir-ritorn effettiv taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment jikkostitwixxi aspett essenzjali, kif turi l-Proposta għal Direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet (p. 1).


43      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 274 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Stadt Frankfurt am Main (punt 38).


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara, fil-kuntest tat-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 258 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Mill-premessi 13 u 16, kif ukoll mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom iwettqu t-tneħħija permezz tal-inqas miżuri koersivi possibbli. Fil-każ fejn diversi miżuri huma ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex, għandha tingħata preferenza lill-miżura l-inqas restrittiva. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (Miżuri preventivi fid-dawl ta’ tneħħija) (C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 58).


48      L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu obbligi fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jevitaw r-riskju li dan tal-aħħar jaħrab matul il-perijodu ta’ tluq volontarju, fejn l-obbligi espressament elenkati għal dan il-għan huma dawk ta’ rrappurtar regolari lill-awtoritajiet, ta’ depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti jew ta’ obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post.


49      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li dawn tal-aħħar għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni ikbar fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ miżura li tirrestrinġi l-libertà, jew tal-eżistenza ta’ trattamenti inumani jew degradanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Frar 2019, Khan vs Franza, CE:ECHR:2019:0228JUD001226716).


50      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Lulju 2013, Suso Musa vs Malta, CE:ECHR:2013:0723JUD004233712; tat‑22 ta’ Novembru 2016, Abdullahi Elmi u Aweys Abubakar vs Malta, CE:ECHR:2016:1122JUD002579413, kif ukoll tal‑4 ta’ April 2017, Thimothawes vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2017:0404JUD003906111.


51      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑5 ta’ April 2011, Rahimi vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:0405JUD000868708, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2011, Kanagaratnam et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2011:1213JUD001529709, li tirrigwarda d-detenzjoni tar-rikorrenti (omm u t-tlitt ulied tagħha) f’binja magħluqa intiża għall-adulti.


52      Il-Qorti EDB, 5 ta’ April 2011, CE:ECHR:2011:0405JUD000868708.


53      Punt 108 ta’ din is-sentenza.


54      Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tat-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju.


55      Ara s-sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 39).


56      ĠU 2013, L 295, p. 27.


57      Ara s-sentenza Stadt Frankfurt am Main (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għaliha li twettaq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li jkollha effett dirett fil-kawża li tkun tressqet quddiemha (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Braathens Regional Aviation (C‑30/19, EU:C:2021:269, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 79 et seq.).


60      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 224).


61      Din id-definizzjoni hija rilevanti fil-kuntest ta’ tqegħid f’detenzjoni ordnat b’applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, skont l-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva 2013/33.


62      Digriet tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Republika Slovenija (Detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali) (C‑186/21 PPU, EU:C:2021:447, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


63      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 216 sa 223).


64      Ara l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115. Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, l-argumenti li l-Avukat Ġenerali Bot iddedika għal din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Bero u Bouzalmate (C‑473/13, C‑474/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punti 91 et seq.). Skont l-Avukat Ġenerali Bot, il-leġiżlatur tal-Unjoni jittrasponi b’dan il-mod il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tipprovdi li ċaħda tal-libertà tista’ tkun kompatibbli mal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB biss jekk hija titwettaq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ tkeċċija u tkun proporzjonata għal dan il-għan (ara l-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, punti 112 u 113, kif ukoll 19 ta’ Jannar 2012, Popov vs Franza, CE:ECHR:2012:0119JUD003947207, punt 140) (nota ta’ qiegħ il-paġna 33).


65      Il-kunċetti ta’ “detenzjoni” u ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” huma fil-fatt kunċetti komuni għal diversi strumenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.


66      Ara l-premessa 24 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115. Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Khlaifa et vs L‑Italja, CE:ECHR:2016:1215JUD001648312, punti 161 et seq.


67      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2012, Popov vs Franza, CE:ECHR:2012:0119JUD003947207, punti 89 et seq. u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Khlaifia et vs L‑Italja, CE:ECHR:2016:1215JUD001648312, punti 163 et seq.


68      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2012, Popov vs Franza, CE:ECHR:2012:0119JUD003947207.


69      Ara, ukoll, ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-Migrazzjoni, tar-Refuġjati u tal-Popolazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tal‑11 ta’ Jannar 2010, intitolat “Id-detenzjoni amministrattiva tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari fl-Ewropa”, b’mod partikolari l-linja gwida 8 tal-Anness I relattiv għall-“[g]ħaxar linji gwida dwar iċ-ċirkustanzi li fihom id-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari hija legalment ammisibbli”, li fiha l-Assemblea Parlamentarji tal-Kunsill tal-Ewropa tinnota li l-post, il-kundizzjonijiet u s-sistema tad-detenzjoni għandhom ikunu xierqa, kif ukoll id-dokument tematiku tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, intitolat “Id-drittijiet fundamentali tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari fl-Ewropa” (it-Taqsima II tat-Titolu III, p. 16 u 17).


70      Fl-istess linja ta’ ideat, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fil-punt 9.2 tar-Riżoluzzjoni 1707 (2010) tagħha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet), teħtieġ, fost il‑“15‑ir regola Ewropea li jiddefinixxu l-istandards minimi applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-migranti u tal-applikanti għall-ażil”, li l-persuni ddetenuti jingħataw akkomodazzjoni f’faċilitajiet intiżi speċjalment għad-detenzjoni marbuta mal-immigrazzjoni u mhux f’ħabsijiet (regola 2). Hija timponi, ukoll, li l-postijiet allokati għal dan l-għan ikunu joffru kundizzjonijiet materjali u sistema ta’ detenzjoni xierqa għas-sitwazzjoni ġuridika u fattwali tal-persuni kkonċernati (regoli 5 u 6).


71      Ara s-sentenza Pham (punt 21).


72      Ara s-sentenza Pham (punti 17 u 19).


73      BGBl. 1976 I, p. 581.


74      Il-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħmel ebda riferiment ieħor għal dan id-digriet tat‑30 ta’ Settembru 2020.